(2) L-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali u l-Internet biddlu d-distribuzzjoni tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju u l-aċċess għalihom.
Kulma jmur l-utenti qed jistennew dejjem aktar li jkollhom aċċess għall-programmi tat-televiżjoni u tar-radju kemm diretti kif ukoll on-demand, permezz ta' mezzi tradizzjonali, bħas-satellita jew il-kejbil, u anki b'servizzi online.
Għaldaqstant, minbarra x-xandiriet tagħhom stess tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju, kulma jmur l-organizzazzjonijiet tax-xandir qed joffru dejjem aktar servizzi online anċillari għal tali xandiriet, bħalma huma s-servizzi tax-xandir simultanju u s-servizzi tar-ripetizzjoni.
L-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, li jiġbru l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju f'pakketti u jipprovduhom lill-utenti b'mod simultanju mal-ewwel trażmissjoni ta' dawk ix-xandiriet, mingħajr bidla u mingħajr tqassir, jużaw diversi tekniki ta' ritrażmissjoni, bħall-kejbil, is-satellita, it-terrestri diġitali, u netwerks taċ-ċirkwit mobbli jew magħluqin ibbażati fuq l-IPs, kif ukoll l-Internet miftuħ.
Barra minn hekk, l-operaturi li jiddistribwixxu l-programmi tat-televiżjoni u tar-radju lill-utenti għandhom modi differenti biex jiksbu sinjali li jwasslu l-programmi ta' organizzazzjonijiet tax-xandir, inkluż permezz ta' injezzjoni diretta.
Kulma jmur qed tiżdied id-domanda għal aċċess, min-naħa tal-utenti, għal xandiriet tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li ma joriġinawx biss fl-Istat Membru tagħhom iżda anki fi Stati Membri oħra.
Dawn l-utenti jinkludu membri tal-minoranzi lingwistiċi tal-unjoni, kif ukollpersuni li jgħixu fi Stat Membru ieħor li mhux l-Istat Membru tal-oriġini tagħhom.
- = -
(3) L-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu kuljum ħafna sigħat ta' programmi tat-televiżjoni u tar-radju.
Dawk il-programmi jkun fihom varjetà ta' kontenut, bħal xogħol awdjoviżiv, mużikali, letterarju jew grafiku, protett skont il-liġi tal-unjoni bid-drittijiet tal-awtur jew bi drittijiet relatati jew bit-tnejn.
Dan joħloq proċess kumpless biex tinkiseb l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet mingħand għadd kbir ta' detenturi tad-drittijiet għal kategoriji varji ta' xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor. Ħafna drabi l-ikklerjar tad-drittijiet tkun meħtieġa fi żmien qasir, b'mod partikolari meta jkunu qed jitħejjew l-aħbarijiet jew programmi tal-programmi ta' ġrajjiet kurrenti.
Sabiex is-servizzi tagħhom jagħmluhom disponibbli lil hinn mill-fruntieri, l-organizzazzjonijiet tax-xandir ikollhom bżonn id-drittijiet meħtieġa għal xogħlijiet u materjal protett ieħor għal kull territorju rilevanti u dan iżid aktar il-kumplessità tal-awtorizzazzjoni ta' tali drittijiet.
- = -
(10) Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-mekkaniżmi tal-finanzjament u tal-liċenzjar għal ċerti xogħlijiet awdjoviżivi, li ta' spiss ikunu bbażati fuq liċenzjar territorjali esklużiv, huwa xieraq, fir-rigward tal-programmi tat-televiżjoni, li jiġi limitat il-kamp ta' applikazzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva għal ċerti tipi ta' programmi.
Dawk it-tipi ta' programmi jenħtieġ li jinkludu programmi tal-aħbarijiet u tal-ġrajjiet kurrenti kif ukoll produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir li jkunu ffinanzjati esklussivament minnha, inkluż fejn il-fondi għall-finanzjament użati mill-organizzazzjoni tax-xandir għall-produzzjonijiet tagħha jiġu minn fondi pubbliċi.
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, il-produzzjonijiet proprji tal-organizzazzjonijiet tax-xandir jenħtieġ li jinftiehmu li jkopru produzzjonijiet imwettqa minn organizzazzjoni tax-xandir bl-użu tar-riżorsi proprji, iżda jeskludu produzzjonijiet ikkummissjonati mill-organizzazzjoni tax-xandir lil produtturi li jkunu indipendenti mill-organizzazzjoni tax-xandir u l-koproduzzjonijiet.
Għall-istess raġunijiet, il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma japplikax għax-xandir bit-televiżjoni ta' avvenimenti sportivi skont din id-Direttiva.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li japplika biss meta l-programmi jintużaw mill-organizzazzjoni tax-xandir fis-servizzi online anċillari tagħha stess. Jenħtieġ li ma japplikax għal-liċenzjar tal-produzzjonijiet proprji ta' organizzazzjoni tax-xandir lil partijiet terzi, inkluż lil organizzazzjonijiet oħra tax-xandir.
Il-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini jenħtieġ li ma jaffettwax il-libertà tad-detenturi tad-drittijiet u lill-organizzazzjonijiet tax-xandir biex jaqblu, f'konformità mal-liġi tal-unjoni, dwar il-limitazzjonijiet, inklużi l-limitazzjonijiet territorjali, għall-isfruttament tad-drittijiet tagħhom.
- = -
(13) Abbażi tal-prinċipju tal-libertà kuntrattwali, se jibqa' jkun possibbli lijiġi limitat l-isfruttament tad-drittijiet milquta mill-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini stabbilit f'din id-Direttiva, diment li tali limitazzjoni tkun konformi mal-liġi tal-unjoni.
- = -
(20) Sabiex jiġi żgurat li jkun hemm ċertezza legali u jinżamm livell għoli ta' protezzjoni għad-detenturi tad-drittijiet, huwa xieraq li jiġi previst li meta l-organizzazzjonijiet tax-xandir jittrażmettu s-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom permezz ta' injezzjoni diretta lil distributuri tas-sinjali biss mingħajr ma jittrażmettu direttament il-programmi tagħhom lill-pubbliku, u d-distributuri tas-sinjali jibagħtu dawk is-sinjali li jwasslu l-programm tagħhom lill-utenti tagħhom biex ikunu jistgħu jaraw jew jisimgħu l-programmi, jitqies li jkun seħħ att uniku wieħed biss ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, fejn kemm l-organizzazzjonijiet tax-xandir kif ukoll id-distributuri tas-sinjali jipparteċipaw mal-kontribuzzjonijiet rispettivi tagħhom.
L-organizzazzjonijiet tax-xandir u d-distributuri tas-sinjali jenħtieġ għalhekk li jiksbu awtorizzazzjoni mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontribuzzjoni speċifika tagħhom għall-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Il-parteċipazzjoni ta' organizzazzjoni tax-xandir u distributur tas-sinjali fl-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku jenħtieġ li ma twassalx għal responsabbiltà konġunta min-naħa tal-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjal għal dak l-att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jipprovdu fil-livell nazzjonali modalitajiet għall-kisba ta' awtorizzazzjoni għal tali att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku, inkluż il-ħlasijiet rilevanti li għandhom isiru lid-detenturi tad-drittijiet ikkonċernati, b'kont meħud tal-isfruttament rispettiv tax-xogħlijiet u ta' materjal protett ieħor, mill-organizzazzjoni tax-xandir u d-distributur tas-sinjali, relatati mal-att uniku ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
Id-distributuri tas-sinjali jiffaċċjaw, b'mod simili għall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni, piż sinifikanti għall-awtorizzazzjoni tad-drittijiet, ħlief fir-rigward tad-drittijiet miżmuma mill-organizzazzjonijiet tax-xandir.
L--Istati Membri jenħtieġ għalhekk li jkunu jistgħu jipprevedu li d-distributuri tas-sinjali jibbenefikaw minn mekkaniżmu ta' mmaniġġjar kollettiv obbligatorju tad-drittijiet għat-trażmissjonijiet tagħhom bl-istess mod u sal-istess punt bħall-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni għat-trażmissjonijiet mill-ġdid koperti mid-Direttiva 93/83/KEE u din id-Direttiva.
F'każijiet fejn id-distributuri tas-sinjali sempliċiment jipprovdu “mezzi tekniċi” lill-organizzazzjonijiet tax-xandir, skont it-tifsira tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-unjoni Ewropea, sabiex jiżguraw li x-xandira titwassal jew itejbu r-riċeviment tax-xandira, id-distributuri tas-sinjali jenħtieġ li ma jitqisux li jkunu qed jipparteċipaw f'att ta' komunikazzjoni lill-pubbliku.
- = -
(24) F'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar, jenħtieġ li jsir rieżami ta' din id-Direttiva, inklużi d-dispożizzjonijiet tagħha dwar l-injezzjoni diretta, wara li Direttiva tkun ilha fis-seħħ għal ċertu perjodu ta' żmien, biex jiġu vvalutati, inter alia, il-benefiċċji tagħha għall-konsumaturi tal-unjoni, l-impatt tagħha fuq l-industriji kreattivi fl-Unjoni u fuq il-livell ta' investiment fil-kontenut il-ġdid, u b'hekk ukoll il-benefiċċji rigward diversità kulturali mtejba fl-Unjoni.
- = -
((25) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-unjoni Ewropea.
Filwaqt li din id-Direttiva tista'twassal għal indħil fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-detenturi tad-drittijiet sal-punt li jitwettaq l-immaniġġjar kollettiv obbligatorju għall-eżerċizzju tad-dritt tal-komunikazzjoni lill-pubbliku fir-rigward ta' ritrażmissjoni, huwa neċessarju li l-applikazzjoni tal-immaniġġjar kollettiv obbligatorju tiġi preskritta b'mod immirat u tkun limitata għal servizzi speċifiċi.
- = -
(26) Billi l-għanijiet ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari li tippromwovi l-forniment transfruntier tas-servizzi online anċillari għal ċerti tipi ta' programmi u li tħaffef it-trażmissjonijiet mill-ġdid tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra, ma jistax jintlaħaq b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista' minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu jintlaħaq aħjar fil-livell tal-unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri b'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Rigward il-forniment transfruntier ta' ċerti servizzi online anċillari tax-xandara, din id-Direttiva ma tobbligax lill-organizzazzjonijiet tax-xandir jipprovdu tali servizzi b'mod transfruntier.
Din id-Direttiva lanqas ma tobbliga lill-operaturi tas-servizzi ta' ritrażmissjoni biex fis-servizzi tagħhom jinkludu programmi tat-televiżjoni jew tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
Din id-Direttiva tikkonċerna biss l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet ta' ritrażmissjoni sakemm ikun meħtieġ għas-simplifikazzjoni tal-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati għal tali servizzi, u rigward il-programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra.
- = -