(11) Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti bejn kummerċjanti u konsumaturi għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu armonizzati bis-sħiħ ir-regoli dwar il-konformità ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali makuntratt, rimedji f'każ ta' nuqqas ta' tali konformità jew nuqqas ta' provvista u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta' dawk ir-rimedji, kif ukoll dwar il-modifika ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta' xi elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra.
Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri.
L-Istati Membri huma preklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva milli jipprovdu għal kwalunkwe rekwiżit ulterjuri formali jew sostantiv.
Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprevedux regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi li huma differenti minn dawk previsti f'din id-Direttiva, jew obbligu għall-konsumatur li jinnotifika lill-kummerċjant dwar nuqqas ta' konformità fi żmien perjodu speċifiku.
- = -
(41) Hemm diversi modi biex il-kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumaturi.
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar l-il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq ta' dak l-obbligu ta’ provvista li huwa l-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-kummerċjant, billi jagħmel il-kontenut diġitali jew servizzi diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jitqies li jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur meta l-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil tiegħu, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista' juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-kuntratt.
Meta jitqies li l-kummerċjant mhuwiex, fil-prinċipju, responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali, bħal pereżempju pjattaforma elettronika jew faċilità ta' ħżin fil-cloud, li l-konsumatur jagħżel biex jirċievi jew jaħżen il-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jenħtieġ li jkun biżżejjed għall-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali lil dik il-parti terza.
Madankollu, il-faċilità fiżika jew virtwali ma tistax titqies li ntgħażlet mill-konsumatur jekk hija tkun taħt il-kontroll tal-kummerċjant jew tkun marbuta kuntrattwalment mal-kummerċjant, jew meta l-konsumatur ikun għażel dik il-faċilità fiżika jew virtwali biex jirċievi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali iżda dik l-għażla kienet l-unika waħda offruta mill-kummerċjant biex il-konsumatur jirċievi kontenut diġitali jew servizz diġitali jew ikollu aċċess għalih.
- = -
(78) In-nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali kif ipprovdut lill-konsumatur spiss ikun dovut għal waħda mit-tranżazzjonijiet f'katina li tgħaqqad min oriġinarjament iddisinjah sal-kummerċjant finali.
Filwaqt li l-kummerċjant jenħtieġ li jkun responsabbli lejn il-konsumatur fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, huwa importanti li jiġi żgurat li l-kummerċjant ikollu drittijiet xierqa vis-à-vis persuni differenti fil-katina ta' tranżazzjonijiet sabiex ikun jista' jkopri r-responsabbiltà lejn il-konsumatur.
Jenħtieġ li tali drittijiet ikunu limitati għal tranżazzjonijiet kummerċjali u għalhekk jenħtieġ li ma jkoprux sitwazzjonijiet fejn il-kummerċjant huwa responsabbli lejn il-konsumatur għan-nuqqas ta' konformità ta’ kontenut diġitali jew ta’ servizz diġitali li huwa magħmul minn softwer, jew mibni fuqu, li ġie pprovdut mingħajr il-ħlas ta' prezz b'liċenzja b'xejn u b'sors miftuħ minn persuna f'ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Madankollu, jenħtieġ li jitħalla f'idejn l-Istati Membri taħt il-liġi nazzjonali applikabbli tagħhom sabiex jidentifikaw persuni fil-katina ta' tranżazzjonijiet li l-kummerċjant finali jista' jdur fuqhom u l-modalitajiet u l-kundizzjonijiet ta' azzjonijiet bħal dawn.
- = -