(17) Għall-iskop taċ-ċarezza legali, din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi definizzjoni ta’ kuntratt ta’ bejgħ u tiddefinixxi b’mod ċar il-kamp ta’ applikazzjoni relattiv.
L-iskop ta’ din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri wkoll kuntratti għall-oġġetti li jkunu għadhom iridu jiġu prodotti jew manifatturati, inkluż skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-konsumatur.
Barra minn hekk, l-installazzjoni tal-oġġetti tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jekk l-installazzjoni tifforma parti mill-kuntratt tal-bejgħ u trid titwettaq mill-bejjiegħ jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu.
Meta kuntratt jinkludi elementi kemm ta’ bejgħ ta’ oġġetti kif ukoll ta’ għoti ta’ servizzi, għandu jitħalla f’idejn il-liġi nazzjonali biex jiġi determinat jekk il-kuntratt kollu jistax jiġi kklassifikat bħala kuntratt tal-bejgħ fis-sens ta’ din id-Direttiva.
- = -
(41) Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm ċertezza legali għall-bejjiegħa u l-fiduċja ġenerali tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier, hemm bżonn li jiġi previst perjodu li fih il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità.
Peress li, meta implimentaw id-Direttiva 1999/44/KE, il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri pprevedew perjodu ta’ sentejn, u fil-prattika dak il-perjodu huwa meqjus raġonevoli mill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li dak il-perjodu jinżamm.
Jenħtieġ li l-istess perjodu japplika fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali.
Madankollu, jekk il-kuntratt jipprevedi l-provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali irid ikun fornut skont il-kuntratt.
Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jipprevedu limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk stipulati f’din id-Direttiva.
- = -
(42) Għal raġunijiet ta’ koerenza mas-sistemi legali nazzjonali eżistenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jipprevedu li l-bejjiegħa jkunu responsabbli għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu f’perjodu ta’ żmien speċifiku, possibbilment flimkien ma’ perjodu ta’ limitazzjoni, jew li r-rimedji tal-konsumatur ikunu soġġetti biss għal perjodu ta’ limitazzjoni.
Fl-ewwel każ, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-perjodu tar-responsabbiltà tal-bejjiegħ ma jiġix evitat bil-perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur.
Filwaqt li għalhekk jenħtieġ li din id-Direttiva ma tarmonizzax il-mument meta jiddekorru l-perjodi ta’ limitazzjoni nazzjonali, jenħtieġ li tiżgura li dawn il-perjodi ta’ limitazzjoni ma jxekklux id-dritt tal-konsumaturi li jeżerċitaw ir-rimedji tagħhom għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità.
Fil-każ ta’ dan tal-aħħar, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jżommu jew jintroduċu biss perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji tal-konsumatur mingħajr ma jintroduċu perjodu speċifiku li fih irid jimmanifesta ruħu n-nuqqas ta’ konformità sabiex il-bejjiegħ jinżamm responsabbli.
Sabiex ikun żgurat li l-konsumaturi jkunu protetti bl-istess mod anki f’tali każijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li fejn japplika perjodu ta’ limitazzjoni biss, dan xorta jippermetti lill-konsumaturi jeżerċitaw ir-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu tal-anqas matul il-perjodu previst f’din id-Direttiva bħala perjodu ta’ responsabbiltà.
- = -
(45) Jenħtieġ li għal perjodu ta’ sena jew, għal perjodu ta’ sentejn jekk l-Istati Membri jagħżlu li japplikaw perjodu ta’ sentejn, il-konsumatur ikun obbligat jipprova biss li l-oġġett mhuwiex f’konformità, bla ma jkollu wkoll jagħti prova li n-nuqqas ta’ konformità kien fil-fatt jeżisti fiż-żmien rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità.
Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ irid jipprova li n-nuqqas ta’ konformità ma kienx jeżisti f’dak il-mument.
Barra minn hekk, f’xi każijiet il-preżunzjoni li n-nuqqas ta’ konformità kien jeżisti fil-mument rilevanti għall-istabbiliment tal-konformità tista’ tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew in-natura tan-nuqqas ta’ konformità.
Tal-ewwel jista’ jkun il-każ b’oġġetti li, min-natura tagħhom jiddeterjoraw, bħal prodotti li jitħassru, pereżempju fjuri, jew oġġetti maħsuba biex jintużaw darba biss.
Eżempju ta’ dan tal-aħħar jkun nuqqas ta’ konformità, li jista’ jkun biss riżultat ta’ azzjoni mill-konsumatur jew ta’ kawża esterna evidenti li tkun seħħet wara li l-oġġetti jkunu ġew ikkonsenjati lill-konsumatur.
F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-konsumatur ma jkollux għalfejn jagħti prova li l-kontenut jew is-servizz diġitali ma kienx f’konformità tul il-perjodu ta’ żmien rispettiv biex tiġi stabbilita l-konformità.
Sabiex jirribatti t-talba tal-konsumatur, il-bejjiegħ ikun irid jipprova li l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kien konformi tul dak il-perjodu.
- = -
(46) Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha l-konsumatur ikun induna b’tali nuqqas ta’ konformità.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom livell ogħla ta’ protezzjoni, billi ma jintroduċux obbligu bħal dan.
- = -
(56) Din id-Direttiva jenħtieġ li ma tistipulax dispożizzjonijiet dwar fejn iridu jitwettqu l-obbligi ta’ debitur.
Din id-Direttiva jenħtieġ li, għalhekk, la tispeċifika l-post tal-konsenja u lanqas ma tippreskrivi fejn jenħtieġ li ssir it-tiswija jew is-sostituzzjoni; tali kwistjonijiet jenħtieġ li jitħallew f’idejn il-liġi nazzjonali.
- = -