search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tingħata' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tingħata:


whereas tingħata:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 567

 

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob aċċess għal kwalunkwe data u algoritmi ta’ impriżi u informazzjoni dwar l-ittestjar, kif ukoll titlob spjegazzjonijiet dwarhom.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 30 applikabbli għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għal kwalunkwe data, algoritmi u informazzjoni dwar l-ittestjar, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 30, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 49

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7) u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin mill-1 ta' Novembru 2022. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3(6) u (7), u l-Artikolu 12(1), (3) u (4) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.


whereas









keyboard_arrow_down