(41) Hemm diversi modi biex il-kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumaturi.
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar l-il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq ta' dak l-obbligu ta’ provvista li huwa l-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-kummerċjant, billi jagħmel il-kontenut diġitali jew servizzi diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jitqies li jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur meta l-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil tiegħu, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista' juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-kuntratt.
Meta jitqies li l-kummerċjant mhuwiex, fil-prinċipju, responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali, bħal pereżempju pjattaforma elettronika jew faċilità ta' ħżin fil-cloud, li l-konsumatur jagħżel biex jirċievi jew jaħżen il-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jenħtieġ li jkun biżżejjed għall-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali lil dik il-parti terza.
Madankollu, il-faċilità fiżika jew virtwali ma tistax titqies li ntgħażlet mill-konsumatur jekk hija tkun taħt il-kontroll tal-kummerċjant jew tkun marbuta kuntrattwalment mal-kummerċjant, jew meta l-konsumatur ikun għażel dik il-faċilità fiżika jew virtwali biex jirċievi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali iżda dik l-għażla kienet l-unika waħda offruta mill-kummerċjant biex il-konsumatur jirċievi kontenut diġitali jew servizz diġitali jew ikollu aċċess għalih.
- = -
(75) Minbarra l-modifiki li għandhom l-għan li jżommu l-konformità, jenħtieġ li l-kummerċjant ikun jista' jimmodifika, taħt ċerti kondizzjonijiet, karatteristiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, dment li l-kuntratt jagħti raġuni valida għal din il-modifika.
Tali raġunijiet validi jistgħu jinkludu każijiet fejn il-modifika tkun neċessarja sabiex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġu adattati għal ambjent tekniku ġdid jew għal żieda fin-numru ta' utenti jew għal raġunijiet operattivi importanti oħra.
Tali modifiki spiss ikunu ta' vantaġġ għall-konsumatur billi jtejbu l-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali.
Konsegwentement, il-partijiet kontraenti jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkludu klawżoli fil-kuntratt li jippermettu lill-kummerċjant li jagħmel modifiki.
Sabiex jintlaħaq bilanċ bejn l-interessi tal-konsumaturi u dawk tan-negozju, jenħtieġ li tali possibbiltà għall-kummerċjant tkun ikkombinata mad-dritt għall-konsumatur li jittermina l-kuntratt meta tali modifiki jkollhom impatt negattiv fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew l-aċċess għalih b'mod mhux minuri.
Jenħtieġ li l-punt sa fejn il-modifiki jkollhom impatt negattiv fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew l-aċċess għalih jiġi aċċertat b'mod oġġettiv fid-dawl tan-natura u l-iskop tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u tal-kwalità, il-funzjonalità, il-kompatibbiltà u karatteristiċi ewlenin oħrajn li huma normali f'kontenut diġitali jew f'servizzi diġitali tal-istess tip.
Madankollu, ir-regoli pprovduti f’din id-Direttiva dwar dawn l-aġġornamenti, it-titjib fil-livell jew modifiki simili jenħtieġ li ma jikkonċernawx sitwazzjonijiet fejn il-partijiet jikkonkludu kuntratt ġdid għall-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, pereżempju bħala konsegwenza ta’ distribuzzjoni ta’ verżjoni ġdida tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
- = -