search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'tal-awtoritajiet' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index tal-awtoritajiet:


whereas tal-awtoritajiet:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 272

 

Artikolu 34

Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

4.   Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

Artikolu 38

Kooperazzjoni u koordinazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli dwar il-kompetizzjoni

1.   Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandhom jikkooperaw bejniethom u jinfurmaw lil xulxin dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar rispettivi tagħhom permezz tan-Network Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jipprovdu lil xulxin kwalunkwe informazzjoni dwar kwistjoni ta’ fatt jew ta’ dritt, inkluż informazzjoni kunfidenzjali. Fejn l-awtorità kompetenti ma tkunx membru tan-NEK, il-Kummissjoni għandha tagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar każijiet li jikkonċernaw l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u l-infurzar tal-każijiet imsemmija fl-Artikolu 1(6) ta’ tali awtoritajiet. Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi tali arranġamenti f’att ta’ implimentazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 46(1), punt (l).

2.   Fejn awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha tniedi investigazzjoni dwar gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub dwar l-ewwel miżura investigattiva formali, qabel jew immedjatament wara l-bidu ta’ tali miżura. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

3.   Fejn awtorità nazzjonali nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tkun biħsiebha timponi obbligi fuq gwardjani abbażi ta’ liġijiet nazzjonali msemmija fl-Artikolu 1(6), hija għandha, sa mhux aktar tard minn 30 jum qabel l-adozzjoni tiegħu, tikkomunika l-abbozz tal-miżura lill-Kummissjoni billi tiddikjara r-raġunijiet għall-miżura. Fil-każ ta’ miżuri interim, l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) għandha tikkomunika lill-Kummissjoni l-abbozz tal-miżuri previsti malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn immedjatament wara l-adozzjoni ta’ tali miżuri. Din l-informazzjoni tista’ titqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tal-Istati Membri l-oħra.

4.   Il-mekkaniżmi ta’ informazzjoni previsti fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet previsti skont ir-regoli nazzjonali dwar il-fużjonijiet.

5.   L-informazzjoni skambjata skont il-paragrafi 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tiġi skambjata u użata biss għall-fini ta’ koordinazzjoni tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6).

6.   Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) biex jappoġġaw kwalunkwe investigazzjoni tas-suq tagħha skont dan ir-Regolament.

7.   Fejn ikollha l-kompetenza u s-setgħat investigattivi biex tagħmel dan skont il-liġi nazzjonali, awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) tista’ fuq inizjattiva tagħha stess twettaq investigazzjoni dwar każ ta’ nonkonformità possibbli mal-Artikoli 5, 6 u 7 ta’ dan ir-Regolament fit-territorju tagħha. Qabel ma tieħu l-ewwel miżura investigattiva formali, dik l-awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni bil-miktub.

Il-ftuħ ta' proċedimenti mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 20 għandu jeħles lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali tal-Istati Membri li jinfurzaw ir-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) mill-possibbiltà li jwettqu tali investigazzjoni jew għandu jtemm l-investigazzjoni fejn din tkun diġà għaddejja. Dawk l-awtoritajiet għandhom jirrapportaw lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet ta’ tali investigazzjoni sabiex jappoġġaw lill-Kummissjoni fir-rwol tagħha bħala infurzatur uniku ta’ dan ir-Regolament.


whereas









keyboard_arrow_down