(4) Il-kummerċ elettroniku huwa motivatur ewlieni għat-tkabbir fis-suq intern.
Madankollu l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir għadu mhuwiex sfruttat b’mod sħiħ.
Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u jiżdied it-tkabbir, l-Unjoni hemm bżonn li taġixxi malajr u tinkoraġġixxi lill-atturi ekonomiċi sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ offrut mis-suq intern.
Il-potenzjal sħiħ tas-suq intern jista’ jiġi sfruttat biss jekk il-parteċipanti kollha fis-suq igawdu aċċess bla xkiel għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti, inkluż fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku.
Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali li abbażi tagħhom il-parteċipanti fis-suq jikkonkludu t-tranżazzjonijiet huma fost il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw id-deċiżjoni tan-negozji dwar jekk joffrux oġġetti bejn il-fruntieri jew le.
Dawk ir-regoli jinfluwenzaw ukoll ir-rieda tal-konsumaturi li jħaddnu u jafdaw dan it-tip ta’ xiri.
- = -
(5) L-evoluzzjoni teknoloġika wasslet għal suq akbar għal oġġetti li jinkorporaw jew li huma interkonnessi ma’ kontenut diġitali jew servizzi diġitali.
Minħabba l-għadd dejjem akbar ta’ apparat bħal dan u l-pass mgħaġġel li bih qed jiżdied l-użu tiegħu min-naħa tal-konsumaturi, hemm bżonn azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi u tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tar-regoli applikabbli għall-kuntratti għall-bejgħ ta’ tali prodotti. Żieda fiċ-ċertezza legali tgħin sabiex tissaħħaħ il-fiduċja tal-konsumaturi u l-bejjiegħa.
- = -
(6) Ir-regoli tal-Unjoni applikabbli għall-bejgħ ta’ oġġetti għadhom frammentati għalkemm ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-konsenja u, fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod u barra mill-post tan-negozju, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni prekuntrattwali u d-dritt tal-irtirar diġà kienu armonizzati b’mod sħiħ fid-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3).
Elementi kuntrattwali prinċipali oħra bħall-kriterji ta’ konformità, ir-rimedji għal nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt u l-modalitajiet prinċipali għall-eżerċitar tagħhom, fil-preżent huma soġġetti għal armonizzazzjoni minima fil-qafas tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).
L-Istati Membri tħallew imorru lil hinn mill-istandards tal-Unjoni u jintroduċu jew iżommu regoli li jiżguraw li jintlaħaq livell saħansitra ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
B’dan il-mod, huma ħadu azzjoni fuq elementi differenti u f’livelli differenti.
Għalhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 1999/44/KE jvarjaw b’mod sinifikanti fuq elementi essenzjali, bħan-nuqqas jew l-eżistenza ta’ ġerarkija ta’ rimedji.
- = -
(7) Id-differenzi li jeżistu jistgħu jaffettwaw ħażin in-negozji u l-konsumaturi.
Skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), in-negozji li jwettqu l-attivitajiet tagħhom ma’ konsumaturi fi Stati Membri oħra huma meħtieġa li jqisu r-regoli obbligatorji tal-liġijiet dwar il-kuntratti mal-konsumatur tal-pajjiż ta’ residenza abitwali tal-konsumatur.
Billi dawk ir-regoli jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor, in-negozji jistgħu jiffaċċjaw spejjeż addizzjonali.
Konsegwentement, bosta negozji jistgħu jippreferu li jkomplu jagħmlu l-kummerċ domestikament jew jesportaw biss lejn Stat Membru wieħed jew tnejn.
Dik l-għażla li jnaqqsu l-esponiment għall-ispejjeż u r-riskji assoċjati mal-kummerċ transfruntier tirriżulta f’opportunitajiet mitlufa għal espansjoni kummerċjali u ekonomiji ta’ skala.
L-SMEs huma affettwati b’mod partikolari.
- = -
(21) Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jestendu l-applikazzjoni tar-regoli ta’ din id-Direttiva għal kuntratti li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, jew inkella li jirregolaw dan it-tip ta’ kuntratti.
Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jestendu l-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi minn din id-Direttiva anki għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li mhumiex konsumaturi fis-sens ta’ din id-Direttiva, pereżempju l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, in-negozji l-ġodda u l-SMEs.
- = -
(22) Id-definizzjoni ta’ konsumatur jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.
Madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiddeterminaw, f’każ ta’ kuntratti bi skop dupliċi, meta l-kuntratt ikun konkluż għal skopijiet li huma parzjalment fl-ambitu u parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna, u fejn l-iskop tal-kummerċ tant ikun limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dik il-persuna jenħtieġ li titqies bħala konsumatur ukoll.
- = -
(30) Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità.
Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(31) Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -
(33) Skont din id-Direttiva, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun obbligat jikkonsenja oġġetti li jkunu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Huwa possibbli li l-bejjiegħa jużaw spare parts sabiex jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jsewwu l-oġġetti f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
Din id-Direttiva, filwaqt li jenħtieġ li ma timponix l-obbligu li l-bejjiegħa jiżguraw id-disponibbiltà ta’ spare parts tul perjodu ta’ żmien bħala rekwiżit oġġettiv ta’ konformità, jenħtieġ li ma taffettwax dispożizzjonijiet oħra fil-liġi nazzjonali li tobbliga lill-bejjiegħ, il-produttur jew persuni oħra li jikkostitwixxu ħolqa fil-katina tat-tranżazzjonijiet, li jiżguraw li l-ispare parts huma disponibbli jew li l-konsumaturi jiġu infurmati b’din id-disponibbiltà.
- = -
(66) Id-Direttiva 1999/44/KE jenħtieġ li titħassar.
Jenħtieġ li d-data tat-tħassir tkun allinjata mad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.
Sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu konformi ma’ din id-Direttiva huma applikati b’mod uniformi għal kuntratti konklużi mid-data tat-traspożizzjoni ’l quddiem, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti konklużi qabel id-data tat-traspożizzjoni tagħha.
- = -