(19) L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli dwar ir-ritrażmissjoni stabbiliti f'din id-Direttiva u fid-Direttiva 93/83/KEE għal sitwazzjonijiet fejn kemm it-trażmissjoni inizjali kif ukoll ir-ritrażmissjoni isiru fit-territorju tagħhom.
- = -
(20) Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, huwa xieraq li jiġi previst li meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom permezz ta' injezzjoni diretta lil distributuri tas-sinjali biss mingħajr ma jittrażmettu direttament il-programmi tagħhom lill-pubbliku, u d-distributuri tas-sinjali jibagħtu dawk is-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom lill-utenti tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw jew jisimgħu l-programmi, jitqies li jkun seħħ att uniku wieħed biss ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, fejn kemm l-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll id-distributuri tas-sinjali jipparteċipaw mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.
L-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-distributuri tas-sinjali jenħtieġ għalhekk li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni tax-xandir u distributur tas-sinjali fl-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jenħtieġ li ma twassalx għal responsabbiltà konġunta min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjal għal dak l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprovdu fil-livell nazzjonali modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni għal tali att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż il-ħlasijiet rilevanti li għandhom isiru lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, b'kont meħud tal-isfruttament rispettiv tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor, mill-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali, relatati mal-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Id-distributuri tas-sinjali jiffaċċjaw, b'mod simili għall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, piż sinifikanti għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, ħlief fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir.
L--Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jipprevedu li d-distributuri tas-sinjali jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tagħhom bl-istess mod u sal-istess punt bħall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti mid-Direttiva 93/83/KEE u din id-Direttiva.
F'każijiet fejn id-distributuri tas-sinjali sempliċiment jipprovdu “mezzi tekniċi” lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiżguraw li x-xandira titwassal jew itejbu r-riċeviment tax-xandira, id-distributuri tas-sinjali jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
- = -