(24) Il-kontenut diġitali jew s-servizzi diġitali spiss jiġu pprovduti anki meta l-konsumatur ma jħallasx prezz iżda jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Dawn il-mudelli ta' negozju jintużaw f'forom differenti f'parti konsiderevoli tas-suq.
Filwaqt li tirrikonoxxi bis-sħiħ li l-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali u li għalhekk id-data personali ma tistax titqies bħala komodità, din id-Direttiva jenħtieġ li tiżgura li l-konsumaturi, fil-kuntest ta' tali mudelli ta' negozju, ikunu intitolati għal rimedji kuntrattwali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva, għalhekk, tapplika għal kuntratti li fihom il-kummerċjant jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi, jew jimpenja ruħu li jipprovdi, data personali.
Id-data personali tista' tiġi pprovduta lill-kummerċjant jew fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt jew aktar tard, pereżempju meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu biex il-kummerċjant juża kwalunkwe data personali li l-konsumatur jista' jtella' jew joħloq bl-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta' data personali tipprevedi lista eżawrjenti ta' raġunijiet legali għall-ipproċessar legali ta' data personali.
Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejn il-konsumatur jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi data personali lill-kummerċjant.
Pereżempju, din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika meta l-konsumatur jiftaħ kont fuq il-midja soċjali u jipprovdi isem u e-mail li jintużaw għal skopijiet għajr is-sempliċi provvista tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali jew għajr il-konformità mar-rekwiżiti legali.
Dan għandu japplika ugwalment meta l-konsumatur jagħti l-kunsens tiegħu għal kwalunkwe materjal li jikkostitwixxi data personali, bħal ritratti jew posts li l-konsumatur itella', biex jiġu pproċessati mill-kummerċjant għal skopijiet ta' kummerċjalizzazzjoni.
Jenħtieġ, madankollu, li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jiddeterminaw jekk ir-rekwiżiti għall-formazzjoni, l-eżistenza u l-validità ta' kuntratt taħt il-liġi nazzjonali humiex issodisfati.
- = -
(28) Is-suq għal servizzi ta' komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri, li ma jikkollegawx ma' riżorsi ta' numerazzjoni pubblikament assenjati, qed jevolvi b'mod rapidu.
F'dawn l-aħħar snin, l-emerġenza ta' servizzi diġitali ġodda li jippermettu komunikazzjonijiet interpersonali fuq l-internet, bħall-posta elettronika bbażata fuq il-web u s-servizzi ta' messaġġi online, wasslet biex aktar konsumaturi jużaw dawn is-servizzi.
Għal tali raġunijiet jenħtieġ li tiġi prevista protezzjoni effettiva għall-konsumatur fir-rigward ta' tali servizzi.
Din id-Direttiva għalhekk jenħtieġ li tapplika wkoll għal servizzi ta' komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri.
- = -
(32) Is-softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, fejn il-kodiċi tas-sors huwa kondiviż b'mod miftuħ u fejn l-utenti jista' jkollhom aċċess liberu għalih, jużaw, jimmodifikaw u jqassmu mill-ġdid is-softwer jew il-verżjonijiet modifikati tiegħu, jista' jikkontribwixxi għar-riċerka u l-innovazzjoni fis-suq għall-kontenut diġitali u s-servizzi diġitali.
Sabiex jiġi evitat li jiġu imposti ostakli għal dawn l-iżviluppi tas-suq, jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal softwer bla ħlas u b'sors miftuħ, dment li ma jiġix ipprovdut bi skambju ma' prezz u d-data personali tal-konsumatur tintuża esklussivament għat-titjib tas-sigurtà, il-kompatibbiltà jew l-interoperabbiltà tas-softwer.
- = -
(41) Hemm diversi modi biex il-kummerċjant jipprovdi kontenut diġitali jew servizzi diġitali lill-konsumaturi.
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli sempliċi u ċari dwar l-il-modalitajiet u ż-żmien għat-twettiq ta' dak l-obbligu ta’ provvista li huwa l-obbligu kuntrattwali ewlieni tal-kummerċjant, billi jagħmel il-kontenut diġitali jew servizzi diġitali disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur.
Il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jenħtieġ li jitqies li jkun disponibbli jew aċċessibbli għall-konsumatur meta l-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jew kwalunkwe mezz adattat għall-aċċess jew għat-tniżżil tiegħu, ikun laħaq l-isfera tal-konsumatur u ma tkun meħtieġa l-ebda azzjoni ulterjuri mill-kummerċjant sabiex il-konsumatur ikun jista' juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-kuntratt.
Meta jitqies li l-kummerċjant mhuwiex, fil-prinċipju, responsabbli għal atti jew ommissjonijiet ta' parti terza li topera faċilità fiżika jew virtwali, bħal pereżempju pjattaforma elettronika jew faċilità ta' ħżin fil-cloud, li l-konsumatur jagħżel biex jirċievi jew jaħżen il-kontenut diġitali jew servizz diġitali, jenħtieġ li jkun biżżejjed għall-kummerċjant li jipprovdi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali lil dik il-parti terza.
Madankollu, il-faċilità fiżika jew virtwali ma tistax titqies li ntgħażlet mill-konsumatur jekk hija tkun taħt il-kontroll tal-kummerċjant jew tkun marbuta kuntrattwalment mal-kummerċjant, jew meta l-konsumatur ikun għażel dik il-faċilità fiżika jew virtwali biex jirċievi l-kontenut diġitali jew servizz diġitali iżda dik l-għażla kienet l-unika waħda offruta mill-kummerċjant biex il-konsumatur jirċievi kontenut diġitali jew servizz diġitali jew ikollu aċċess għalih.
- = -
(43) Il-kunċett ta' funzjonalità jenħtieġ li jinftiehem bħala li jirreferi għall-modi li bihom il-kontenut diġitali jew servizz diġitali jista' jintuża.
Pereżempju, l-assenza jew il-preżenza ta' kwalunkwe restrizzjoni teknika bħall-protezzjoni permezz tal-Ġestjoni tad-Drittijiet Diġitali jew tal-ikkowdjar tar-reġjun jista' jkollha impatt fuq il-kapaċità li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jwettaq il-funzjonijiet kollha tiegħu fir-rigward tal-iskop tiegħu.
Il-kunċett ta' interoperabbiltà jirrelata ma’ jekk u sa liema punt il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kapaċi jiffunzjona b'ħardwer jew softwer li huwa differenti minn dawk li normalment bihom jintuża kontenut diġitali jew servizzi diġitali tal-istess tip.
Funzjonament b'suċċess jista’ jinkludi, pereżempju, il-kapaċità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li jiskambja informazzjoni ma' tali softwer jew ħardwer ieħor u juża l-informazzjoni skambjata.
- = -
(50) Huma u japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva, il-kummerċjanti jenħtieġ li jużaw standards, speċifikazzjonijiet tekniċi miftuħa, prattiki tajba u kodiċijiet ta' kondotta, inkluż fir-rigward tal-format ta' data li komunement jintuża u li jkun jista' jinqara minn magna għall-irkupru ta' kontenut għajr data personali li ġiet ipprovduta jew maħluqa mill-konsumatur meta juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, u inkluż fejn tidħol is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni u l-ambjenti diġitali, kemm jekk stabbilit fil-livell internazzjonali, kemm jekk fil-livell tal-Unjoni, u kemm jekk fil-livell ta' settur industrijali speċifiku.
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' titlob l-iżvilupp ta' standards internazzjonali u tal-Unjoni u t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta mill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u organizzazzjonijiet oħrajn rappreżentattivi li jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva.
- = -
(53) Restrizzjonijiet fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-konsumatur f'konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jirriżultaw minn limitazzjonijiet imposti mid-detentur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali f'konformità mal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.
Tali restrizzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn ftehim ta' liċenzja tal-utent finali li permezz tiegħu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi pprovdut lill-konsumatur.
Dan jista' jkun il-każ meta, pereżempju, ftehim dwar il-liċenzja tal-utent finali jipprojbixxi lill-konsumatur milli juża ċerti karatteristiċi relatati mal-funzjonalità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Tali restrizzjoni tista' tagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali bi ksur tar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f'din id-Direttiva, jekk kienet tikkonċerna karatteristiċi li normalment jinstabu f'kontenut diġitali jew f'servizzi diġitali tal-istess tip u li l-konsumatur jista' raġonevolment jistenna.
F'każijiet bħal dawn, il-konsumatur jenħtieġ li jkun jista' jitlob ir-rimedji pprovduti f’din id-Direttiva għan-nuqqas ta' konformità kontra l-kummerċjant li pprovda l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
Il-kummerċjant jenħtieġ li jkun jista' jevita biss tali responsabbiltà billi jissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità kif stabbiliti f'din id-Direttiva, jiġifieri biss jekk il-kummerċjant speċifikament jinforma lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt li karatteristika partikolari tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità, u l-konsumatur ikun aċċetta dik id-devjazzjoni espressament u separatament.
- = -
(54) Difetti legali huma kwistjoni partikolarment importanti fir-rigward tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali, li huma soġġetti għal drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali.
Restrizzjonijiet dwar l-użu tal-kontenut diġitali jew servizz diġitali tal-konsumatur f'konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jkunu r-riżultat ta' vjolazzjoni ta' drittijiet ta' parti terza.
Tali ksur jista' jżomm lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew xi wħud mill-karatteristiċi tiegħu, pereżempju meta l-konsumatur assolutament ma jkunx jista' jikseb aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali jew ma jkunx jista' jagħmel dan legalment.
Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-parti terza, ġustament, iġġiegħel lill-kummerċjant iwaqqaf il-ksur ta' dawk id-drittijiet u ma jkomplix joffri l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkwistjoni jew li l-konsumatur ma jistax juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali mingħajr ma jikser il-liġi.
F'każ ta' ksur tad-drittijiet ta' partijiet terzi li jirriżulta f'restrizzjoni li tipprevjeni jew tillimita l-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali f'konformità mar-rekwiżiti soġġettivi u oġġettivi għall-konformità, il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat għar-rimedji għan-nuqqas ta' konformità, sakemm il-liġijiet nazzjonali ma jipprevedux in-nullità tal-kuntratt, jew għar-riżoluzzjoni tiegħu, pereżempju għall-ksur tal-garanzija legali kontra l-iżgumbrament.
- = -
(56) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jista' jiġi pprovdut lill-konsumaturi permezz ta' att uniku ta' provvista, pereżempju meta l-konsumaturi jniżżlu ktieb elettroniku u jaħżnuh fuq l-apparat personali tagħhom.
Bl-istess mod, il-provvista tista' tikkonsisti f'sensiela ta' atti individwali bħal dawn, pereżempju meta l-konsumaturi jirċievu link biex iniżżlu ktieb elettroniku ġdid kull ġimgħa.
L-element distintiv ta' din il-kategorija ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali huwa l-fatt li l-konsumaturi minn dakinhar 'il quddiem għandhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali u jużawh b'mod indefinit.
F'tali każijiet, jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali tiġi vvalutata fil-mument tal-provvista, u għalhekk jenħtieġ li l-kummerċjant ikun responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jeżisti fil-mument meta jsir l-att uniku ta' provvista jew meta jsir kull att ta' provvista individwali.
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, il-kummerċjanti u l-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq perjodu minimu armonizzat li matulu l-kummerċjant jenħtieġ li jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità.
Fir-rigward ta' kuntratti li jipprevedu att uniku ta' provvista jew sensiela ta' atti individwali ta' provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu responsabbli għal mhux inqas minn sentejn mill-mument tal-provvista, jekk taħt il-liġi nazzjonali rispettiva tiegħu l-kummerċjant huwa responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jsir apparenti f'perjodu ta' żmien wara l-provvista.
- = -
(69) Meta d-data personali tiġi pprovduta mill-konsumatur lill-kummerċjant, il-kummerċjant jenħtieġ li jikkonforma mal-obbligi taħt ir-Regolament (UE) 2016/679.
Tali obbligi jenħtieġu wkoll li jiġu rrispettati wkoll f'każijiet fejn il-konsumatur iħallas prezz u jipprovdi data personali.
Mat-terminazzjoni tal-kuntratt, il-kummerċjant jenħtieġ li wkoll iżomm lura milli juża kwalunkwe kontenut għajr data personali, li ġiet ipprovduta jew maħluqa mill-konsumatur meta juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali pprovdut mill-kummerċjant.
Tali kontenut jista' jinkludi immaġnijiet diġitali, video files u audio files u kontenut ikkreat fuq apparati mobbli.
Madankollu, il-kummerċjant jenħtieġ li jkun intitolat li jkompli juża l-kontenut ipprovdut jew maħluq mill-konsumatur f'każijiet fejn tali kontenut jew ma jkollux utilità barra l-kuntest tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali pprovdut mill-kummerċjant, huwa relatat biss mal-attività tal-konsumatur, ġie aggregat ma' data oħra mill-kummerċjant u ma jistax ikun diżaggregat jew biss bi sforzi sproporzjonati, jew ġie ġġenerat b'mod konġunt mill-konsumatur u oħrajn, u konsumaturi oħra jistgħu jkomplu jagħmlu użu minnu.
- = -
(71) Il-konsumatur jenħtieġ li jkun intitolat li jirkupra l-kontenut fi żmien raġonevoli, mingħajr xkiel mill-kummerċjant, f'format li jintuża komunement u li jinqara minn magna u mingħajr ħlas, bl-eċċezzjoni ta' spejjeż iġġenerati mill-ambjent diġitali tal-konsumatur stess, pereżempju l-ispejjeż ta' konnessjoni man-netwerk peress li dawk l-ispejjeż mhumiex marbuta speċifikament mal-ksib tal-kontenut.
Madankollu, l-obbligu tal-kummerċjant li jagħmel tali kontenut disponibbli jenħtieġ li ma japplikax meta l-kontenut ikollu biss utilità fil-kuntest tal-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jew jirrigwarda biss l-attività tal-konsumatur meta juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew ikun ġie aggregat ma' data oħra mill-kummerċjant u ma jistax ikun diżaggregat jew biss bi sforzi sproporzjonati.
F'tali każijiet, il-kontenut ma għandux użu jew interess prattiku sinifikanti għall-konsumatur filwaqt li jitqiesu wkoll l-interessi tal-kummerċjant.
Barra minn hekk, l-obbligu tal-kummerċjant li jagħmel disponibbli lill-konsumatur, mat-terminazzjoni tal-kuntratt, kwalunkwe kontenut li mhuwiex data personali u li ġie pprovdut jew maħluq mill-konsumatur jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-kummerċjant li ma jiżvelax ċertu kontenut f'konformità mal-liġi applikabbli.
- = -
(72) Meta l-kontenut diġitali jiġi terminat, il-konsumatur jenħtieġ li ma jkunx obbligat iħallas għall-użu tal-kontenut diġitali jew tas-servizzi diġitali għal kwalunkwe perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma kienx f'konformità għaliex dan ikun qiegħed iċaħħad lill-konsumatur mill-protezzjoni effettiva.
Madankollu, il-konsumatur għandu jżomm lura milli juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jew milli jagħmilhom disponibbli għal partijiet terzi, pereżempju billi jħassar il-kontenut diġitali jew kull kopja li tista' tintuża jew inkella jrendi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inaċċessibbli;
- = -