(23) Ir-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur bħal vouchers elettroniċi jew kupuni elettroniċi jintużaw mill-konsumaturi biex iħallsu għal oġġetti jew servizzi differenti fis-suq uniku diġitali.
Tali rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur qed isiru importanti fir-rigward tal-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali, u għalhekk jenħtieġ li jitqiesu bħala metodu ta' ħlas fis-sens ta' din id-Direttiva.
Rappreżentazzjonijiet diġitali ta’ valur jenħtieġ li jinftiehmu wkoll bħala li jinkludu wkoll muniti virtwali, sa fejn huma rikonoxxuti mil-liġi nazzjonali.
Differenzjazzjoni skont il-metodu ta' ħlas tista' tkun il-kawża ta' diskriminazzjoni u tista' tipprovdi inċentiv mhux ġustifikat għan-negozji sabiex jibdew joffru kontenut diġitali jew servizzi diġitali bi skambju ma' rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur.
Madankollu, peress li r-rappreżentazzjonijiet diġitali ta' valur ma għandhom l-ebda skop ieħor għajr li jservu bħala metodu ta' ħlas, huma nfushom jenħtieġ li ma jitqisux bħala kontenut diġitali jew servizz diġitali fis-sens ta' din id-Direttiva.
- = -
(41) Hemm diversi modi biex il-kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumaturi.
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar l-il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq ta' dak l-obbligu ta’ provvista li huwa l-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-kummerċjant, billi jagħmel il-kontenut diġitali jew servizzi diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jitqies li jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur meta l-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil tiegħu, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista' juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-kuntratt.
Meta jitqies li l-kummerċjant mhuwiex, fil-prinċipju, responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali, bħal pereżempju pjattaforma elettronika jew faċilità ta' ħżin fil-cloud, li l-konsumatur jagħżel biex jirċievi jew jaħżen il-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jenħtieġ li jkun biżżejjed għall-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali lil dik il-parti terza.
Madankollu, il-faċilità fiżika jew virtwali ma tistax titqies li ntgħażlet mill-konsumatur jekk hija tkun taħt il-kontroll tal-kummerċjant jew tkun marbuta kuntrattwalment mal-kummerċjant, jew meta l-konsumatur ikun għażel dik il-faċilità fiżika jew virtwali biex jirċievi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali iżda dik l-għażla kienet l-unika waħda offruta mill-kummerċjant biex il-konsumatur jirċievi kontenut diġitali jew servizz diġitali jew ikollu aċċess għalih.
- = -
(60) Mingħajr preġudizzju għad-dritt fundamentali għall-protezzjoni tal-ħajja privata, inkluża l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet, u għall-protezzjoni tad-data personali tal-konsumatur, il-konsumatur jenħtieġ li jikkoopera mal-kummerċjant sabiex il-kummerċjant ikun jista' jaċċerta jekk il-kawża ta' nuqqas ta' konformità tkunx tinsab fl-ambjent diġitali tal-konsumatur bl-użu tal-mezzi tekniċi disponibbli li huma l-inqas intrużivi għall-konsumatur.
Dan spiss jista' jsir, pereżempju, billi l-kummerċjant jingħata rapporti ta' inċidenti ġġenerati awtomatikament jew b'dettalji tal-konnessjoni tal-internet tal-konsumatur.
Huwa biss f'ċirkustanzi eċċezzjonali u debitament iġġustifikati fejn, minkejja l-aħjar użu tal-mezzi l-oħrajn kollha, ma jkunx hemm mod ieħor possibbli, li l-konsumaturi jista' jkollhom il-ħtieġa li jippermettu aċċess virtwali għall-ambjent diġitali tagħhom.
Madankollu, meta l-konsumatur ma jikkooperax mal-kummerċjant u l-konsumatur kien ġie infurmat bil-konsegwenzi ta' nuqqas ta' kooperazzjoni, għandu jkun il-konsumatur li jipprova mhux biss li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhuwiex konformi, iżda wkoll li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma kienx konformi fiż-żmien tal-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fejn il-kuntratt jipprovdi għal att wieħed ta’ provvista jew serje ta’ atti individwali ta’ provvista jew, fejn il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, għad-durata tal-kuntratt.
- = -