(2) L-Artikolu 26(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi li l-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-għan li tistabbilixxi jew tiżgura l-funzjonament tas-suq intern, li għandu jinkludi żona mingħajr fruntieri interni fejn jiġi żgurat il-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi.
L-Artikolu 169(1), u l-punt (a) tal-Artikolu 169(2), tat-TFUE jipprevedu li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-kisba ta' livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' miżuri adottati skont l-Artikolu 114 tat-TFUE fil-kuntest tat-tlestija tas-suq intern.
Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb bilanċ tajjeb bejn il-kisba ta’ livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u l-promozzjoni tal-kompetittività tal-impriżi, filwaqt li tiżgura r-rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà.
- = -
(3) Ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizzi diġitali jenħtieġ li jiġu armonizzati, filwaqt li bħala bażi jittieħed livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumaturi, sabiex jinkiseb suq uniku diġitali ġenwin, tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjoni, b’mod partikolari għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju (‘SMEs’).
- = -
(20) Din id-Direttiva u d-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) jenħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin.
filwaqt li din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizzi diġitali, id-Direttiva (UE) 2019/771 tistabbilixxi regoli dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta' oġġetti.
Għaldaqstant, sabiex jiġu ssodisfati l-aspettattivi tal-konsumaturi u jiġi żgurat qafas legali sempliċi u ċar għall-kummerċjanti ta' kontenut diġitali, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika wkoll għal kontenut diġitali li jiġi pprovdut fuq mezz tanġibbli, bħal DVDs, CDs, USB sticks u kards tal-memorja, kif ukoll għall-mezz tanġibbli nnifsu, sakemm il-mezz tanġibbli jservi esklussivament bħala trasportatur ta' kontenut diġitali.
Madankollu, minflok id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva dwar l-obbligu ta' provvista tal- kummerċjant u dwar ir-rimedji tal-konsumatur għal nuqqas ta' provvista, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) dwar obbligi relatati mal-konsenja ta' oġġetti u rimedji fil-każ ta' nuqqas ta' konsenja.
Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/83/UE, dwar, pereżempju, id-dritt ta' rtirar u n-natura tal-kuntratt li fil-qafas tiegħu jiġu pprovduti dawk l-oġġetti, jenħtieġ li jkomplu japplikaw ukoll għal tali midja tanġibbli u l-kontenut diġitali pprovdut fuqha.
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju wkoll għad-dritt ta' distribuzzjoni applikabbli għal dawn l-oġġetti taħt il-liġi dwar id-dritt tal-awtur.
- = -
(22) B'kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-prodotti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali li ma jifformax parti minn kuntratt ta' bejgħ dwar oġġetti b'elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li jkun meqjus separat mill-kuntratt għall-bejgħ tal-prodotti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta' dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista' jaqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel applikazzjoni ta' logħob minn app store fuq smartphone, il-kuntratt għall-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob huwa separat mill-kuntratt għall-bejgħ tas-smartphone innifsu.
Jenħtieġ għalhekk li d-Direttiva (UE) 2019/771 tapplika biss għall-kuntratt ta' bejgħ li jikkonċerna s-smartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob tista' taqa' taħt din id-Direttiva, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma sodisfatti.
Eżempju ieħor huwa fejn ikun ġie miftiehem b'mod espress li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta' sistema operattiva minn parti terza.
F'tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva mixtrija separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/771, iżda tista' taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, jekk il-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma ssodisfatti.
- = -
(24) Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Dawn il-mudelli ta' negozju jintużaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq.
filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta' tali mudelli ta' negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għal kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, data personali.
Id-data personali tista' tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista' jtella' jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali tipprevedi lista eżawrjenti ta' raġunijiet legali għall-ipproċessar legali ta' data personali.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali.
Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella', biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta' kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.
- = -
(47) Għall-perjodu ta' żmien li l-konsumatur jista' raġonevolment jistenna, il-kummerċjant jenħtieġ li jipprovdi lill-konsumatur b'aġġornamenti, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex iżomm il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità u sikur.
Pereżempju, fir-rigward tal-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali, li l-iskop tiegħu huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu li jiġu pprovduti aġġornamenti jenħtieġ li jkun limitat għal dak iż-żmien, filwaqt li għal tipi oħra ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali l-perjodu li matulu jenħtieġ li jiġu pprovduti l-aġġornamenti lill-konsumatur jista' jkun daqs il-perjodu ta' responsabbiltà għal nuqqas ta' konformità jew jista' jestendi lil hinn minn dak il-perjodu, li jaf ikun il-każ b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa' liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Meta l-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti, il-konsumatur jenħtieġ li, madankollu, ma jistenniex li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jibqa' konformi.
Il-kummerċjant jenħtieġ li jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax aġġornamenti li huma meħtieġa biex iżommu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali konformi, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser jaffettwa r-responsabbiltà tal-kummerċjant għall-konformità ta' dawk il-karatteristiċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f'konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(58) Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-perjodi ta' limitazzjoni nazzjonali.
Madankollu, dawn il-perjodi ta' limitazzjoni ma għandhomx jipprevjenu lill-konsumaturi milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom matul il-perjodu ta’ żmien kollu li fih il-kummerċjant ikun responsabbli għal nuqqas ta' konformità.
filwaqt li għalhekk jenħtieġ li din id-Direttiva ma tarmonizzax l-mument meta jiddekorru l-perjodi ta' limitazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li madanakollu tiżgura li dawn il-perjodi jippermettu lill-konsumaturi li jeżerċitaw ir-rimedji tagħhom għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jsir apparenti matul il-perjodu li matulu l-kummerċjant ikun responsabbli għal nuqqas ta' konformità.
- = -
(59) Minħabba n-natura speċifika u l-kumplessità kbira tal-kontenut diġitali u tas-servizzi diġitali kif ukoll l-għarfien superjuri tal-kummerċjant u l-aċċess tiegħu għall-kompetenzi, għall-informazzjoni teknika u għall-assistenza teknika avvanzata, aktarx li huwa l-kummerċjant li jinsab f'qagħda aħjar mill-konsumatur li jkun jaf għala l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma jkunx ġie pprovdut jew ma jkunx konformi mal-kuntratt.
Il-kummerċjant aktarx li jinsab ukoll f'qagħda aħjar li jivvaluta jekk in-nuqqas ta' provvista jew in-nuqqas ta' konformità jkunx ġej minn inkompatibbiltà tal-ambjent diġitali tal-konsumatur mar-rekwiżiti tekniċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Għalhekk f'każ ta' tilwima, filwaqt li huwa f'idejn il-konsumatur li jipprovdi evidenza li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mhuwiex konformi, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkollux għalfejn jipprova li n-nuqqas ta' konformità kien jeżisti fil-mument tal-provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali jew, fil-każ ta' provvista kontinwa, matul id-durata tal-kuntratt.
- = -
(71) Il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat li jirkupra l-kontenut fi żmien raġonevoli, mingħajr xkiel mill-kummerċjant, f'format li jintuża komunement u li jinqara minn magna u mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni ta' spejjeż iġġenerati mill-ambjent diġitali tal-konsumatur stess, pereżempju l-ispejjeż ta' konnessjoni man-netwerk peress li dawk l-ispejjeż mhumiex marbuta speċifikament mal-ksib tal-kontenut.
Madankollu, l-obbligu tal-kummerċjant li jagħmel tali kontenut disponibbli jenħtieġ li ma japplikax meta l-kontenut ikollu biss utilità fil-kuntest tal-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jew jirrigwarda biss l-attività tal-konsumatur meta juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew ikun ġie aggregat ma' data oħra mill-kummerċjant u ma jistax ikun diżaggregat jew biss bi sforzi sproporzjonati.
F'tali każijiet, il-kontenut ma għandux użu jew interess prattiku sinifikanti għall-konsumatur filwaqt li jitqiesu wkoll l-interessi tal-kummerċjant.
Barra minn hekk, l-obbligu tal-kummerċjant li jagħmel disponibbli lill-konsumatur, mat-terminazzjoni tal-kuntratt, kwalunkwe kontenut li mhuwiex data personali u li ġie pprovdut jew maħluq mill-konsumatur jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kummerċjant li ma jiżvelax ċertu kontenut f'konformità mal-liġi applikabbli.
- = -
(78) In-nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali kif ipprovdut lill-konsumatur spiss ikun dovut għal waħda mit-tranżazzjonijiet f'katina li tgħaqqad min oriġinarjament iddisinjah sal-kummerċjant finali.
filwaqt li l-kummerċjant jenħtieġ li jkun responsabbli lejn il-konsumatur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kummerċjant ikollu drittijiet xierqa vis-à-vis persuni differenti fil-katina ta' tranżazzjonijiet sabiex ikun jista' jkopri r-responsabbiltà lejn il-konsumatur.
Jenħtieġ li tali drittijiet ikunu limitati għal tranżazzjonijiet kummerċjali u għalhekk jenħtieġ li ma jkoprux sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant huwa responsabbli lejn il-konsumatur għan-nuqqas ta' konformità ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali li huwa magħmul minn softwer, jew mibni fuqu, li ġie pprovdut mingħajr il-ħlas ta' prezz b'liċenzja b'xejn u b'sors miftuħ minn persuna f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Madankollu, jenħtieġ li jitħalla f'idejn l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali applikabbli tagħhom sabiex jidentifikaw persuni fil-katina ta' tranżazzjonijiet li l-kummerċjant finali jista' jdur fuqhom u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' azzjonijiet bħal dawn.
- = -