search


keyboard_tab Media online 2019/0789 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0789 MT cercato: 'id-direttiva' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 1

Suġġett

Din id-direttiva tistabbilixxi regoli, li għandhom l-għan li jtejbu l-aċċess transfruntier għal numru akbar ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju, billi jiffaċilitaw l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għall-forniment ta' servizzi online li huma anċillari għax-xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju, u għar-ritrażmissjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju. Jistabbilixxi wkoll regoli għat-trażmissjoni ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju permezz tal-proċess ta' injezzjoni diretta.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz online anċillari” tfisser servizz online li jikkonsisti fil-forniment lill-pubbliku, minn organizzazzjoni tax-xandir jew bil-kontroll u bir-responsabbiltà tagħha, ta' programmi tat-televiżjoni jew tar-radju b'mod simultanju max-xandira tal-organizzazzjoni tax-xandir jew wara perjodu ta' żmien definit mix-xandira tagħhom, kif ukoll ta' kull materjal li jkun anċillari għal tali xandira;

(2)

“ritrażmissjoni” tfisser ir-ritrażmissjoni simultanja, mhux mibdula u mhux imqassra, minbarra r-ritrażmissjoni bil-kejbil kif definit fid-direttiva 93/83/KEE, bil-ħsieb li l-pubbliku jirċievi trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor ta' programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba biex jaslu għand il-pubbliku, fejn tali trażmissjoni inizjali ssir bil-fili jew fl-ajru, inkluż dik bis-satellita, iżda mhux bit-trażmissjoni online, sakemm:

(a)

ir-ritrażmissjoni titwettaq minn parti oħra għajr l-organizzazzjoni tax-xandir li tkun għamlet it-trażmissjoni inizjali jew li taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha tkun saret tali trażmissjoni inizjali, irrilevanti mill-mod li bih il-parti li twettaq ir-ritrażmissjoni tkun akkwistat is-sinjali li jwasslu l-programm mill-organizzazzjoni tax-xandir għal raġunijiet ta' ritrażmissjoni, u

(b)

meta r-ritrażmissjoni tkun fuq servizz tal-aċċess għall-Internet kif definit fil-punt (2) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2015/2120, din titwettaq f'ambjent immaniġġjat;

(3)

“ambjent immaniġġjat” tfisser ambjent fejn operatur ta' servizz ta' ritrażmissjoni jipprovdi ritrażmissjoni sikura lill-utenti awtorizzati;

(4)

“injezzjoni diretta” tfisser proċess tekniku li permezz tiegħu organizzazzjoni tax-xandir tittrażmetti s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha lil organizzazzjonijiet li ma jkunux organizzazzjonijiet tax-xandir b'tali mod li s-sinjali li jwasslu l-programmi ma jkunux aċċessibbli għall-pubbliku waqt dik it-trażmissjoni.

KAPITOLU II

Servizzi online anċillari tal-organizzazzjonijiet tax-xandir

Artikolu 3

L-applikazzjoni tal-prinċipju tal-“pajjiż tal-oriġini” għas-servizzi online anċillari

1.   L-atti tal-komunikazzjoni lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, u tad-disponibbiltà lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawhom minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, li jseħħu waqt il-forniment lill-pubbliku:

(a)

programmi tar-radju, u

(b)

programmi tat-televiżjoni li huma:

(i)

programmi ta' aħbarijiet u ġrajjiet kurrenti, jew

(ii)

produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjoni tax-xandir iffinanzjati b'mod sħiħ,

fil-każ ta' servizz online anċillari minn organizzazzjoni tax-xandir jew taħt il-kontroll u r-responsabbiltà tagħha, kif ukoll fil-każ tal-atti tar-riproduzzjoni ta' tali xogħlijiet jew materjal protett ieħor li huma meħtieġa għall-forniment ta' tali servizz online, l-aċċess għalih jew l-użu tiegħu għall-istess programmi, għandhom jitqiesu, għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għal dawk l-atti, li qed iseħħu biss fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha.

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għal xandiriet ta' avvenimenti u xogħlijiet sportivi u materjal protett ieħor inkluż fihom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-iffissar tal-ammont tal-ħlas li għandu jingħata għad-drittijiet li għalihom japplika l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini kif stabbilit fil-paragrafu 1, il-partijiet jikkunsidraw l-aspetti kollha tas-servizz online anċillari, bħal karatteristiċi tas-servizz, inkluż it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà online tal-programmi pprovduti f'dak is-servizz, l-udjenza, u l-verżjonijiet lingwistiċi pprovduti.

L-ewwel subparagrafu m'għandux jipprekludi il-kalkolu tal-ammont tal-ħlasijiet, fuq il-bażi tad-dħul tal-organizzazzjoni tax-xandir.

3.   Il-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini stipulat fil-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà kuntrattwali tad-detenturi tad-drittijiet u tal-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jillimitaw l-isfruttament ta' dawk id-drittijiet, inklużi dawk stabbiliti fid-direttiva 2001/29/KE.

KAPITOLU III

Ritrażmissjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju

Artikolu 5

L-eżerċizzju tad-drittijiet fir-ritrażmissjoni mill-organizzazzjonijiet tax-xandir

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Artikolu 4 ma japplikax għad-drittijiet fir-ritrażmissjoni eżerċitati minn organizzazzjoni tax-xandir għar-rigward ta' trażmissjoni tagħha stess, irrispettivament minn jekk id-drittijiet inkwistjoni jkunux tagħha jew ikunux ġew ittrasferiti lilha mingħand detenturi oħrajn tad-drittijiet tal-awtur jew ta' drittijiet relatati.

2.   L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, fejn organizzazzjonijiet tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jidħlu f'negozjati rigward l-awtorizzazzjoni għar-ritrażmissjoni skont din id-direttiva, dawk in-negozjati jsiru b'rieda tajba.

Artikolu 8

Trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta

1.   Meta organizzazzjoni tax-xandir tittrażmetti b'injezzjoni diretta s-sinjali li jwasslu l-programmi tagħha lil distributur tas-sinjali, mingħajr ma l-organizzazzjoni tax-xandir innifisha tittrażmetti simultanjament dawk is-sinjali li jwasslu l-programmi direttament lill-pubbliku, u d-distributur tas-sinjali jittrażmetti dawk is-sinjali li jwasslu l-programm lill-pubbliku, l-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali għandhom jitqiesu li qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni uniku lill-pubbliku li għalih għandhom jiksbu l-awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-Artikoli 4, 5 u 6 ta' din id-direttiva japplikaw mutatis mutandis għall-eżerċizzju mid-detenturi tad-drittijiet tad-dritt biex tingħata jew tiġi rrifjutata l-awtorizzazzjoni għal distributuri tas-sinjali għal trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 1, imwettqa minn wieħed mill-mezzi tekniċi msemmija fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 93/83/KEE jew il-punt (2) tal-Artikolu 2 ta' din id-direttiva.

KAPITOLU V

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 9

Emendi għad-Direttiva 93/83/KEE

Fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 93/83/KEE, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“3.   Għall-finijiet ta' din id-direttiva, “ritrasmissjoni bil-cable” tfisser ir-ritrasmissjoni simultanja, mhux mibdula u mhux imqassra permezz ta' sistema tal-cable jew microwave għar-reception mill-pubbliku ta' trasmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor, bil-fili jew fl-arja, inkluż bis-satellita, tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju maħsuba għal reception mill-pubbliku, irrispettivament mill-mod kif l-operatur ta' servizz ta' ritrasmissjoni bil-cable jikseb is-sinjali li jwasslu l-programmi mill-organizzazzjoni tax-xandir għal finijiet ta' ritrasmissjoni.”

Artikolu 10

Rieżami

1.   Sas-7 ta' Ġunju 2025, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' din id-direttiva u tippreżenta rapport fuq is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jiġi ppubblikat u jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

2.   Għat-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprovdu fil-ħin l-informazzjoni rilevanti u meħtieġa lill-Kummissjoni.

Artikolu 12

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma' din id-direttiva sas-7 ta' Ġunju 2021. Għandhom immedjatament jinfurmaw lill-Kummissjoni b'dan.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tal-miżuri tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-direttiva.

Artikolu 13

Dħul fis-seħħ

Din id-direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 14

Destinatarji

Din id-direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-17 ta' April 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 125, 21.4.2017, p. 27.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' Marzu 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' April 2019.

(3)  id-direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU L 167, 22.6.2001, p. 10).

(4)  id-direttiva 2006/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar dritt ta' kiri u dritt ta' self u dwar ċerti drittijiet relatati mad-drittijiet tal-awtur fil-qasam tal-proprjetà intellettwali (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 28).

(5)  id-direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE tas-27 ta' Settembru 1993 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma' drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrażmissjoni bil-cable (ĠU L 248, 6.10.1993, p. 15).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li jistabbilixxi miżuri dwar aċċess għal Internet miftuħ u li jemenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma' netwerks u servizzi ta' komunikazzjonijiet elettroniċi u r-Regolament (UE) Nru 531/2012 dwar roaming fuq netwerks pubbliċi ta' komunikazzjoni mobbli fi ħdan l-Unjoni (ĠU L 310, 26.11.2015, p. 1).

(7)  id-direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu onlajn fis-suq intern (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72).

(8)  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.


whereas









keyboard_arrow_down