search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tal-kummissjoni' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-kummissjoni:

    KAPITOLU I
    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    KAPITOLU II
    GWARDJANI

    KAPITOLU III
    PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

    KAPITOLU IV
    INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

    KAPITOLI V
    SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ

    KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas tal-kummissjoni:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 1077

 

Artikolu 8

Konformità mal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jiżgura u juri konformità mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri implimentati mill-gwardjan biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dawk l-Artikoli għandhom ikunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-obbligu rilevanti. Il-gwardjan għandu jiżgura li l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri tikkonforma mal-liġi applikabbli, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679, id-Direttiva 2002/58/KE, il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-konsumatur, is-sikurezza tal-prodotti, kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà.

2.   Il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq talba ta’ gwardjan skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jispeċifika l-miżuri li l-gwardjan ikkonċernat għandu jimplimenta sabiex jikkonforma b’mod effettiv mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20 f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Meta jinfetħu proċedimenti fuq inizjattiva tagħha stess għal ċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13, tali miżuri jistgħu jikkonċernaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7.

3.   Gwardjan jista’ jitlob lill-Kummissjoni tidħol fi proċess biex tiddetermina jekk il-miżuri li dak il-gwardjan ikun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta biex jiżgura l-konformità mal-Artikoli 6 u 7 humiex effettivi biex jintlaħaq l-objettiv tal-obbligu rilevanti fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha d-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk tidħolx f’tali proċess, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta’ trattament ugwali, ta’ proporzjonalità u ta’ amministrazzjoni tajba.

Fit-talba tiegħu, il-gwardjan għandu jipprovdi sottomissjoni motivata biex jispjega l-miżuri li jkun beħsiebu jimplimenta jew li jkun implimenta. Barra minn hekk, il-gwardjan għandu jipprovdi verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sottomissjoni motivata tiegħu li tista’ tiġi kondiviża ma’ partijiet terzi skont il-paragrafu 6.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu huma mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

5.   Bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet preliminari tagħha lill-gwardjan fi żmien tliet xhur mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 20. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li qed tqis li ser tieħu jew li tqis li l-gwardjan ikkonċernat għandu jieħu biex is-sejbiet preliminari jiġu indirizzati b’mod effettiv.

6.   Sabiex il-partijiet terzi interessati jkunu jistgħu jipprovdu kummenti b’mod effettiv, il-Kummissjoni għandha, meta tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-gwardjan skont il-paragrafu 5 jew malajr kemm jista’ jkun wara dan, tippubblika sommarju mhux kunfidenzjali tal-każ u l-miżuri li tkun qed tqis li tieħu jew li tqis li għandu jieħu l-gwardjan ikkonċernat. Il-Kummissjoni għandha tispeċifika perjodu ta’ żmien raġonevoli li fih għandhom jiġu pprovduti tali kummenti.

7.   Meta tispeċifika l-miżuri skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-miżuri jkunu effettivi biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-obbligu rilevanti, u jkunu proporzjonati fiċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-gwardjan u s-servizz rilevanti.

8.   Għall-finijiet tal-ispeċifikazzjoni tal-obbligi skont l-Artikoli 6(11) u (12), il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll jekk il-miżuri intenzjonati jew implimentati jiżgurawx li ma jkunx fadal żbilanċ fid-drittijiet u l-obbligi għall-utenti kummerċjali u li l-miżuri ma jagħtux vantaġġ huma stess lill-gwardjan li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut mill-gwardjan lill-utenti kummerċjali.

9.   Fir-rigward ta’ proċedimenti skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni tista’, fuq talba jew fuq inizjattiva tagħha stess, tiddeċiedi li terġa’ tiftaħhom meta:

(a)

tkun saret bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom tkun issejset id-deċiżjoni; jew

(b)

id-deċiżjoni tkun issejset fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa; jew

(c)

il-miżuri kif speċifikati fid-deċiżjoni ma jkunux effettivi.

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Antiċirkomvenzjoni

1.   Impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma għandhiex tissegmenta, tiddividi, tissuddividi, tifframmenta jew taqsam dawk is-servizzi permezz ta’ mezzi kuntrattwali, kummerċjali, tekniċi jew kwalunkwe mezz ieħor sabiex jiġu evitati l-limiti kwantitattivi stipulati fl-Artikolu 3(2). L-ebda prattika bħal din ta’ impriża ma għandha tipprevjeni lill-Kummissjoni milli tiddeżinjaha bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(4).

2.   Il-Kummissjoni tista’, meta tissuspetta li impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tkun involuta fi prattika stipulata fil-paragrafu 1, titlob mingħand dik l-impriża kwalunkwe informazzjoni li hija tqis meħtieġa biex tiddetermina jekk dik l-impriża tkunx involuta f’tali prattika.

3.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 jiġu rrispettati għalkollox u b’mod effettiv.

4.   Il-gwardjan ma għandux ikun involut fi kwalunkwe mġiba li timmina l-konformità effettiva mal-obbligi tal-Artikoli 5, 6 u 7 irrispettivament minn jekk dik l-imġiba tkunx ta’ natura kuntrattwali, kummerċjali jew teknika, jew ta’ kwalunkwe natura oħra, jew tikkonsisti fl-użu ta’ tekniki komportamentali jew disinn tal-interfaċċa.

5.   Meta jkun meħtieġ il-kunsens għall-ġbir, l-ipproċessar, l-użu trażversali u l-kondiviżjoni ta’ data personali biex tiġi żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament, gwardjan għandu jieħu l-passi meħtieġa biex jew jippermetti li l-utenti kummerċjali jiksbu direttament il-kunsens meħtieġ għall-ipproċessar tagħha, meta dak il-kunsens ikun meħtieġ skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jew id-Direttiva 2002/58/KE, jew inkella li jikkonforma mar-regoli u l-prinċipji tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza b’modi oħra, inkluż billi jipprovdi data anonimizzata lill-utenti kummerċjali kif xieraq u meta xieraq. Il-gwardjan ma għandux jagħmel il-kisba ta’ dak il-kunsens mingħand l-utent kummerċjali aktar diffiċli milli għas-servizzi tiegħu stess.

6.   Il-gwardjan ma għandux inaqqas il-kundizzjonijiet jew il-kwalità ta’ xi servizz ewlieni ta’ pjattaforma pprovdut lil utenti kummerċjali jew lil utenti finali li jeżerċitaw id-drittijiet jew l-għażliet stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7, jew jagħmel l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet jew l-għażliet diffiċli b’mod mhux xieraq, inkluż billi joffri għażliet lill-utent finali b’mod mhux newtrali, jew billi jdgħajjef l-awtonomija tal-utenti finali jew tal-utenti kummerċjali, it-teħid tad-deċiżjonijiet jew l-għażla ħielsa tal-utent permezz tal-istruttura, id-disinn, il-funzjoni jew il-mod tal-operat ta’ interfaċċa tal-utent jew parti minnha.

7.   Meta l-gwardjan jevita jew jipprova jevita kwalunkwe wieħed mill-obbligi fl-Artikolu 5, 6 jew 7 b’mod deskritt fil-paragrafi 4, 5 u 6 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ proċedimenti skont l-Artikolu 20 u tadotta att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 8(2) sabiex tispeċifika l-miżuri li l-gwardjan għandu jimplimenta.

8.   Il-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-kummissjoni skont l-Artikoli 29, 30 u 31.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 30

Multi

1.   Fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan li ma jaqbżux l-10 % tal-fatturat dinji totali tiegħu fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li l-gwardjan, intenzjonalment jew b’negliġenza, jonqos milli jikkonforma ma’:

(a)

kwalunkwe wieħed mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7;

(b)

il-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2);

(c)

ir-rimedji imposti skont l-Artikolu 18(1);

(d)

il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 24; jew

(e)

l-impenji magħmula vinkolanti legalment skont l-Artikolu 25.

2.   Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, fid-deċiżjoni ta’ nonkonformità l-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq gwardjan sa 20 % tal-fatturat totali tiegħu madwar id-dinja fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li gwardjan ikun wettaq l-istess ksur jew ksur simili ta’ obbligu stipulat fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward tal-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma li nstab li wettaq f’deċiżjoni ta’ nonkonformità adottata fit-tmien snin preċedenti.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni, li timponi fuq impriżi, inkluż gwardjani fejn applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, multi li ma jaqbżux 1 % tal-fatturat dinji totali tagħhom fis-sena finanzjarja preċedenti meta dawn intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)

jonqsu milli jipprovdu informazzjoni fil-limitu ta’ żmien li hija meħtieġa għall-valutazzjoni tad-deżinjazzjoni tagħhom bħala gwardjani skont l-Artikolu 3 jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa;

(b)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligu li jinnotifikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(3);

(c)

jonqsu milli jinnotifikaw informazzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 14;

(d)

jonqsu milli jagħtu d-deskrizzjoni jew jipprovdu informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa li hija meħtieġa skont l-Artikolu 15;

(e)

jonqsu milli jipprovdu aċċess għad-data, algoritmi jew informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3);

(f)

jonqsu milli jipprovdu l-informazzjoni mitluba fil-limitu ta’ żmien stabbilit skont l-Artikolu 21(3) jew jipprovdu informazzjoni jew spjegazzjonijiet skorretti, mhux kompluti jew qarrieqa li huma mitluba skont l-Artikolu 21 jew li huma mogħtija waqt intervista skont l-Artikolu 22;

(g)

jonqsu milli jirrettifikaw f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa mogħtija minn rappreżentant jew membru tal-persunal, jew jonqsu milli, jew jirrifjutaw li, jipprovdu informazzjoni kompluta dwar fatti relatati mas-suġġett u l-għan ta’ spezzjoni, skont l-Artikolu 23;

(h)

jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 23;

(i)

jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi imposti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26;

(j)

jonqsu milli jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità skont l-Artikolu 28; jew

(k)

jonqsu milli jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-fajl tal-kummissjoni skont l-Artikolu 34(4).

4.   Fl-iffissar tal-ammont ta’ multa, il-Kummissjoni għandha tqis il-gravità, it-tul ta’ żmien, ir-rikorrenza u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 3, id-dewmien ikkawżat fil-proċedimenti.

5.   Meta tiġi imposta multa fuq assoċjazzjoni ta’ impriżi li tqis il-fatturat dinji tal-membri tagħha u dik l-assoċjazzjoni ma tkunx solventi, hija għandha tkun obbligata titlob kontribuzzjonijiet mingħand il-membri tagħha biex tkopri l-ammont tal-multa.

Meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux saru lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-multa direttament mingħand kwalunkwe impriża li r-rappreżentanti tagħha kienu membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ikkonċernati ta’ dik l-assoċjazzjoni.

Wara li tkun talbet il-pagament skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-pagament tal-bilanċ minn kwalunkwe wieħed mill-membri tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi, meta meħtieġ, biex tiżgura l-pagament kollu tal-multa.

Iżda l-Kummissjoni ma għandhiex titlob pagament skont it-tieni jew it-tielet subparagrafu mingħand impriżi li juru li ma implimentawx id-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi li kisru dan ir-Regolament, u ma kinux konxji mill-eżistenza tagħha, jew iddistanzjaw ruħhom b’mod attiv minnha qabel ma l-Kummissjoni tkun fetħet il-proċedimenti skont l-Artikolu 20.

Ir-responsabbiltà finanzjarja ta’ kull impriża fir-rigward tal-pagament tal-multa ma għandhiex taqbeż 20 % tal-fatturat dinji totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Artikolu 32

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 30 u 31 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjoni ta’ suq jew proċedimenti fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data meta l-azzjoni tiġi notifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur. L-azzjonijiet li jinterrompu d-dekorrenza tal-perjodu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni;

(b)

awtorizzazzjonijiet bil-miktub biex jitwettqu spezzjonijiet maħruġa lill-uffiċjali tagħha mill-Kummissjoni;

(c)

il-ftuħ ta’ proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20.

4.   Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid. Iżda l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi sal-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-preskrizzjoni tkun ġiet sospiża skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 33

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali

1.   Is-setgħa tal-kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 30 u 31 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

3.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott:

(a)

b’notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni; jew

(b)

bi kwalunkwe azzjoni tal-kummissjoni jew ta’ Stat Membru, li jaġixxi skont talba tal-kummissjoni, maħsuba biex tinforza l-pagament tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)

jingħata l-ħin għall-pagament; jew

(b)

l-infurzar tal-pagament ikun sospiż skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jew skont deċiżjoni minn qorti nazzjonali.

Artikolu 34

Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

4.   Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

Artikolu 35

Rappurtar annwali

1.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport annwali dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a)

sommarju tal-attivitajiet tal-kummissjoni inkluż kwalunkwe miżura jew deċiżjoni adottata u investigazzjonijiet tas-suq li jkunu għaddejjin b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(b)

is-sejbiet li jirriżultaw mill-monitoraġġ tal-implimentazzjoni mill-gwardjani tal-obbligi skont dan ir-Regolament;

(c)

valutazzjoni tad-deskrizzjoni awditjata msemmija fl-Artikolu 15;

(d)

ħarsa ġenerali lejn il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali b’rabta ma’ dan ir-Regolament;

(e)

ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet u l-kompiti mwettqa mill-Grupp ta’ Livell Għoli tar-Regolaturi Diġitali, inkluż kif għandhom jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-rapport fuq is-sit web tagħha.

Artikolu 40

Il-grupp ta’ livell għoli

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi grupp ta’ livell għoli għall-Att dwar is-Swieq Diġitali (“il-grupp ta’ livell għoli”).

2.   Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun magħmul mill-korpi u n-networks Ewropej li ġejjin:

(a)

il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi,

(b)

il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

(c)

in-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni,

(d)

in-Network ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur, u

(e)

il-Grupp Regolatorju Ewropew ta’ Regolaturi tal-Media Awdjoviżiva.

3.   Il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom għadd ugwali ta’ rappreżentanti fil-grupp ta’ livell għoli. L-għadd massimu ta’ membri tal-grupp ta’ livell għoli ma għandux jaqbeż 30.

4.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi ta’ segretarjat lill-grupp ta’ livell għoli sabiex tiffaċilita l-ħidma tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jkun ippresedut mill-Kummissjoni, li għandha tipparteċipa fil-laqgħat tiegħu. Il-grupp ta’ livell għoli għandu jiltaqa’ fuq talba tal-kummissjoni mill-inqas darba kull sena kalendarja. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ ukoll laqgħa tal-grupp meta tintalab tagħmel dan mill-maġġoranza tal-membri li jiffurmaw il-grupp sabiex tiġi indirizzata kwistjoni speċifika.

5.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi lill-Kummissjoni b’pariri u għarfien espert fl-oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-membri tiegħu, inkluż:

(a)

pariri u rakkomandazzjonijiet li jaqgħu taħt l-għarfien espert tagħhom rilevanti għal kwalunkwe kwistjoni ġenerali ta’ implimentazzjoni jew ta’ infurzar ta’ dan ir-Regolament; jew

(b)

pariri u għarfien espert li jippromwovu approċċ regolatorju konsistenti fi strumenti regolatorji differenti.

6.   Il-grupp ta’ livell għoli jista’, b’mod partikolari, jidentifika u jivvaluta l-interazzjonijiet attwali u potenzjali bejn dan ir-Regolament u r-regoli speċifiċi għas-setturi applikati mill-awtoritajiet nazzjonali li jiffurmaw il-korpi u n-networks Ewropej imsemmija fil-paragrafu 2 u jippreżenta rapport annwali lill-Kummissjoni li jippreżenta tali valutazzjoni u jidentifika kwistjonijiet transregolatorji potenzjali. Tali rapport jista’ jkun akkumpanjat minn rakkomandazzjonijiet li għandhom l-għan li jikkonverġu lejn approċċi transdixxiplinari konsistenti u sinerġiji bejn l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u regolamenti settorjali oħra. Ir-rapport għandu jiġi komunikat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

7.   Fil-kuntest tal-investigazzjonijiet tas-suq f’servizzi ġodda u prattiki ġodda, il-grupp ta’ livell għoli jista’ jipprovdi għarfien espert lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jiġu emendati, miżjuda jew imneħħija regoli f’dan ir-Regolament, biex jiġi żgurat li s-swieq diġitali madwar l-Unjoni jkunu kontestabbli u ġusti.


whereas









keyboard_arrow_down