search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'jieħdu' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index jieħdu:


whereas jieħdu:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 494

 

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jikontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jistabbilixxi regoli armonizzati li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti għan-negozji kollha fis-settur diġitali madwar l-Unjoni fejn ikunu preżenti gwardjani, għall-benefiċċju tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għal servizzi ewlenin ta’ pjattaforma pprovduti jew offruti minn gwardjani lil utenti kummerċjali stabbiliti fl-Unjoni jew lil utenti finali stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tal-gwardjani u irrispettivament mil-liġi applikabbli mod ieħor għall-forniment ta’ servizz.

3.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal swieq relatati ma’:

(a)

networks tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(b)

servizzi tal-komunikazzjoni elettronika kif definit fl-Artikolu 2, punt (4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, għajr dawk relatati ma’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

4.   Fir-rigward ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali kif definit fl-Artikolu 2, punt (5) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għas-setgħat u r-responsabbiltajiet mogħtija lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali u lil awtoritajiet kompetenti oħra permezz tal-Artikolu 61 ta’ dik id-Direttiva.

5.   Sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq intern, l-Istati Membri ma għandhomx jimponu obbligi ulterjuri fuq il-gwardjani permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew miżuri amministrattivi bil-għan li jiżguraw swieq kontestabbli u ġusti. Xejn f’dan ir-Regolament ma jipprekludi lill-Istati Membri milli jimponu obbligi fuq l-impriżi, inkluż impriżi li jipprovdu servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, għal kwistjonijiet li jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dment li dawk l-obbligi jkunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni u ma jirriżultawx mill-fatt li l-impriżi rilevanti jkollhom l-istatus ta’ gwardjan skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament..

6.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE. Huwa wkoll mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’:

(a)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu ftehimiet li jkunu antikompetittivi, deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, prattiki miftiehma u abbużi ta’ pożizzjonijiet dominanti;

(b)

regoli nazzjonali tal-kompetizzjoni li jipprojbixxu forom oħra ta’ mġiba unilaterali dment li dawn jiġu applikati għall-impriżi li mhumiex gwardjani jew jammontaw għall-impożizzjoni ta’ aktar obbligi fuq il-gwardjani; u

(c)

ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (23) u r-regoli nazzjonali dwar il-kontroll tal-amalgamazzjonijiet.

7.   L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet li jmorru kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jaħdmu f’kooperazzjoni mill-qrib u jikkoordinaw l-azzjonijiet ta’ infurzar tagħhom abbażi tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 37 u 38.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 39

Kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.   Fi proċedimenti għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-qrati nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tittrażmettilhom l-informazzjoni fil-pussess tagħha jew l-opinjoni tagħha dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni kopja ta’ kwalunkwe sentenza bil-miktub tal-qrati nazzjonali li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali kopja għandha tintbagħat mingħajr dewmien wara li s-sentenza sħiħa bil-miktub tiġi nnotifikata lill-partijiet.

3.   Fejn l-applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament teħtieġ hekk, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq inizjattiva tagħha stess, tista’ tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-qrati nazzjonali. Bil-permess tal-qorti inkwistjoni, hija tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet bil-fomm.

4.   Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħhom biss, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-qorti nazzjonali rilevanti biex tittrażmetti jew tiżgura t-trażmissjoni lill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

5.   Il-qrati nazzjonali ma għandhomx jieħdu deċiżjoni li tmur kontra deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament. Huma għandhom jevitaw li jieħdu deċiżjonijiet li huma f’kunflitt ma deċiżjoni kontemplata mil-Kummissjoni fi proċedimenti li tkun bdiet skont dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-qorti nazzjonali tista’ tivvaluta jekk huwiex neċessarju li tissospendi l-proċedimenti tagħha. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà għall-qrati nazzjonali li jitolbu deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE.


whereas









keyboard_arrow_down