(1) Il-potenzjal tat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-Unjoni għadu ma ġiex sfruttat kompletament.
L-Istrateġija tas-suq Uniku Diġitali għall-Ewropa tindirizza b'mod olistiku l-ostakoli ewlenin għall-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku transfruntier fl-Unjoni sabiex jiġi sfruttat dan il-potenzjal.
Meta l-aċċess tal-konsumaturi għal kontenut diġitali u servizzi diġitali jkun aħjar, u meta għan-negozji tiġi ffaċilitata l-provvista ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali, dan jista' jikkontribwixxi biex tingħata spinta lill-ekonomija diġitali tal-Unjoni u jiġi stimolat it-tkabbir globali.
- = -
(2) L-Artikolu 26(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, li għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi.
L-Artikolu 169(1), u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2), tat-TFUE jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern.
Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà.
- = -
(24) Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Dawn il-mudelli ta' negozju jintużaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq.
Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta' tali mudelli ta' negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għal kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, data personali.
Id-data personali tista' tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista' jtella' jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali tipprevedi lista eżawrjenti ta' raġunijiet legali għall-ipproċessar legali ta' data personali.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali.
Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella', biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta' kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.
- = -
(32) Is-softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, fejn il-kodiċi tas-sors huwa kondiviż b'mod miftuħ u fejn l-utenti jista' jkollhom aċċess liberu għalih, jużaw, jimmodifikaw u jqassmu mill-ġdid is-softwer jew il-verżjonijiet modifikati tiegħu, jista' jikkontribwixxi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-suq għall-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali.
Sabiex jiġi evitat li jiġu imposti ostakli għal dawn l-iżviluppi tas-suq, jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, dment li ma jiġix ipprovdut bi skambju ma' prezz u d-data personali tal-konsumatur tintuża esklussivament għat-titjib tas-sigurtà, il-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà tas-softwer.
- = -
(86) Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva, jiġifieri li tikkontribwixxi għall-funzjonament tas-suq intern billi tittratta b'mod konsistenti ostakoli relatati mal-liġi tal-kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali waqt li tipprevjeni l-frammentazzjoni legali, ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, sabiex jiżguraw il-koerenza kumplessiva tal-liġijiet nazzjonali permezz ta' regoli armonizzati tal-liġi tal-kuntratti li jiffaċilitaw l-azzjonijiet koordinati ta' infurzar ukoll, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f’konformita; mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu dawk l-għanijiet.
- = -