search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'il-bejjiegħ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl




whereas il-bejjiegħ:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 678

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“kuntratt ta’ bejgħ” tfisser kull kuntratt li bih il-bejjiegħ jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi sjieda ta’ oġġetti lil konsumatur, u l-konsumatur iħallas jew jimpenja ruħu li jħallas il-prezz tagħhom;

(2)

“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika, li, b’rabta ma’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva, qed taġixxi għal skopijiet li jmorru lil hinn mill-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni ta’ dik il-persuna;

(3)

“bejjiegħ” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament mill-fatt jekk hijiex ta’ sjieda privata jew pubblika, li qed taġixxi, inkluż permezz ta’ kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isem dik il-persuna fiżika jew ġuridika jew għan-nom ta’ dik il-persuna, għal skopijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni ta’ dik il-persuna, fir-rigward ta’ kuntratti koperti minn din id-Direttiva;

(4)

“produttur” tfisser manifattur tal-oġġetti, importatur tal-oġġetti fl-Unjoni jew kwalunkwe persuna li ssostni li hija produttur billi tqiegħed isimha, it-trademark jew sinjal distintiv ieħor fuq l-oġġetti;

(5)

“oġġetti” tfisser:

(a)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli; l-ilma, il-gass u l-elettriku għandhom jitqiesu bħala oġġetti fis-sens ta’ din id-Direttiva meta jitpoġġew għall-bejgħ f’volum limitat jew fi kwantità fissa;

(b)

kwalunkwe oġġett tanġibbli mobbli li jinkorpora jew li huwa interkonness ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’tali mod li l-assenza ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali ma tippermettix li l-oġġett iwettaq il-funzjonijiet tiegħu (“oġġetti b’elementi diġitali”);

(6)

“kontenut diġitali” tfisser data li tiġi prodotta u pprovduta f’forma diġitali;

(7)

“servizz diġitali” tfisser:

(a)

servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew li jkollu aċċess għal data f’forma diġitali; jew

(b)

servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’format diġitali jew il-kondiviżjoni magħha, li tkun imtellgħa jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz;

(8)

“kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software li normalment jintużaw magħhom oġġetti tal-istess tip, mingħajr il-bżonn li l-oġġetti, hardware jew software jiġu kkonvertiti;

(9)

“funzjonalità” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fid-dawl tal-iskop tagħhom;

(10)

“interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jiffunzjonaw b’hardware jew software differenti minn dawk li magħhom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip;

(11)

“mezz durabbli” tfisser kwalunkwe strument li jippermetti li l-konsumatur jew il-bejjiegħ jaħżen informazzjoni indirizzata personalment lil dik il-persuna b’mod li hu aċċessibbli għal referenza futura, għal perjodu ta’ żmien adegwat għall-iskopijiet tal-informazzjoni, u li jippermetti r-riproduzzjoni mhux mibdula tal-informazzjoni maħżuna;

(12)

“garanzija kummerċjali” tfisser kull impenn mill-bejjiegħ jew minn produttur (il-garanti) lill-konsumatur, flimkien mal-obbligu legali tal-bejjiegħ dwar il-garanzija ta’ konformità, ta’ rimborż tal-prezz imħallas jew ta’ sostituzzjoni, tiswija jew manutenzjoni ta’ oġġetti bi kwalunkwe mod jekk ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet jew kull rekwiżit ieħor mhux relatat mal-konformità, stipulati fid-dikjarazzjoni tal-garanzija jew fir-reklamar relevanti disponibbli fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt, jew qablu;

(13)

“durabbiltà” tfisser il-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni tagħhom f’użu normali;

(14)

“mingħajr ħlas” tfisser ħielsa mill-ispejjeż neċessarji magħmula sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, b’mod partikolari l-ispejjeż tal-posta, tal-ġarr, tax-xogħol jew tal-materjali;

(15)

“irkant pubbliku” tfisser metodu ta’ bejgħ fejn oġġetti u servizzi jkunu offruti minn bejjiegħ lill-konsumaturi, li jattendu jew jingħataw il-possibbiltà li jattendu l-irkant fiżikament, permezz ta’ proċedura ta’ offerti trasparenti u kompetittiva mmexxija minn irkantatur u fejn l-offerent rebbieħ ikun obbligat li jixtri l-oġġetti jew is-servizzi.

Artikolu 5

Konformità tal-oġġetti

il-bejjiegħ għandu jikkonsenja lill-konsumatur oġġetti li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8, jekk applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9.

Artikolu 7

Rekwiżiti oġġettivi għall-konformità

1.   Minbarra li jikkonforma ma’ kwalunkwe rekwiżit soġġettiv għall-konformità, l-oġġetti għandhom:

(a)

ikunu adattati għall-iskopijiet li għalihom normalment jintużaw oġġetti tal-istess tip, b’kont meħud, jekk applikabbli, ta’ kwalunkwe liġi tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti, ta’ kwalunkwe standard tekniku jew, fin-nuqqas ta’ tali standards tekniċi, il-kodiċi ta’ kondotta industrijali speċifiċi għas-settur applikabbli;

(b)

fejn applikabbli, ikunu ta’ kwalità tal-kampjun jew il-mudell li l-bejjiegħ ikun qiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u jikkorrispondu għad-deskrizzjoni tiegħu;

(c)

jekk applikabbli, jiġu pprovduti flimkien ma’ tali aċċessorji, li jinkludu l-imballaġġ, l-istruzzjonijiet għall-installazzjoni jew struzzjonijiet oħra, kif il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi; u

(d)

jikkorrispondu għall-kwantità u jkollhom il-kwalitajiet u karatteristiċi oħrajn, inkluż f’termini ta’ durabbiltà, funzjonalità, kompatibbiltà u sigurtà, normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kull dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem il-bejjiegħ jew persuni oħra f’ħoloq aktar preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur, partikolarment fir-reklamar jew fuq it-tikkettar.

2.   il-bejjiegħ ma għandux ikun marbut b’dikjarazzjonijiet pubbliċi, kif imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 1 jekk il-bejjiegħ juri li:

(a)

il-bejjiegħ ma kienx, u ma setax raġonevolment ikun, konxju tad-dikjarazzjoni pubblika inkwistjoni;

(b)

sal-mument li fih ikun ġie konkluż il-kuntratt, id-dikjarazzjoni pubblika kienet ġiet korretta bl-istess mod jew b’mod komparabbli bħal kif kienet saret; jew

(c)

id-deċiżjoni li jinxtraw l-oġġetti ma setgħetx ġiet influwenzata mid-dikjarazzjoni pubblika.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, il-bejjiegħ għandu jiżgura li l-konsumatur jiġi infurmat bl-aġġornamenti u jiġi fornut bihom, inklużi l-aġġornamenti tas-sigurtà meħtieġa biex dawk l-oġġetti jinżammu f’konformità, għall-perjodu ta’ żmien:

(a)

li konsumatur jista’ raġonevolment jistenna, fid-dawl tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u b’kont meħud taċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi att ta’ provvista wieħed għall-kontenut jew is-servizz diġitali; jew

(b)

indikat fl-Artikolu 10(2) jew (5), kif applikabbli, meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi l-forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq tul ta’ żmien.

4.   Jekk il-konsumatur jonqos milli jinstalla l-aġġornamenti pprovduti f’konformità mal-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli, il-bejjiegħ ma għandu jkun responsabbli għall-ebda nuqqas ta’ konformità li jirriżulta biss min-nuqqas tal-aġġornament rilevanti, dment li:

(a)

il-bejjiegħ ikun informa lill-konsumatur dwar id-disponibbiltà tal-aġġornament u l-konsegwenzi tan-nuqqas tal-konsumatur li jinstallah; u

(b)

in-nuqqas tal-konsumatur li jinstalla jew l-installazzjoni ħażina mill-konsumatur tal-aġġornament ma kinux dovuti għal nuqqasijiet fl-istruzzjonijiet tal-installazzjoni pprovduti lilu.

5.   Ma għandu jkun hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità fis-sens tal-paragrafu 1 jew 3 jekk, fil-mument meta jkun ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, il-konsumatur ikun ġie infurmat b’mod speċifiku li karatteristika partikolari tal-oġġetti kienet qed tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti fil-paragrafu 1 jew 3 u l-konsumatur aċċetta dik id-devjazzjoni espliċitament u separatament fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 10

Responsabbiltà tal-bejjiegħ

1.   il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti mal-konsenja tal-oġġetti u li jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn minn dakinhar. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(3), dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, li għalihom il-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli wkoll għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti b’elementi diġitali. Jekk il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut jew is-servizz diġitali jrid jiġi fornut skont il-kuntratt ta’ bejgħ.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu limiti ta’ żmien itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk, skont il-liġi nazzjonali, ir-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 ikunu wkoll soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien imsemmi f’dawk il-paragrafi.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji previsti fl-Artikolu 13 biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien indikat f’dawk il-paragrafi.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’każ ta’ oġġetti użati, il-bejjiegħ u l-konsumatur jistgħu jaqblu ma’ termini kuntrattwali jew ftehimiet b’perjodi ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, 2 u 5, sakemm tali perjodi iqsar ma għandhomx ikunu inqas minn sena.

Artikolu 11

Oneru tal-provi

1.   Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fi żmien sena mill-mument li fih ikunu ġew konsenjati l-oġġetti għandu jkun preżunt li kien jeżisti fil-mument tal-konsenja, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor jew din il-preżunzjoni tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew man-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   Minflok il-perjodu ta’ sena stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx konformi fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(2) għandu jkun fuq il-bejjiegħ għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu imsemmi f’dak l-Artikolu.

Artikolu 13

Rimedji għal nuqqas ta’ konformità

1.   Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jkollu l-oġġetti miġjuba f’konformità jew li jirċievi tnaqqis proporzjonat fil-prezz, jew li jittermina l-kuntratt, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Sabiex l-oġġetti jinġiebu f’konformità, il-konsumatur jista’ jagħżel bejn tiswija u sostituzzjoni, sakemm ir-rimedju magħżul, ma jkunx impossibbli jew, meta mqabbel mar-rimedju l-ieħor, jimponi spejjeż sproporzjonati fuq il-bejjiegħ meta jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inklużi:

(a)

il-valur li l-oġġetti kien ikollhom kieku ma kien hemm l-ebda nuqqas ta’ konformità;

(b)

is-sinifikat tan-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

jekk ir-rimedju alternattiv jistax jiġi pprovdut mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

3.   il-bejjiegħ jista’ jirrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità jekk it-tiswija u s-sostituzzjoni jkunu impossibbli jew jimponu spejjeż sproporzjonati fuqu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha inklużi dawk imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2.

4.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt għal tnaqqis proporzjonat fil-prezz f’konformità mal-Artikolu 15 jew għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ f’konformità mal-Artikolu 16 fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(a)

il-bejjiegħ ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni jew, jekk applikabbli, ma jkunx lesta t-tiswija jew is-sostituzzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(2) u (3), jew il-bejjiegħ ikun irrifjuta li jġib l-oġġetti f’konformità skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

jitfaċċa nuqqas ta’ konformità minkejja li l-bejjiegħ ikun ipprova jġib l-oġġetti f’konformità;

(c)

in-nuqqas ta’ konformità tant ikun ta’ natura serja li jiġġustifika tnaqqis immedjat fil-prezz jew it-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ; jew

(d)

il-bejjiegħ ikun iddikjara, jew ikun ċar miċ-ċirkustanzi, li l-bejjiegħ ma jkunx se jġib l-oġġetti f’konformità fi żmien raġonevoli, jew mingħajr inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur.

5.   Il-konsumatur ma għandux ikollu d-dritt jittermina l-kuntratt jekk in-nuqqas ta’ konformità jkun biss wieħed minuri. il-bejjiegħ għandu jkollu l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk in-nuqqas ta’ konformità jkunx wieħed minuri.

6.   Il-konsumatur għandu jkollu d-dritt li ma jħallas l-ebda parti pendenti mill-prezz jew biċċa minnu sakemm il-bejjiegħ ikun issodisfa l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva. L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet biex il-konsumatur jeżerċita d-dritt li jżomm il-pagament.

7.   L-Istati Membri jistgħu jirregolaw jekk u kemm il-kontribut tal-konsumatur għan-nuqqas ta’ konformità jaffettwax id-dritt tal-konsumatur għal rimedju.

Artikolu 14

Tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti

1.   Tiswijiet jew sostituzzjonijiet għandhom jitwettqu:

(a)

bla ħlas;

(b)

fi żmien raġonevoli mill-mument li l-bejjiegħ ikun ġie infurmat mill-konsumatur dwar in-nuqqas ta’ konformità; u

(c)

mingħajr ebda inkonvenjent sinifikanti għall-konsumatur, filwaqt li jitqiesu n-natura tal-oġġetti u l-iskop li għalih il-konsumatur kellu bżonn l-oġġetti.

2.   Jekk in-nuqqas ta’ konformità għandu jiġi rimedjat minn tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti, il-konsumatur għandu jqiegħed l-oġġetti għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ. il-bejjiegħ għandu jieħu lura l-oġġetti sostitwiti bi spejjeż tal-bejjiegħ.

3.   Jekk tiswija tirrikjedi t-tneħħija ta’ oġġetti li jkunu ġew installati b’mod konsistenti man-natura u l-iskop tagħhom qabel ma jkun immanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità, jew jekk tali oġġetti jridu jiġu sostitwiti, l-obbligu ta’ tiswija jew sostituzzjoni tal-oġġetti għandu jinkludi t-tneħħija tal-oġġetti mhux konformi, u l-installazzjoni ta’ oġġetti ta’ sostituzzjoni jew oġġetti msewwija, jew li jġorru l-ispejjeż ta’ dik it-tneħħija u l-installazzjoni.

4.   Il-konsumatur ma għandux ikun marbut li jħallas għall-użu normali tal-oġġetti matul il-perjodu qabel is-sostituzzjoni tagħhom.

Artikolu 16

Terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ

1.   Il-konsumatur għandu jeżerċita d-dritt li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ permezz ta’ dikjarazzjoni lill-bejjiegħ li fiha jesprimi d-deċiżjoni tiegħu li jittermina l-kuntratt tal-bejgħ.

2.   Meta n-nuqqas ta’ konformità jkun jirrigwarda biss xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati skont il-kuntratt tal-bejgħ u jkun hemm raġuni għat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-bejgħ skont l-Artikolu 13, il-konsumatur jista’ jittermina l-kuntratt tal-bejgħ biss b’rabta ma’ dawk l-oġġetti u b’rabta ma’ kwalunkwe oġġett ieħor li l-konsumatur ikun akkwista flimkien mal-oġġetti mhux konformi jekk il-konsumatur ma jistax ikun raġonevolment mistenni jaċċetta li jżomm biss l-oġġetti konformi.

3.   Meta l-konsumatur jittermina kuntratt tal-bejgħ sħiħ jew, skont il-paragrafu 2, fir-rigward ta’ xi wħud mill-oġġetti kkonsenjati taħt il-kuntratt tal-bejgħ:

(a)

il-konsumatur għandu jirritorna l-oġġetti lill-bejjiegħ bi spejjeż għal dan tal-aħħar; u

(b)

il-bejjiegħ għandu jrodd lura lill-konsumatur il-prezz imħallas għall-oġġetti meta jirċievi l-oġġetti jew l-evidenza pprovduta mill-konsumatur li jkun bagħat l-oġġetti lura.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw l-modalitajiet għar-ritorn u r-rimborż.

Artikolu 18

Dritt ta’ rimedju

Fejn il-bejjiegħ ikun responsabbli lejn il-konsumatur minħabba nuqqas ta’ konformità li jirriżulta minn att jew ommissjoni, inkluża l-ommissjoni li jiġu fornuti aġġornamenti għal oġġetti b’elementi diġitali kif previst mill-Artikolu 7(3), minn persuna f’ħoloq preċedenti fil-katina tat-tranżazzjonijiet, il-bejjiegħ għandu jkollu d-dritt li jfittex rimedji kontra l-persuna jew il-persuni responsabbli fil-katina tat-tranżazzjonijiet. Il-persuna li kontriha l-bejjiegħ jista’ jfittex rimedji, kif ukoll l-azzjonijiet u l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju rilevanti, għandhom ikunu determinati mil-liġi nazzjonali.


whereas









keyboard_arrow_down