search


keyboard_tab Contratti digitali 2019/0770 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0770 MT cercato: 'jsir' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 11

Responsabbiltà tal-kummerċjant

1.   Il-kummerċjant għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta' provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali f'konformità mal-Artikolu 5.

2.   Meta kuntratt jipprevedi att uniku ta' provvista jew sensiela ta' atti individwali ta' provvista, il-kummerċjant għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità taħt l-Artikoli 7, 8 u 9 li jeżisti fil-mument tal-provvista, mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 8(2).

Jekk, skont il-liġi nazzjonali, il-kummerċjant ikun responsabbli biss għal nuqqas ta' konformità li jsir apparenti f'perjodu ta' żmien wara l-provvista, dak il-perjodu ma għandux ikun inqas minn sentejn mill-mument tal-provvista, mingħajr preġudizzju għall-punt (b) tal-Artikolu 8(2).

Jekk, skont il-liġi nazzjonali, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 ikunu wkoll soġġetti jew soġġetti biss għal perjodu ta' limitazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta' limitazzjoni jkun jippermetti lill-konsumatur li jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 14 għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jeżisti fil-ħin indikat fl-ewwel subparagrafu u jsir apparenti fil-perjodu ta' żmien indikat fit-tieni subparagrafu.

3.   Fejn il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa matul perjodu ta' żmien, il-kummerċjant għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità skont l-Artikoli 7, 8 u 9, li jsir apparenti fil-perjodu ta' żmien li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jiġi pprovdut skont il-kuntratt.

Jekk, skont il-liġi nazzjonali, id-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 14 ikunu wkoll soġġetti jew soġġetti biss għal perjodu ta' limitazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta' limitazzjoni jkun jippermetti lill-konsumatur li jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 14 għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jseħħ jew li jsir apparenti matul il-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu.

Artikolu 12

Oneru tal-provi

1.   L-oneru tal-provi fir-rigward ta' jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkunx ġie pprovdut f'konformità mal-Artikolu 5 għandu jkun fuq il-kummerċjant.

2.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(2), l-oneru tal-provi, fir-rigward ta' jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx f'konformità fil-mument tal-provvista, għandu jkun fuq il-kummerċjant għal nuqqas ta' konformità li jsir apparenti fi żmien perjodu ta' sena mill-mument meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jkun ġie pprovdut.

3.   Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 11(3), l-oneru tal-provi, fir-rigward ta' jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx f'konformità matul il-perjodu ta’ żmien li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jiġi pprovdut taħt il-kuntratt għandu jkun fuq il-kummerċjant għal nuqqas ta' konformità li jsir apparenti matul dak il-perjodu.

4.   Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta l-kummerċjant juri bil-provi li l-ambjent diġitali tal-konsumatur mhuwiex kompatibbli mar-rekwiżiti tekniċi tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali u meta l-kummerċjant ikun informa lill-konsumatur b'tali rekwiżiti b'mod ċar u li jinftiehem qabel ma jkun ġie konkluż il-kuntratt.

5.   Il-konsumatur għandu jikkoopera mal-kummerċjant, sa fejn ikun raġonevolment possibbli u neċessarju, biex jiġi aċċertat jekk il-kawża għan-nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fil-mument speċifikat fl-Artikolu 11(2) jew (3), kif applikabbli, kinitx tinsab fl-ambjent diġitali tal-konsumatur. L-obbligu ta' kooperazzjoni għandu jkun limitat għall-mezzi teknikament disponibbli li jkunu l-inqas intrużivi għall-konsumatur. Meta l-konsumatur jonqos milli jikkoopera u meta l-kummerċjant ikun informa lill-konsumatur b'tali rekwiżit b'mod ċar u komprensibbli qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, l-oneru tal-provi fir-rigward ta'jekk in-nuqqas ta' konformità kienx jeżisti fil-mument speċifikat fl-Artikolu 11(2) jew (3), kif applikabbli, għandu jkun fuq il-konsumatur.

Artikolu 14

Rimedji għan-nuqqas ta' konformità

1.   Fil-każ ta' nuqqas ta' konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali miġjub f'konformità, li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.   Il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali miġjub f'konformità, sakemm dan ma jkunx impossibbli jew sakemm dan ma jimponix spejjeż fuq il-kummerċjant li jkunu sproporzjonati, b'kont meħud taċ-ċirkostanzi tal-każ, inkluż:

(a)

il-valur li kien ikollu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kieku ma kienx hemm nuqqas ta' konformità; u

(b)

is-sinifikat tan-nuqqas ta' konformità.

3.   Il-kummerċjant għandu jġib il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità skont il-paragrafu 2 f'perjodu ta' żmien raġonevoli mill-mument li fih il-kummerċjant ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta' konformità, mingħajr ħlas u mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, b'kont meħud tan-natura tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali u l-iskop li għalih il-konsumatur kien jeħtieġ il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.

4.   Il-konsumatur għandu jkun intitolat jew għal tnaqqis proporzjonat tal-prezz f'konformità mal-paragrafu 5 meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi pprovdut bi skambju ma' ħlas ta' prezz, jew it-terminazzjoni tal-kuntratt f'konformità mal-paragrafu 6, fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

ir-rimedju biex il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jinġieb f'konformità ma jkunx possibbli jew ikun sproporzjonat f'konformità mal-paragrafu 2;

(b)

il-kummerċjant ma jkunx ġab il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità mal-paragrafu 3;

(c)

nuqqas ta' konformità jsir apparenti minkejja t-tentattiv min-naħa tal-kummerċjant li jġib il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità;

(d)

in-nuqqas ta' konformità tant ikun ta' natura serja li jiġġustifika t-tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt; jew

(e)

il-kummerċjant ikun iddikjara, jew ikun jidher ċar miċ-ċirkostanzi, li l-kummerċjant ma jkunx se jġib il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali f'konformità fi żmien raġonevoli jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

5.   It-tnaqqis fil-prezz għandu jkun proporzjonat għat-tnaqqis fil-valur tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali li ġie pprovdut lill-konsumatur meta mqabbel mal-valur li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kien ikollu li kieku kien f'konformità mal-kuntratt.

Meta l-kuntratt jistipula li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jiġi pprovdut fuq perjodu ta' żmien bi skambju mal-ħlas ta' prezz, it-tnaqqis fil-prezz għandu japplika għall-perjodu ta' żmien li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma kienx f'konformità.

6.   Meta l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi pprovdut bi skambju ma' ħlas ta' prezz, il-konsumatur għandu jkun intitolat jittermina l-kuntratt biss jekk in-nuqqas ta' konformità ma jkunx wieħed minuri. L-oneru tal-provi rigward jekk in-nuqqas ta' konformità jkunx wieħed minuri għandu jkun fuq il-kummerċjant.

Artikolu 17

Obbligi tal-konsumatur fil-każ ta' terminazzjoni

1.   Wara li l-kuntratt jiġi terminat, il-konsumatur għandu jżomm lura milli juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali u milli jagħmilhom disponibbli għal partijiet terzi.

2.   Fejn il-kontenut diġitali jkun ġie pprovdut fuq mezz tanġibbli, fuq talba u bi spejjeż tal-kummerċjant, il-konsumatur għandu jirritorna l-mezz tanġibbli lill-kummerċjant, mingħajr dewmien bla bżonn. Jekk il-kummerċjantjiddeċiedi li jitlob lura l-mezz tanġibbli, dik it-talba għandha ssir fi żmien 14-il jum mill-jum li fih il-kummerċjantjiġi infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jittermina l-kuntratt.

3.   Il-konsumatur ma għandu jkun responsabbli li jħallas għal ebda użu li jsir mill-kontenut diġitali jew servizz diġitali fil-perjodu qabel ma jiġi terminat il-kuntratt li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali ma kienx f'konformità.

Artikolu 18

Skadenzi u mezzi ta' rimborż mill-kummerċjant

1.   Kwalunkwe rimborż li huwa dovut lill-konsumatur mill-kummerċjant, skont l-Artikolu 14(4) u (5) jew 16(1), minħabba tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt għandu jsir mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ, fi żmien 14-il jum mid-data li fiha l-kummerċjant jiġi infurmat bid-deċiżjoni tal-konsumatur li jinvoka d-dritt tal-konsumatur għal tnaqqis fil-prezz jew li jittermina l-kuntratt.

2.   Il-kummerċjant għandu jwettaq ir-rimborż billi juża l-istess mezz ta' ħlas bħalma uża l-konsumatur biex iħallas għall-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, sakemm il-konsumatur ma jaqbilx espressament mod ieħor, u dment li l-konsumatur ma jġarrab l-ebda tariffa bħala riżultat ta' tali rimborż.

3.   Il-kummerċjant ma għandu jimponi l-ebda tariffa fuq il-konsumatur fir-rigward tar-rimborż.


whereas









keyboard_arrow_down