(1) Bħala kontribut għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern, hemm bżonn li jitwessa' t-tixrid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra għall-benefiċċju tal-utenti madwar l-Unjoni, billi jeħfief il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal xogħlijiet u materjal protett ieħor li jkunu f'xandiriet ta' ċerti tipi ta' programmi tat-televiżjoni u r-radju.
Il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju huma mezzi importanti li jippromwovu d-diversità kulturali u lingwistika, il-koeżjoni soċjali u li jżidu l-aċċess għall-informazzjoni.
- = -
(4) L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li tipikament joffru bosta programmi magħmula minn diversi xogħlijiet u materjal protett ieħor, u jkollhom żmien qasir ħafna biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa u, għalhekk, ikollhom iġorru piż sinifikanti tal-awtorizzazzjoni tad-drittijiet.
L-awturi, il-produtturi u detenturi oħrajn tad-drittijiet jirriskjaw ukoll li x-xogħlijiet tagħhom u materjal protett ieħor tagħhom jiġu użati mingħajr l-awtorizzazzjoni tagħhom jew ħlas xieraq lilhom.
Tali remunerazzjoni għar-ritrażmissjoni tax-xogħlijiet tagħhom u ta' materjal protett ieħor hija importanti biex jiġi żgurat li jkun hemm offerta ta' kontenut varjat, li tkun ukoll fl-interess tal-konsumaturi.
- = -
(10) Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi tal-finanzjament u tal-liċenzjar għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, li ta' spiss ikunu bbażati fuq liċenzjar territorjali esklużiv, huwa xieraq, fir-rigward tal-programmi tat-televiżjoni, li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva għal ċerti tipi ta' programmi.
Dawk it-tipi ta' programmi jenħtieġ li jinkludu programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti kif ukoll produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir li jkunu ffinanzjati esklussivament minnha, inkluż fejn il-fondi għall-finanzjament użati mill-organizzazzjoni tax-xandir għall-produzzjonijiet tagħha jiġu minn fondi pubbliċi.
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjonijiet tax-xandir jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru produzzjonijiet imwettqa minn organizzazzjoni tax-xandir bl-użu tar-riżorsi proprji, iżda jeskludu produzzjonijiet ikkummissjonati mill-organizzazzjoni tax-xandir lil produtturi li jkunu indipendenti mill-organizzazzjoni tax-xandir u l-koproduzzjonijiet.
Għall-istess raġunijiet, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi skont din id-Direttiva.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika biss meta l-programmi jintużaw mill-organizzazzjoni tax-xandir fis-servizzi online anċillari tagħha stess. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar tal-produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir lil partijiet terzi, inkluż lil organizzazzjonijiet oħra tax-xandir.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma jaffettwax il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, dwar il-limitazzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet territorjali, għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom.
- = -
(26) Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier.
Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
- = -