(25) Sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar dak li konsumatur jista’ jistenna mill-oġġetti u dak li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-bejjiegħ f’każ li ma jitwassalx dak li jkun mistenni, huwa essenzjali li jiġu kompletament armonizzati r-regoli li jippermettu li jiġi determinat jekk l-oġġetti humiex f’konformità.
Jenħtieġ li kwalunkwe referenza għall-konformità f’din id-Direttiva tirreferi għall-konformità tal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex jitħarsu l-interessi leġittimi taż-żewġ partijiet f’kuntratt ta’ bejgħ, il-konformità jenħtieġ li tiġi vvalutata abbażi ta’ rekwiżiti għall-konformità soġġettivi kif ukoll oġġettivi.
- = -
(32) L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari.
Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern.
Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati.
Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti.
Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu.
Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti.
Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.
- = -
(52) F’ċerti sitwazzjonijiet, jista’ jkun ġustifikat li l-konsumatur ikun intitolat għal roħs fil-prezz jew għat-terminazzjoni immedjata tal-kuntratt.
Meta l-bejjiegħ ikun ħa azzjoni biex iġib l-oġġetti f’konformità iżda sussegwentement ikun evidenti li hemm nuqqas ta’ konformità, jenħtieġ li jiġi determinat b’mod oġġettiv jekk il-konsumatur jenħtieġx li jaċċetta tentattivi oħra mill-bejjiegħ biex iġib l-oġġetti f’konformità, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ bħat-tip u l-valur tal-oġġetti u n-natura u s-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità.
B’mod partikolari, għal oġġetti għaljin jew kumplessi jista’ jkun ġustifikat li l-bejjiegħ jitħalla jerġa’ jipprova jsib rimedju għan-nuqqas ta’ konformità.
Jenħtieġ li jitqies ukoll jekk il-konsumatur jistax ikun mistenni li jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità jew le, pereżempju minħabba li l-istess problema tidher darbtejn.
Bl-istess mod, f’ċerti sitwazzjonijiet in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ natura tant serja li l-konsumatur ma jkunx jista’ jibqa’ fiduċjuż fil-ħila tal-bejjiegħ li jġib l-oġġetti f’konformità, bħal fejn in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa b’mod gravi l-ħila tal-konsumatur li jagħmel użu normali mill-oġġetti u l-konsumatur ma jistax ikun mistenni li jkollu fiduċja li t-tiswija jew it-tibdil min-naħa tal-bejjiegħ ikunu se jsolvu l-problema.
- = -
(58) Sabiex id-dritt ta’ terminazzjoni jkun effettiv għall-konsumaturi, f’sitwazzjonijiet fejn il-konsumatur jakkwista diversi oġġetti u n-nuqqas ta’ konformità jaffettwa biss uħud biss mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt, il-konsumatur jenħtieġ li jkollu d-dritt li jittermina l-kuntratt anki b’rabta mal-oġġetti l-oħra akkwistati flimkien mal-oġġetti mhux konformi, anki jekk dawk l-oġġetti l-oħra jkunu konformi, jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni li jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.
- = -