(18) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-legalità tal-oġġetti, id-danni u aspetti ġenerali relatati mal-liġi kuntrattwali bħall-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti.
L-istess jenħtieġ li japplika b’relazzjoni mal-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt u għal ċerti aspetti dwar it-tiswija u s-sostituzzjoni, li mhumiex irregolati f’din id-Direttiva.
Fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet biex iżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom jew parti minnhom sa ma l-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet dwar iż-żamma tal-ħlas tal-prezz mill-konsumatur.
Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur għal kumpens għad-danni mġarrba b’konsegwenza ta’ ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-kuntratti tal-konsumatur u li jipprovdu għal rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux immanifestaw ruħhom fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kwalunkwe difett moħbi.
Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, kontra persuni f’ħoloq preċedenti tal-katina ta-tranżazzjonijiet, pereżempju l-manifatturi, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni.
- = -
(53) Sabiex jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, jenħtieġ li l-konsumatur igawdi d-dritt li jittermina l-kuntratt f’każijiet biss fejn in-nuqqas ta’ konformità ma jkunx żgħir.
- = -
(63) Meta jitqies li l-bejjiegħ huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti li jirriżulta minn att jew ommissjoni tal-bejjiegħ jew ta’ parti terza, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun jista’ jfittex rimedji kontra l-persuna responsabbli f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li tali rimedji jinkludu dawk għal nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ aġġornament, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li kien ikun meħtieġ biex l-oġġett b’elementi diġitali jinżamm f’konformità.
Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u partijiet oħra fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li d-dettalji għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, b’mod partikolari kontra min u kif għandhom jiġu segwiti dawn ir-rimedji u jekk ir-rimedji humiex ta’ natura obbligatorja, jingħataw mill-Istati Membri.
Il-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur jistax ukoll jagħmel pretensjoni direttament kontra persuna fi stadju preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li ma tkunx regolata minn din id-Direttiva, ħlief f’każijiet fejn il-produttur joffri garanzija kummerċjali għall-oġġetti lill-konsumatur.
- = -