(30) Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità.
Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(46) Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha l-konsumatur ikun induna b’tali nuqqas ta’ konformità.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom livell ogħla ta’ protezzjoni, billi ma jintroduċux obbligu bħal dan.
- = -
(50) Jenħtieġ li meta jimmanifesta ruħu nuqqas ta’ konformità, il-konsumatur jinforma lill-bejjiegħ dwar dan sabiex jagħti lill-bejjiegħ l-opportunità jġib l-oġġett f’konformità.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jagħmel dak f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.
Għaldaqstant, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkunx, fil-prinċipju, immedjatament intitolat għal tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt iżda jenħtieġ li l-bejjiegħ jingħata żmien raġonevoli biex isewwi jew jissostitwixxi l-oġġett mhux konformi.
Jekk il-bejjiegħ ma jkunx sewwa jew bidel l-oġġett f’dak iż-żmien, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob u jikseb tnaqqis fil-prezz jew terminazzjoni tal-kuntratt mingħajr ma jistenna aktar.
- = -