(5) Il-konsumaturi mhux dejjem iħossuhom fiduċjużi meta jixtru bejn il-fruntieri u speċjalment meta dan ix-xiri jsir online.
Wieħed mill-fatturi ewlenin għan-nuqqas ta' fiduċja fil-konsumaturi huwa l-inċertezza dwar id-drittijiet kuntrattwali ewlenin tagħhom u n-nuqqas ta' qafas kuntrattwali ċar għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali. Ħafna konsumaturi jesperjenzaw problemi relatati mal-kwalità tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali jew l-aċċess għalihom.
Pereżempju, jirċievu kontenut diġitali jew servizzi diġitali ħżiena jew difettużi, jew ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizzi diġitali inkwistjoni.
B'riżultat ta' dan, il-konsumaturi jsofru dannu finanzjarju u mhux finanzjarju.
- = -
(54) Difetti legali huma kwistjoni partikolarment importanti fir-rigward tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali, li huma soġġetti għal drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali.
Restrizzjonijiet dwar l-użu tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali tal-konsumatur f'konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jkunu r-riżultat ta' vjolazzjoni ta' drittijiet ta' parti terza.
Tali ksur jista' jżomm lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew xi wħud mill-karatteristiċi tiegħu, pereżempju meta l-konsumatur assolutament ma jkunx jista' jikseb aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali jew ma jkunx jista' jagħmel dan legalment.
Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-parti terza, ġustament, iġġiegħel lill-kummerċjant iwaqqaf il-ksur ta' dawk id-drittijiet u ma jkomplix joffri l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkwistjoni jew li l-konsumatur ma jistax juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr ma jikser il-liġi.
F'każ ta' ksur tad-drittijiet ta' partijiet terzi li jirriżulta f'restrizzjoni li tipprevjeni jew tillimita l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali f'konformità mar-rekwiżiti soġġettivi u oġġettivi għall-konformità, il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta' konformità, sakemm il-liġijiet nazzjonali ma jipprevedux in-nullità tal-kuntratt, jew għar-riżoluzzjoni tiegħu, pereżempju għall-ksur tal-garanzija legali kontra l-iżgumbrament.
- = -
(77) Meta modifika jkollha impatt negattiv, b'mod mhux minuri, fuq l-aċċess jew l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali mill-konsumatur, jenħtieġ li l-konsumatur igawdi, bħala riżultat ta' tali modifika, id-dritt li jittermina l-kuntratt mingħajr ħlas.
Alternattivament, il-kummerċjant jista' jiddeċiedi li jippermetti lill-konsumatur iżomm aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali mingħajr ebda spiża addizzjonali mingħajr il-modifika u f'konformità, f'liema każ il-konsumatur jenħtieġ li ma jkunx intitolat li jittermina l-kuntratt.
Madankollu, jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali li l-kummerċjant ippermetta lill-konsumatur iżomm ma għadux konformi mar-rekwiżiti soġġettivi u oġġettivi tal-konformità, il-konsumatur jenħtieġ li jkun jista' joqgħod fuq ir-rimedji għal nuqqas ta' konformità kif previst taħt din id-Direttiva.
Meta r-rekwiżiti għal tali modifika kif indikat f’din id-Direttiva ma jiġux issodisfati u l-modifika tirriżulta f'nuqqas ta' konformità, id-dritt tal-konsumatur li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità, li jkollu l-prezz imnaqqas jew il-kuntratt terminat, kif previst taħt din id-Direttiva, jenħtieġ li jibqgħu mhux affettwati.
Bl-istess mod, meta, wara li tkun saret modifika, jirriżulta nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li ma jkunx ġie kkawżat mill-modifika, jenħtieġ li l-konsumatur jibqa' intitolat li joqgħod fuq ir-rimedji kif previst taħt din id-Direttiva għan-nuqqas ta' konformità fir-rigward ta' dan il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
- = -