search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'dettalji' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index dettalji:


whereas dettalji:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 443

 

Artikolu 7

Obbligu għall-gwardjani dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri

1.   Meta gwardjan jipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li huma elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), dan għandu jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu interoperabbli mas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri ta’ fornitur ieħor li joffri jew li biħsiebu joffri dawn is-servizzi fl-Unjoni, billi jipprovdi l-interfaċċi tekniċi meħtieġa jew soluzzjonijiet simili li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà, fuq talba, u mingħajr ħlas.

2.   Il-gwardjan għandu jagħmel mill-inqas il-funzjonalitajiet bażiċi li ġejjin imsemmija fil-paragrafu 1 interoperabbli meta l-gwardjan innifsu jipprovdi dawk il-funzjonalitajiet lill-utenti finali tiegħu stess:

(a)

wara l-elenkar fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9):

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali.

(b)

fi żmien sentejn mid-deżinjazzjoni:

(i)

messaġġi testwali minn tarf sa tarf fi gruppi ta’ utenti finali individwali;

(ii)

kondiviżjoni ta’ stampi, messaġġi bil-vuċi, vidjos u fajls mehmuża oħra f’komunikazzjoni minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(c)

fi żmien erba’ snin mid-deżinjazzjoni:

(i)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(ii)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn żewġ utenti finali individwali;

(iii)

telefonati bil-vuċi minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali;

(iv)

telefonati bil-vidjo minn tarf sa tarf bejn chat fi grupp u utent finali individwali.

3.   Il-livell ta’ sigurtà, inkluż il-kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli, li l-gwardjan jipprovdi lill-utenti finali tiegħu stess għandu jiġi ppreservat fis-servizzi interoperabbli kollha.

4.   Il-gwardjan għandu jippubblika offerta ta’ referenza li tistabbilixxi d-dettalji tekniċi u t-termini u l-kondizzjonijiet ġenerali tal-interoperabbiltà mas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri tiegħu, inkluż id-dettalji meħtieġa dwar il-livell ta’ sigurtà u l-kriptaġġ minn tarf sa tarf. Il-gwardjan għandu jippubblika dik l-offerta ta’ referenza fil-perjodu stabbilit fl-Artikolu 3(10) u jaġġornaha meta jkun meħtieġ.

5.   Wara l-pubblikazzjoni tal-offerta ta’ referenza skont il-paragrafu 4, kwalunkwe fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li joffri jew li biħsiebu joffri tali servizzi fl-Unjoni jista’ jitlob interoperabbiltà mas-servizzi tal-komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri pprovduti mill-gwardjan. Tali talba tista’ tkopri wħud mill-funzjonalitajiet bażiċi jew il-funzjonalitajiet kollha elenkati fil-paragrafu 2. Il-gwardjan għandu jikkonforma ma’ kwalunkwe talba raġonevoli għal interoperabbiltà fi żmien tliet xhur wara li jirċievi dik it-talba billi jagħmel il-funzjonalitajiet bażiċi mitluba operazzjonali.

6.   Il-Kummissjoni tista’, eċċezzjonalment, fuq talba motivata tal-gwardjan, testendi l-limiti ta’ żmien għall-konformità skont il-paragrafu 2 jew 5 meta l-gwardjan juri li dan huwa meħtieġ biex tiġi żgurata interoperabbiltà effettiva u biex jinżamm il-livell meħtieġ ta’ sigurtà, inkluż kriptaġġ minn tarf sa tarf, fejn applikabbli.

7.   L-utenti finali tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri tal-gwardjan u tal-fornitur rikjedenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri għandhom jibqgħu liberi li jiddeċiedu jekk jagħmlux użu mill-funzjonalitajiet bażiċi interoperabbli li jistgħu jiġu pprovduti mill-gwardjan skont il-paragrafu 1.

8.   Il-gwardjan għandu jiġbor u jiskambja mal-fornitur ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jagħmel talba għall-interoperabbiltà d-data personali biss tal-utenti finali li tkun strettament meħtieġa biex tiġi pprovduta interoperabbiltà effettiva. Kwalunkwe ġbir ta’ dan it-tip u skambju tad-data personali tal-utenti finali għandhom jikkonformaw bis-sħiħ mar-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

9.   Il-gwardjan ma għandux jitwaqqaf milli jieħu miżuri biex jiżgura li l-fornituri terzi ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri li jitolbu l-interoperabbiltà ma jipperikolawx l-integrità, is-sigurtà u l-privatezza tas-servizzi tiegħu, dment li dawn il-miżuri jkunu strettament meħtieġa u proporzjonati u jkunu debitament ġustifikati mill-gwardjan.

Artikolu 28

Funzjoni ta’ verifika tal-konformità

1.   Il-gwardjani għandhom jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tal-gwardjan u tkun magħmula minn uffiċjal tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

2.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-funzjoni ta’ verifika tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ikollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-gwardjan biex jimmonitorja l-konformità tal-gwardjan ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura li l-uffiċjali tal-konformità maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-abbiltà meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura wkoll li tali kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b’responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

4.   Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-gwardjan u jista’ jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn jirriżultaw riskji ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-gwardjan.

5.   L-uffiċjali tal-konformità maħtura mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-miżuri u l-attivitajiet tal-gwardjani li għandhom l-għan li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-infurmar u l-għoti ta’ pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-gwardjan dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

fejn applikabbli, il-monitoraġġ tal-konformità mal-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 25, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ taħtar esperti esterni indipendenti skont l-Artikolu 26(2);

(d)

il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

6.   Il-gwardjani għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità lill-Kummissjoni.

7.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza tal-gwardjan li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-gwardjan u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

8.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament, mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għall-bidu, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

9.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jipparteċipa b’mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għalih.

Artikolu 46

Dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni

1.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu arranġamenti dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan li ġej:

(a)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet skont l-Artikolu 3;

(b)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tal-miżuri tekniċi li l-gwardjani għandhom jimplimentaw biex jiżguraw il-konformità mal-Artikolu 5, 6 jew 7;

(c)

arranġamenti operazzjonali u tekniċi bil-ħsieb li tiġi implimentata l-interoperabbiltà tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri skont l-Artikolu 7;

(d)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talba motivata skont l-Artikolu 8(3);

(e)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tat-talbiet motivati skont l-Artikoli 9 u 10;

(f)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti regolatorji pprovduti skont l-Artikolu 11;

(g)

il-metodoloġija u l-proċedura għad-deskrizzjoni awditjata tat-tekniki użati għat-tfassil tal-profili tal-konsumaturi prevista fl-Artikolu 15(1); meta tiżviluppa abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u tista’ tikkonsulta lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, lis-soċjetà ċivili u lil esperti rilevanti oħra

(h)

il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tan-notifiki u s-sottomissjonijiet magħmula skont l-Artikoli 14 u 15;

(i)

l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-investigazzjonijiet tas-suq skont l-Artikoli 17, 18 u 19, u l-proċedimenti skont l-Artikoli 24, 25 u 29;

(j)

l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ smigħ previst fl-Artikolu 34;

(k)

l-arranġamenti prattiċi għat-termini ta’ divulgazzjoni previsti fl-Artikolu 34;

(l)

l-arranġamenti prattiċi għall-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali previsti fl-Artikoli 37 u 38; u

(m)

l-arranġamenti prattiċi għall-kalkolu u l-estensjoni tal-iskadenzi.

2.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punti (a) sa (k) u punt (m) ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, punt (l), ta’ dan l-Artikolu għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 50(3).

3.   Qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz tagħha u tistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom f’limitu ta’ żmien, li ma jistax ikun inqas minn xahar.


whereas









keyboard_arrow_down