(9) Sabiex teħfief l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għall-forniment tas-servizzi online anċillari bejn il-fruntieri, hemm bżonn jiġi previst it-twaqqif tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-atti li jseħħu waqt il-forniment tas-servizzi online anċillari, l-aċċess għalihom jew l-użu tagħhom.
Dak il-prinċipju jenħtieġ li jkopri l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet kollha li huma meħtieġa biex l-organizzazzjoni tax-xandir tkun tista' tikkomunika mal-pubbliku jew tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-programmi tagħha meta tipprovdi servizzi online anċillari, inkluż l-awtorizzazzjoni ta' kwalunkwe dritt tal-awtur u drittijiet relatati fix-xogħlijiet jew materjal protett ieħor użati fil-programmi, pereżempju d-drittijiet fil-fonogrammi jew il-prestazzjonijiet.
Dak il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika esklussivament għar-relazzjoni bejn id-detenturi tad-drittijiet (jew l-entitajiet li jirrappreżentawhom, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv) u l-organizzazzjonijiet tax-xandir, u jenħtieġ li japplika biss għall-fini tal-forniment tas-servizzi online anċillari, tal-aċċess għalihom jew tal-użu tagħhom.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għal xi komunikazzjoni sussegwenti lill-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, jew għal kwalunkwe tqegħid sussegwenti għad-dispożizzjoni tal-pubbliku ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor, b'mezzi bil-fili jew mingħajr fili, b'tali mod li l-membri tal-pubbliku jkunu jistgħu jaċċessawh minn post u f'ħin magħżul individwalment minnhom, jew għal kwalunkwe riproduzzjoni sussegwenti ta' xogħlijiet jew materjal protett ieħor li jkunu jinsabu fis-servizz online anċillari.
- = -
(10) Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi tal-finanzjament u tal-liċenzjar għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, li ta' spiss ikunu bbażati fuq liċenzjar territorjali esklużiv, huwa xieraq, fir-rigward tal-programmi tat-televiżjoni, li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva għal ċerti tipi ta' programmi.
Dawk it-tipi ta' programmi jenħtieġ li jinkludu programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti kif ukoll produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir li jkunu ffinanzjati esklussivament minnha, inkluż fejn il-fondi għall-finanzjament użati mill-organizzazzjoni tax-xandir għall-produzzjonijiet tagħha jiġu minn fondi pubbliċi.
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjonijiet tax-xandir jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru produzzjonijiet imwettqa minn organizzazzjoni tax-xandir bl-użu tar-riżorsi proprji, iżda jeskludu produzzjonijiet ikkummissjonati mill-organizzazzjoni tax-xandir lil produtturi li jkunu indipendenti mill-organizzazzjoni tax-xandir u l-koproduzzjonijiet.
Għall-istess raġunijiet, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi skont din id-Direttiva.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika biss meta l-programmi jintużaw mill-organizzazzjoni tax-xandir fis-servizzi online anċillari tagħha stess. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar tal-produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir lil partijiet terzi, inkluż lil organizzazzjonijiet oħra tax-xandir.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma jaffettwax il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, dwar il-limitazzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet territorjali, għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom.
- = -
(23) Sabiex tkun evitata ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini permezz tal-estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-ftehimiet eżistenti dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-forniment tas-servizzi anċillari online kif ukoll għall-aċċess għal jew għall-użu ta' dak is-servizz, huwa meħtieġ li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jiġi applikat ukoll għall-ftehimiet eżistenti iżda b'perjodu tranżitorju.
Matul dak il-perjodu transitorju, il-prinċipju jenħtieġ li ma japplikax għal dawk il-ftehimiet eżistenti, sabiex b'hekk jingħata l-ħin biex jiġu adattati, fejn huwa neċessarju, skont din id-Direttiva.
Huwa wkoll neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju sabiex l-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-distributuri tas-sinjali u d-detenturi tad-drittijiet jitħallew jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-isfruttar ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor permezz ta' injezzjoni diretta stabbiliti fid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar it-trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta.
- = -