(5) Il-konsumaturi mhux dejjem iħossuhom fiduċjużi meta jixtru bejn il-fruntieri u speċjalment meta dan ix-xiri jsir online.
Wieħed mill-fatturi ewlenin għan-nuqqas ta' fiduċja fil-konsumaturi huwa l-inċertezza dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom u n-nuqqas ta' qafas kuntrattwali ċar għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali. Ħafna konsumaturi jesperjenzaw problemi relatati mal-kwalità tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali jew l-aċċess għalihom.
Pereżempju, jirċievu kontenut diġitali jew servizzi diġitali ħżiena jew difettużi, jew ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali inkwistjoni.
B'riżultat ta' dan, il-konsumaturi jsofru dannu finanzjarju u mhux finanzjarju.
- = -
(25) Meta kontenut diġitali u servizzi diġitali ma jkunux ipprovduti bi skambju ma' prezz, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant jiġbor data personali esklussivament biex jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew għall-iskop uniku li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali.
Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jinkludu, pereżempju, każijiet meta r-reġistrazzjoni tal-konsumatur hija obbligatorja bil-liġijiet applikabbli għal skopijiet ta' sigurtà u identifikazzjoni.
Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tapplikax ukoll għal sitwazzjonijiet meta l-kummerċjant jiġbor metadata, bħal informazzjoni li tikkonċerna l-apparat tal-konsumatur jew l-istorja tal-ibbrawżjar, ħlief meta din is-sitwazzjoni titqies li tkun kuntratt taħt il-liġi nazzjonali.
Jenħtieġ li lanqas ma tapplika għal sitwazzjonijiet meta l-konsumatur, mingħajr ma jkun ikkonkluda kuntratt mal-kummerċjant, ikun espost għal reklamar esklużivament biex jikseb aċċess għal kontenut diġitali jew servizz diġitali.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal sitwazzjonijiet bħal dawn, jew inkella li jirregolaw sitwazzjonijiet bħal dawn, li huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
- = -
(44) Peress li l-kontenut u s-servizzi diġitali qegħdin kulma jmur dejjem jiżviluppaw, il-kummerċjanti jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti u funzjonijiet hekk kif dawn isiru disponibbli.
Jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b'rabta ma' jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx ġie aġġornat bil-mod li jkun ġie stipulat fil-kuntratt.
Jenħtieġ li n-nuqqas ta' provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew li ma jkunux kompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, peress li dak ikun ifisser li tali aġġornamenti ma jkunux twettqu bil-mod stipulat fil-kuntratt.
- = -
(51) Kontinwament jiġu pprovduti ħafna tipi ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali fuq perjodu ta' żmien, bħall-aċċess għas-servizzi tal-cloud.
Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi żgurat li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun konformi matul id-durata tal-kuntratt kollha kemm hi.
Jenħtieġ li interruzzjonijiet fuq żmien qasir fil-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali jiġu ttrattati bħala każijiet ta' nuqqas ta' konformità fejn dawk l-interruzzjonijiet ikunu aktar minn negliġibbli jew ikunu rikorrenti.
Barra minn hekk, fil-kuntest tat-titjib frekwenti tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali, b’mod partikolari bl-aġġornamenti, il-verżjoni ta' kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali pprovduti lill-konsumatur jenħtieġ li tkun l-iktar waħda riċenti disponibbli fiż-żmien tal-konklużjoni tal-kuntratt, sakemm il-partijiet ma jkunux ftiehmu mod ieħor.
- = -
(64) Minħabba d-diversità ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali, mhuwiex xieraq li jiġu stabbiliti skadenzi fissi għall-eżerċizzju tad-drittijiet jew għall-issodisfar tal-obbligi relatati mal-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali.
Skadenzi bħal dawn ma jkunux jieħdu inkunsiderazzjoni tali diversità u jistgħu jkunu qosra wisq jew twal wisq, skont il-każ.
Għalhekk huwa aktar xieraq li jintalab li kontenut diġitali u servizzi diġitali jinġiebu f'konformità fi żmien raġonevoli.
Tali rekwiżit jenħtieġ li ma jipprevjenix lill-partijiet milli jaqblu dwar żmien speċifiku biex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jinġieb f'konformità mal-kuntratt mingħajr ħlas.
B'mod partikolari, l-konsumatur jenħtieġ li ma jġarrab l-ebda spiża assoċjata mal-iżvilupp ta' aġġornament għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali.
- = -