search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tat-talba' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tat-talba:


whereas tat-talba:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 392

 

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   F’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 21

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob aċċess għal kwalunkwe data u algoritmi ta’ impriżi u informazzjoni dwar l-ittestjar, kif ukoll titlob spjegazzjonijiet dwarhom.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 30 applikabbli għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għal kwalunkwe data, algoritmi u informazzjoni dwar l-ittestjar, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 30, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3;

(b)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5, 6 jew 7;

(c)

arranġamenti operazzjonali u tekniċi bil-ħsieb li tiġi implimentata l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri skont l-Artikolu 7;

(d)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talba motivata skont l-Artikolu 8(3);

(e)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10;

(f)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti regolatorji pprovduti skont l-Artikolu 11;

(g)

il-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 15(1); meta tiżviluppa abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lis-soċjetà ċivili u lil esperti rilevanti oħra

(h)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15;

(i)

l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17, 18 u 19, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 24, 25 u 29;

(j)

l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 34;

(k)

l-arranġamenti prattiċi għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34;

(l)

l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikoli 37 u 38; u

(m)

l-arranġamenti prattiċi għall-kalkolu u l-estensjoni tal-iskadenzi.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (k) u punt (m) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (l), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(3).

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’limitu ta’ żmien, li ma jistax ikun inqas minn xahar.


whereas









keyboard_arrow_down