(32) L-assigurazzjoni ta’ durabbiltà itwal tal-oġġetti hija importanti sabiex jinkisbu mudelli ta’ konsum aktar sostenibbli u ekonomija ċirkolari.
Bl-istess mod, iż-żamma ta’ prodotti mhux konformi barra mis-suq tal-Unjoni billi tissaħħaħ is-sorveljanza tas-suq u jiġu pprovduti l-inċentivi t-tajbin lill-operaturi ekonomiċi hija essenzjali sabiex tiżdied il-fiduċja fil-funzjonament tas-suq intern.
Għal dawk l-għanijiet, leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika għall-prodott hija l-aktar mezz xieraq sabiex jiddaħħlu rekwiżiti ta’ durabbiltà u rekwiżiti oħrajn marbutin mal-prodott fir-rigward ta’ tipi jew gruppi speċifiċi ta’ prodotti, u għal dan il-għan jintużaw kriterji addattati.
Jenħtieġ għalhekk li din id-Direttiva tkun komplementari għall-objettivi fil-mira f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni speċifika bħal din, u jenħtieġ li tinkludi d-durabbiltà bħala kriterju oġġettiv għall-valutazzjoni tal-konformità tal-oġġetti.
Jenħtieġ li d-durabbiltà f’din id-Direttiva tirreferi għall-kapaċità tal-oġġetti li jżommu l-funzjonijiet u l-prestazzjoni meħtieġa tagħhom f’kondizzjonijiet normali ta’ użu.
Sabiex l-oġġetti jkunu konformi jenħtieġ li jkollhom id-durabbiltà normali għal oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna fid-dawl tan-natura tal-oġġetti speċifiċi, inkluż il-bżonn ta’ manutenzjoni raġonevoli tal-oġġetti, bħall-ispezzjoni regolari jew it-tibdil tal-filtri f’karozza, u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula minn jew f’isem kwalunkwe persuna li tikkostitwixxi ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li l-valutazzjoni tqis ukoll iċ-ċirkustanzi rilevanti l-oħra kollha, bħall-prezz tal-oġġetti u l-intensità jew il-frekwenza tal-użu li l-konsumatur jagħmel mill-oġġetti.
Barra minn hekk, sa fejn ikun hemm indikata informazzjoni speċifika dwar id-durabbiltà f’kull dikjarazzjoni prekuntrattwali li tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li l-konsumatur ikun jista’ jiddependi fuqha bħala parti mir-rekwiżiti soġġettivi għall-konformità.
- = -
(33) Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun obbligat jikkonsenja oġġetti li jkunu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Huwa possibbli li l-bejjiegħa jużaw spare parts sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Din id-Direttiva, filwaqt li jenħtieġ li ma timponix l-obbligu li l-bejjiegħa jiżguraw id-disponibbiltà ta’ spare parts tul perjodu ta’ żmien bħala rekwiżit oġġettiv ta’ konformità, jenħtieġ li ma taffettwax dispożizzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali li tobbliga lill-bejjiegħ, il-produttur jew persuni oħra li jikkostitwixxu ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet, li jiżguraw li l-ispare parts huma disponibbli jew li l-konsumaturi jiġu infurmati b’din id-disponibbiltà.
- = -
(63) Meta jitqies li l-bejjiegħ huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti li jirriżulta minn att jew ommissjoni tal-bejjiegħ jew ta’ parti terza, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun jista’ jfittex rimedji kontra l-persuna responsabbli f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li tali rimedji jinkludu dawk għal nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ aġġornament, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li kien ikun meħtieġ biex l-oġġett b’elementi diġitali jinżamm f’konformità.
Madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u partijiet oħra fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li d-dettalji għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, b’mod partikolari kontra min u kif għandhom jiġu segwiti dawn ir-rimedji u jekk ir-rimedji humiex ta’ natura obbligatorja, jingħataw mill-Istati Membri.
Il-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur jistax ukoll jagħmel pretensjoni direttament kontra persuna fi stadju preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li ma tkunx regolata minn din id-Direttiva, ħlief f’każijiet fejn il-produttur joffri garanzija kummerċjali għall-oġġetti lill-konsumatur.
- = -