(3) L-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu kuljum ħafna sigħat ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju.
Dawk il-programmi jkun fihom varjetà ta' kontenut, bħal xogħol awdjoviżiv, mużikali, letterarju jew grafiku, protett skont il-liġi tal-Unjoni bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati jew bit-tnejn.
Dan joħloq proċess kumpless biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet mingħand għadd kbir ta' detenturi tad-drittijiet għal kategoriji varji ta' xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor. Ħafna drabi l-ikklerjar tad-drittijiet tkun meħtieġa fi żmien qasir, b'mod partikolari meta jkunu qed jitħejjew l-aħbarijiet jew programmi tal-programmi ta' ġrajjiet kurrenti.
Sabiex is-servizzi tagħhom jagħmluhom disponibbli lil hinn mill-fruntieri, l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom bżonn id-drittijiet meħtieġa għal xogħlijiet u materjal protett ieħor għal kull territorju rilevanti u dan iżid aktar il-kumplessità tal-awtorizzazzjoni ta' tali drittijiet.
- = -
(10) Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi tal-finanzjament u tal-liċenzjar għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, li ta' spiss ikunu bbażati fuq liċenzjar territorjali esklużiv, huwa xieraq, fir-rigward tal-programmi tat-televiżjoni, li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva għal ċerti tipi ta' programmi.
Dawk it-tipi ta' programmi jenħtieġ li jinkludu programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti kif ukoll produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir li jkunu ffinanzjati esklussivament minnha, inkluż fejn il-fondi għall-finanzjament użati mill-organizzazzjoni tax-xandir għall-produzzjonijiet tagħha jiġu minn fondi pubbliċi.
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjonijiet tax-xandir jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru produzzjonijiet imwettqa minn organizzazzjoni tax-xandir bl-użu tar-riżorsi proprji, iżda jeskludu produzzjonijiet ikkummissjonati mill-organizzazzjoni tax-xandir lil produtturi li jkunu indipendenti mill-organizzazzjoni tax-xandir u l-koproduzzjonijiet.
Għall-istess raġunijiet, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi skont din id-Direttiva.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika biss meta l-programmi jintużaw mill-organizzazzjoni tax-xandir fis-servizzi online anċillari tagħha stess. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar tal-produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir lil partijiet terzi, inkluż lil organizzazzjonijiet oħra tax-xandir.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma jaffettwax il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, dwar il-limitazzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet territorjali, għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom.
- = -
(16) Din id-Direttiva jenħtieġ li tippermetti li jiġu konklużi ftehimiet bejn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv u operaturi ta' servizzi ta' ritrażmissjoni, għad-drittijiet li huma soġġetti għal immaniġġjar kollettiv obbligatorju skont din id-Direttiva, li jiġu estiżi biex japplikaw għad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet li mhumiex rappreżentati minn dik l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv, mingħajr ma dawk id-detenturi tad-drittijiet ikunu permessi jeskludu x-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor mill-applikazzjoni ta' dak il-mekkaniżmu.
F'każijiet fejn ikun hemm aktar minn organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv waħda li timmaniġġja d-drittijiet tal-kategorija rilevanti għat-territorju tagħha, jenħtieġ li jkun għall-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-operatur tas-servizzi ta' ritrażmissjoni ifittex awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ritrażmissjoni, biex jiddetermina liema organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv għandhom id-dritt li jagħtu jew jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal ritrażmissjoni.
- = -
(20) Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, huwa xieraq li jiġi previst li meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom permezz ta' injezzjoni diretta lil distributuri tas-sinjali biss mingħajr ma jittrażmettu direttament il-programmi tagħhom lill-pubbliku, u d-distributuri tas-sinjali jibagħtu dawk is-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom lill-utenti tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw jew jisimgħu l-programmi, jitqies li jkun seħħ att uniku wieħed biss ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, fejn kemm l-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll id-distributuri tas-sinjali jipparteċipaw mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.
L-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-distributuri tas-sinjali jenħtieġ għalhekk li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni tax-xandir u distributur tas-sinjali fl-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jenħtieġ li ma twassalx għal responsabbiltà konġunta min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjal għal dak l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprovdu fil-livell nazzjonali modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni għal tali att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż il-ħlasijiet rilevanti li għandhom isiru lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, b'kont meħud tal-isfruttament rispettiv tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor, mill-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali, relatati mal-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Id-distributuri tas-sinjali jiffaċċjaw, b'mod simili għall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, piż sinifikanti għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, ħlief fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir.
L--Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jipprevedu li d-distributuri tas-sinjali jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tagħhom bl-istess mod u sal-istess punt bħall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti mid-Direttiva 93/83/KEE u din id-Direttiva.
F'każijiet fejn id-distributuri tas-sinjali sempliċiment jipprovdu “mezzi tekniċi” lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżguraw li x-xandira titwassal jew itejbu r-riċeviment tax-xandira, id-distributuri tas-sinjali jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
- = -
(22) Sabiex jiġu żgurati l-immaniġġjar kollettiv effiċjenti tad-drittijiet u d-distribuzzjoni preċiża tad-dħul miġbur taħt il-mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju introdott minn din id-Direttiva, huwa importanti li l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv iżommu rekords xierqa ta' sħubija, liċenzji u l-użu ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor, skont l-obbligi ta' trasparenza stipulati fid-Direttiva 2014/26/UE.
- = -
(23) Sabiex tkun evitata ċirkomvenzjoni tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini permezz tal-estensjoni tal-perjodu taż-żmien tal-ftehimiet eżistenti dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati li huma rilevanti għall-forniment tas-servizzi anċillari online kif ukoll għall-aċċess għal jew għall-użu ta' dak is-servizz, huwa meħtieġ li l-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jiġi applikat ukoll għall-ftehimiet eżistenti iżda b'perjodu tranżitorju.
Matul dak il-perjodu transitorju, il-prinċipju jenħtieġ li ma japplikax għal dawk il-ftehimiet eżistenti, sabiex b'hekk jingħata l-ħin biex jiġu adattati, fejn huwa neċessarju, skont din id-Direttiva.
Huwa wkoll neċessarju li jiġi previst perjodu tranżitorju sabiex l-organizzazzjonijiet tax-xandir, id-distributuri tas-sinjali u d-detenturi tad-drittijiet jitħallew jadattaw ir-regoli ġodda dwar l-isfruttar ta' xogħlijiet u materjal protett ieħor permezz ta' injezzjoni diretta stabbiliti fid-dispożizzjonijiet f'din id-Direttiva dwar it-trażmissjoni ta' programmi permezz ta' injezzjoni diretta.
- = -
(26) Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier.
Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
- = -
(27) skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti spjegattivi (8), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali.
Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur jidhirlu li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġustifikata,
- = -