search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'kkonċernata' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index kkonċernata:


whereas kkonċernata:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 673

 

Artikolu 3

Deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan jekk:

(a)

ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern;

(b)

tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali; u

(c)

tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib ser tgawdi tali pożizzjoni.

2.   Impriża għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti rispettivi fil-paragrafu 1:

(a)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (a), meta tikseb fatturat annwali fl-Unjoni ta’ EUR 7,5 biljun jew aktar f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji, jew meta l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tagħha jew il-valur ġust ekwivalenti tas-suq tagħha jammontaw għal mill-inqas EUR 75 biljun fl-aħħar sena finanzjarja, u tkun tipprovdi l-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri;

(b)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (b), meta tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li fl-aħħar sena finanzjarja jkollu ta’ mill-inqas 45 miljun utent finali attiv fix-xahar stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni u mill-inqas 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena stabbiliti fl-Unjoni, identifikati u kkalkulati skont il-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness;

(c)

fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (c), fejn il-limiti fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jkunu ntlaħqu f’kull waħda mit-tliet snin finanzjarji tal-aħħar.

3.   Meta impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn wara li dawk il-limiti jkunu ntlaħqu u tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2 għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-impriża li tilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punt (b). Kull meta servizz ewlieni ta’ pjattaforma ieħor ipprovdut mill-impriża li qabel kienet iddeżinjata bħala gwardjan jilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punti (b) u (c), tali impriża għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn wara li jintlaħqu dawk il-limiti.

Meta l-impriża li tipprovdi s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tonqos milli tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tonqos milli tipprovdi sal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni fit-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 21 l-informazzjoni rilevanti kollha li hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tiddeżinja l-impriża kkonċernata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni xorta waħda għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tikkonforma mat-talba għal informazzjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew meta l-informazzjoni hija pprovduta wara l-iskadenza msemmija f’dak is-subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4.

4.   Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn 45 jum tax-xogħol wara li tirċievi l-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tilħaq il-limiti kollha tal-paragrafu 2.

5.   L-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tista’ tippreżenta, bin-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1.

Meta l-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa skont l-ewwel subparagrafu mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma jkunux sostanzjati biżżejjed minħabba li ma jixħtux dubju ċar fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ tirrifjuta dawk l-argumenti fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4, mingħajr ma tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tippreżenta tali argumenti sostanzjati biżżejjed li b’mod ċar jixħtu dubju fuq il-preżunzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma setgħetx turi li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li tipprovdi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk jintlaħqux il-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u biex taġġusta dik il-metodoloġija regolarment skont żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, fejn meħtieġ.

7.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-metodoloġija u l-lista ta’ indikaturi stabbiliti fl-Anness.

8.   Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 17, kwalunkwe impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda li ma tilħaqx kull wieħed mil-limiti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha li ġejjin jew uħud minnhom, sa fejn huma rilevanti għall-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun qed tiġi kkunsidrata:

(a)

id-daqs, inkluż il-fatturat u l-kapitalizzazzjoni tas-suq, l-operazzjonijiet u l-pożizzjoni ta’ dik l-impriża;

(b)

l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jużaw is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma biex jilħqu l-utenti finali, u l-għadd ta’ utenti finali;

(c)

l-effetti tan-network u vantaġġi xprunati mid-data, b’mod partikolari b’rabta mal-aċċess ta’ dik l-impriża għad-data personali u data mhux personali u l-ġbir tagħha, jew il-kapaċitajiet analitiċi tagħha;

(d)

kwalunkwe skala u effett tal-kamp ta’ applikazzjoni li minnhom tibbenefika l-impriża, inkluż fir-rigward tad-data, u, fejn rilevanti, tal-attivitajiet tagħha barra mill-Unjoni;

(e)

l-intrappolament tal-utent kummerċjali jew tal-utent finali, inkluż l-ispejjeż tal-bdil u l-preġudizzji marbutin mal-imġiba li jnaqqsu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jibdlu s-servizz jew jużaw multi-homing;

(f)

struttura korporattiva ta’ konglomerat jew integrazzjoni vertikali ta’ dik l-impriża, pereżempju li tippermetti lil dik l-impriża li tissussidja reċiprokament, tikkombina data minn sorsi differenti jew tingrana l-pożizzjoni tagħha; jew

(g)

karatteristiċi strutturali oħra tan-negozju jew tas-servizz.

Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi prevedibbli b’rabta mal-elementi elenkati fit-tieni subparagrafu, inkluż kwalunkwe konċentrazzjoni ppjanata li tinvolvi impriża oħra li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tipprovdi kwalunkwe servizz ieħor fis-settur diġitali jew li tippermetti l-ġbir ta’ data.

Meta impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li ma tilħaqx il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 tonqos b’mod sinifikanti milli tikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni, u dak in-nuqqas jippersisti wara li dik l-impriża tkun ġiet mistiedna tikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u tressaq osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja dik l-impriża bħala gwardjan abbażi tal-fatti disponibbli għall-Kummissjoni.

9.   Għal kull impriża ddeżinjata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 jew 8, il-Kummissjoni għandha telenka fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li huma pprovduti fi ħdan dik l-impriża u li individwalment huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fil-paragrafu 1, punt (b).

10.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 fi żmien 6 xhur wara li servizz ewlieni ta’ pjattaforma jkun ġie elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 17

Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).

3.   Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

4.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 21

Talbiet għall-informazzjoni

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew deċiżjoni, titlob li impriżi u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa. Il-Kummissjoni tista’ wkoll, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob aċċess għal kwalunkwe data u algoritmi ta’ impriżi u informazzjoni dwar l-ittestjar, kif ukoll titlob spjegazzjonijiet dwarhom.

2.   Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lil impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi, il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 30 applikabbli għall-għoti ta’ informazzjoni jew spjegazzjonijiet mhux kompluti, skorretti jew qarrieqa.

3.   Meta l-Kummissjoni titlob l-informazzjoni mingħand impriżi u assoċjazzjonijiet tal-impriżi permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi legali u l-iskop tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandha tingħata l-informazzjoni. Meta l-Kummissjoni titlob li l-impriżi jipprovdu aċċess għal kwalunkwe data, algoritmi u informazzjoni dwar l-ittestjar, din għandha tiddikjara l-iskop tat-talba u tiffissa l-limitu ta’ żmien sa meta għandu jingħata. Għandha tindika wkoll il-multi previsti fl-Artikolu 30, u tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 31. Għandha tindika wkoll id-dritt li d-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu l-informazzjoni mitluba f’isem l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernata. L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   Meta jintalbu mill-Kummissjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu l-informazzjoni kollha meħtieġa fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha minn dan ir-Regolament.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.


whereas









keyboard_arrow_down