search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'l-uffiċjali' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index l-uffiċjali:


whereas l-uffiċjali:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 538

 

Artikolu 22

Setgħa biex isiru intervisti u jittieħdu dikjarazzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tintervista kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li taċċetta intervista biex tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tirreġistra tali intervisti bi kwalunkwe mezz tekniku.

2.   Fejn intervista skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir fil-bini ta’ impriża, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li qed jinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) u li fit-territorju tiegħu qed issir l-intervista. Jekk dik l-awtorità titlob hekk, l-uffiċjali tagħha jistgħu jassistu lill-uffiċjali u persuni oħra li qed jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu l-intervista.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 28

Funzjoni ta’ verifika tal-konformità

1.   Il-gwardjani għandhom jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tal-gwardjan u tkun magħmula minn uffiċjal tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

2.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-funzjoni ta’ verifika tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ikollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-gwardjan biex jimmonitorja l-konformità tal-gwardjan ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura li l-uffiċjali tal-konformità maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-abbiltà meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura wkoll li tali kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b’responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

4.   Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-gwardjan u jista’ jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn jirriżultaw riskji ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-gwardjan.

5.   l-uffiċjali tal-konformità maħtura mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-miżuri u l-attivitajiet tal-gwardjani li għandhom l-għan li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-infurmar u l-għoti ta’ pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-gwardjan dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

fejn applikabbli, il-monitoraġġ tal-konformità mal-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 25, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ taħtar esperti esterni indipendenti skont l-Artikolu 26(2);

(d)

il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

6.   Il-gwardjani għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità lill-Kummissjoni.

7.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza tal-gwardjan li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-gwardjan u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

8.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament, mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għall-bidu, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

9.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jipparteċipa b’mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għalih.

Artikolu 32

Perjodi ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali

1.   Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 30 u 31 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin.

2.   Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

3.   Kwalunkwe azzjoni meħuda mill-Kummissjoni għall-fini ta’ investigazzjoni ta’ suq jew proċedimenti fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali. Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiġi interrott b’effett mid-data meta l-azzjoni tiġi notifikata lil mill-inqas waħda mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li tkun ipparteċipat fil-ksur. L-azzjonijiet li jinterrompu d-dekorrenza tal-perjodu għandhom jinkludu b’mod partikolari dan li ġej:

(a)

talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni;

(b)

awtorizzazzjonijiet bil-miktub biex jitwettqu spezzjonijiet maħruġa lill-uffiċjali tagħha mill-Kummissjoni;

(c)

il-ftuħ ta’ proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20.

4.   Kull interruzzjoni għandha tibda d-dekorrenza taż-żmien mill-ġdid. Iżda l-perjodu ta’ preskrizzjoni għandu jiskadi sal-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta’ preskrizzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-preskrizzjoni tkun ġiet sospiża skont il-paragrafu 5.

5.   Il-perjodu ta’ preskrizzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 36

Segretezza professjonali

1.   L-informazzjoni miġbura skont dan ir-Regolament għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 14 għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 u r-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

3.   L-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 15 għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2016/679.

4.   Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu ta’ informazzjoni mogħtija għall-fini tal-użu skont l-Artikoli 38, 39, 41 u 43, il-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, l-uffiċjali u l-aġenti tagħhom u persuni oħra li jaħdmu bis-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inkluż l-awdituri u l-esperti maħtura skont l-Artikolu 26(2), ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont dan ir-Regolament u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.


whereas









keyboard_arrow_down