(1) Bħala kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, hemm bżonn li jitwessa' t-tixrid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra għall-benefiċċju tal-utenti madwar l-Unjoni, billi jeħfief il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu f'xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u r-radju.
Il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju huma mezzi importanti li jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, il-koeżjoni soċjali u li jżidu l-aċċess għall-informazzjoni.
- = -
(7) Għaldaqstant, il-forniment transfruntier tas-servizzi online li huma anċillari għax-xandiriet, u t-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, jenħtieġ li jeħfiefu billi jiġi adattat il-qafas ġuridiku dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għal dawn l-attivitajiet.
Dak l-adattament jenħtieġ li jsir billi jittieħed kont tal-finanzjament u l-produzzjoni ta' kontenut kreattiv, u b'mod partikolari, tax-xogħlijiet awdjoviżivi.
- = -
(12) billi l-forniment tas-servizzi online anċillari, l-aċċess għalihom jew l-użu tagħhom taħt din-id-Direttiva, jitqiesu li jseħħu biss fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir għandha l-istabbiliment ewlieni tagħha, filwaqt li de facto s-servizzi online anċillari jistgħu jiġu pprovduti bejn il-fruntieri lil Stati Membri oħra, huwa neċessarju li jkun żgurat li fl-iffissar tal-ammont tal-ħlas li għandu jingħata għad-drittijiet inkwistjoni, il-partijiet iqisu l-aspetti kollha tas-servizz online anċillari bħall-karatteristiċi tas-servizz, inkluż it-tul ta' żmien tad-disponibbiltà online tal-programmi inklużi fis-servizz, l-udjenza, inkluż l-udjenza fl-Istat Membru fejn l-organizzazzjoni tax-xandir ikollha l-istabbiliment ewlieni tagħha u fi Stati Membri oħra fejn jiġi aċċessat u użat is-servizz online anċillari, kif ukoll jiġu pprovduti l-verżjonijiet tal-lingwa.
Madankollu jenħtieġ li jibqa' possibbli li jintużaw metodi speċifiċi għall-kalkolu tal-ammont tal-ħlas għad-drittijiet soġġetti għall-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini, bħal metodi ibbażati fuq id-dħul tal-organizzazzjoni tax-xandir iġġenerat mis-servizz online, li huma użati, b'mod partikolari, mill-organizzazzjonijiet tax-xandir tar-radju.
- = -
(14) L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jistgħu jużaw teknoloġiji differenti meta dawn jittrażmettu mill-ġdid b'mod simultanju, b'mod mhux mibdul u b'mod mhux imqassar, biex tasal għand il-pubbliku trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju.
Is-sinjali li jwasslu l-programmi jistgħu jinkisbu minn operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni mingħand organizzazzjonijiet tax-xandir, li huma stess jittrażmettu dawk is-sinjali lill-pubbliku, b'modi differenti, pereżempju billi jinqabdu s-sinjali trażmessi mill-organizzazzjonijiet tax-xandir jew jirċievu s-sinjali direttament minnhom permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta.
Is-servizzi ta' tali operaturi jistgħu jiġu offruti bis-satellita, bit-terrestri diġitali, b'netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, u b'netwerks simili jew permezz ta' servizzi tal-aċċess għall-Internet, kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).
L-operaturi ta' servizzi ta' trażmissjoni mill-ġdid li jużaw tali teknoloġiji għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom jenħtieġ għalhekk li jkunu koperti minn din id-Direttiva u jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jintroduċi l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet.
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm salvagwardji suffiċjenti kontra l-użu mhux awtorizzat ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, li huwa partikolarment importanti fil-każ ta' servizzi bi ħlas, is-servizzi ta' ritrażmissjoni li jiġu offruti permezz ta' servizzi ta' aċċess għall-Internet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva biss meta dawk is-servizzi ta' ritrażmissjoni jiġu previsti f'ambjent fejn utenti awtorizzati biss ikunu jistgħu jaċċessaw it-trażmissjonijiet mill-ġdid, u l-livell ta' sigurtà tal-kontenut ikun komparabbli għal-livell ta' sigurtà għal kontenut trażmess fuq netwerks immaniġġjati, bħal kejbil jew netwerks taċ-ċirkwit magħluqin ibbażati fuq l-IPs, li fihom il-kontenut li huwa trażmess mill-ġdid ikun kriptat.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu fattibbli u adegwati.
- = -
(26) billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier.
Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
- = -