(10) Din id-Direttiva jenħtieġ li tkopri r-regoli applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali, fir-rigward biss tal-elementi kuntrattwali ewlenin meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali fis-suq intern.
Għal dan il-għan jenħtieġ li r-regoli dwar ir-rekwiżiti għall-konformità, ir-rimedji għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi għal nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċizzju tagħhom ikunu kompletament armonizzati, u li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur, meta mqabbel mad-Direttiva 1999/44/KE, jiżdied.
Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta’ ċerti elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra.
Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri.
- = -
(15) Jenħtieġ li din id-Direttiva tapplika għal kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, inkluż oġġetti b’elementi diġitali meta l-assenza tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness timpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom u meta tali kontenut jew servizz diġitali jkun ipprovdut mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ li jikkonċerna dawn l-oġġetti.
Jenħtieġ li l-kwistjoni ta’ jekk il-provvista tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness tiffurmax parti mill-kuntratt tal-bejgħ mal-bejjiegħ tiddependi mill-kontenut ta’ dan il-kuntratt.
Dan jenħtieġ li jinkludi kontenut jew servizzi diġitali inkorporati jew interkonnessi li l-provvista tagħhom tkun meħtieġ b’mod espliċitu fil-kuntratt.
Jenħtieġ li jinkludi wkoll kuntratti ta’ bejgħ li jistgħu jiġu interpretati li jkopru l-provvista ta’ kontenut diġitali speċifiku jew servizz diġitali speċifiku għaliex ikunu normali f’oġġetti tal-istess tip u li l-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jkunu hemm fid-dawl tan-natura tal-oġġetti u ta’ kwalunkwe dikjarazzjoni pubblika magħmula mill-bejjiegħ, f’ismu jew minn persuni oħra f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet, inkluż il-produttur.
Jekk, pereżempju, sett tat-televiżjoni intelliġenti jkun ġie reklamat bħala li jinkludi applikazzjoni partikolari tal-video, dik l-applikazzjoni tkun meqjusa bħala parti mill-kuntratt tal-bejgħ.
Dan jenħtieġ li japplika irrispettivament minn jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx installat minn qabel fl-oġġett innifsu jew jekk ikollux jitniżżel sussegwentement fuq apparat ieħor u jkun biss interkonness mal-oġġett.
Pereżempju, smartphone jista’ jinbiegħ b’applikazzjoni standardizzata installata minn qabel u pprovduta taħt il-kuntratt tal-bejgħ, pereżempju alarm jew kamera.
Eżempju ieħor possibbli huwa dak ta’ arloġġ intelliġenti.
tali każ, l-arloġġ stess ikun meqjus bħala l-oġġett b’elementi diġitali li jista’ jaqdi l-funzjonijiet tiegħu esklużivament b’applikazzjoni pprovduta skont il-kuntratt tal-bejgħ iżda li trid titniżżel mill-konsumatur fuq smartphone; l-applikazzjoni f’dan il-każ tkun l-element diġitali interkonness.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jkunx fornut mill-bejjiegħ innifsu iżda pprovdut, minn parti terza, taħt il-kuntratt tal-bejgħ.
Sabiex tiġi evitata l-inċertezza kemm għall-bejjiegħa kif ukoll għall-konsumaturi, f’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali tkunx parti mill-kuntratt tal-bejgħ, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli ta’ din id-Direttiva.
Barra minn hekk, jenħtieġ li r-relazzjoni kuntrattwali bilaterali, bejn il-bejjiegħ u l-konsumatur, li tkopri l-provvista tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma tkunx affettwata mis-sempliċi fatt li l-konsumatur għandu jagħti l-kunsens tiegħu għal ftehim ta’ liċenzjar ma’ parti terza sabiex jibbenefika mill-kontenut jew is-servizz diġitali.
- = -
(46) Jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew iżommu jew jintroduċu dispożizzjonijiet li jistipulaw li, sabiex jibbenefika mid-drittijiet tal-konsumatur, il-konsumatur irid jinforma lill-bejjiegħ dwar nuqqas ta’ konformità f’perjodu ta’ mhux inqas minn xahrejn mid-data li fiha l-konsumatur ikun induna b’tali nuqqas ta’ konformità.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom livell ogħla ta’ protezzjoni, billi ma jintroduċux obbligu bħal dan.
- = -