(3) L-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu kuljum ħafna sigħat ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju.
Dawk il-programmi jkun fihom varjetà ta' kontenut, bħal xogħol awdjoviżiv, mużikali, letterarju jew grafiku, protett skont il-liġi tal-Unjoni bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati jew bit-tnejn.
Dan joħloq proċess kumpless biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet mingħand għadd kbir ta' detenturi tad-drittijiet għal kategoriji varji ta' xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor. Ħafna drabi l-ikklerjar tad-drittijiet tkun meħtieġa fi żmien qasir, b'mod partikolari meta jkunu qed jitħejjew l-aħbarijiet jew programmi tal-programmi ta' ġrajjiet kurrenti.
Sabiex is-servizzi tagħhom jagħmluhom disponibbli lil hinn mill-fruntieri, l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom bżonn id-drittijiet meħtieġa għal xogħlijiet u materjal protett ieħor għal kull territorju rilevanti u dan iżid aktar il-kumplessità tal-awtorizzazzjoni ta' tali drittijiet.
- = -
(14) L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jistgħu jużaw teknoloġiji differenti meta dawn jittrażmettu mill-ġdid b'mod simultanju, b'mod mhux mibdul u b'mod mhux imqassar, biex tasal għand il-pubbliku trażmissjoni inizjali minn Stat Membru ieħor tal-programmi tat-televiżjoni jew tar-radju.
Is-sinjali li jwasslu l-programmi jistgħu jinkisbu minn operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni mingħand organizzazzjonijiet tax-xandir, li huma stess jittrażmettu dawk is-sinjali lill-pubbliku, b'modi differenti, pereżempju billi jinqabdu s-sinjali trażmessi mill-organizzazzjonijiet tax-xandir jew jirċievu s-sinjali direttament minnhom permezz tal-proċess tekniku ta' injezzjoni diretta.
Is-servizzi ta' tali operaturi jistgħu jiġu offruti bis-satellita, bit-terrestri diġitali, b'netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, u b'netwerks simili jew permezz ta' servizzi tal-aċċess għall-Internet, kif iddefinit fir-Regolament (UE) 2015/2120 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).
L-operaturi ta' servizzi ta' trażmissjoni mill-ġdid li jużaw tali teknoloġiji għat-trażmissjonijiet mill-ġdid tagħhom jenħtieġ għalhekk li jkunu koperti minn din id-Direttiva u jibbenefikaw mill-mekkaniżmu li jintroduċi l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet.
Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm salvagwardji suffiċjenti kontra l-użu mhux awtorizzat ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, li huwa partikolarment importanti fil-każ ta' servizzi bi ħlas, is-servizzi ta' ritrażmissjoni li jiġu offruti permezz ta' servizzi ta' aċċess għall-Internet jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva biss meta dawk is-servizzi ta' ritrażmissjoni jiġu previsti f'ambjent fejn utenti awtorizzati biss ikunu jistgħu jaċċessaw it-trażmissjonijiet mill-ġdid, u l-livell ta' sigurtà tal-kontenut ikun komparabbli għal-livell ta' sigurtà għal kontenut trażmess fuq netwerks immaniġġjati, bħal kejbil jew netwerks taċ-ċirkwit magħluqin ibbażati fuq l-IPs, li fihom il-kontenut li huwa trażmess mill-ġdid ikun kriptat.
Dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu fattibbli u adegwati.
- = -
(17) Kull dritt miżmum mill-organizzazzjonijiet tax-xandir stess fejn jidħlu x-xandiriet tagħhom, inkluż id-drittijiet fil-kontenut tal-programmi, jenħtieġ li ma jiġix suġġett għall-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet applikabbli għat-trażmissjonijiet mill-ġdid. Ġeneralment l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni u l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom relazzjonijiet kummerċjali kontinwi tant li l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ikunu jafu l-identità tal-organizzazzjonijiet tax-xandir.
Għaldaqstant, huwa relattivament sempliċi għal dawk l-operaturi li jawtorizzaw id-drittijiet mal-organizzazzjonijiet tax-xandir.
B'hekk, biex jiksbu l-liċenzji meħtieġa mingħand l-organizzazzjonijiet tax-xandir, l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ma jġorrux l-istess piż daqs meta jkunu jfittxu li jiksbu liċenzji mingħand id-detenturi tad-drittijiet tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor li jkunu inklużi fil-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li jittrażmettu mill-ġdid.
Għalhekk il-proċess tal-liċenzjar ma jeħtieġx simplifikazzjoni fejn jidħlu d-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir.
Madankollu, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li fejn l-organizzazzjonijiet tax-xandir u l-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni jidħlu f'negozjati, dawn jinnegozjaw in bona fide fir-rigward tal-liċenzjar tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti minn din id-Direttiva.
Id-Direttiva 2014/26/UE tipprevedi regoli simili applikabbli għall-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv.
- = -