keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT
BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf
- 6 Artikolu 3 Deżinjazzjoni tal-gwardjani
- 2 Artikolu 17 Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani
- 1 Artikolu 31 Pagamenti perjodiċi ta’ penali
- 1 Artikolu 41 Talba għal investigazzjoni tas-suq
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
KAPITOLU II
GWARDJANI
KAPITOLU III
PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI
KAPITOLU IV
INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ
KAPITOLI V
SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
- ta’ 77
- skont 36
- pjattaforma 31
- għandha 26
- tipprovdi 22
- ewlenin 21
- l-artikolu 21
- il-kummissjoni 20
- biex 20
- servizzi 17
- l-impriża 17
- tagħha 16
- fl-artikolu 15
- tas-suq 15
- gwardjan 15
- bħala 13
- meta 12
- l-artikolu 12
- għal 12
- żmien 12
- il-limiti 10
- stabbilita 10
- aktar 10
- ewlieni 10
- impriża 10
- punt 9
- fil-paragrafu 9
- tista’ 9
- stabbiliti 9
- rilevanti 9
- servizz 9
- msemmija 8
- investigazzjoni 8
- il-paragrafu 8
- minn 8
- fil-paragrafu 8
- finali 7
- tiddeżinja 7
- lill-kummissjoni 6
- tkun 6
- wara 6
- kull 6
- mid-data 6
- huma 6
- kummerċjali 6
- b’mod 6
- informazzjoni 6
- jekk 6
- il-kummissjoni 6
- wieħed 6
Artikolu 3
Deżinjazzjoni tal-gwardjani
1. Impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan jekk:
(a) | ikollha impatt sinifikanti fuq is-suq intern; |
(b) | tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li jkun gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lil utenti finali; u |
(c) | tgawdi minn pożizzjoni stabbilita u dejjiema, fl-operazzjonijiet tagħha, jew ikun prevedibbli li fil-futur qrib ser tgawdi tali pożizzjoni. |
2. Impriża għandha titqies li tissodisfa r-rekwiżiti rispettivi fil-paragrafu 1:
(a) | fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (a), meta tikseb fatturat annwali fl-Unjoni ta’ EUR 7,5 biljun jew aktar f’kull waħda mill-aħħar tliet snin finanzjarji, jew meta l-kapitalizzazzjoni medja tas-suq tagħha jew il-valur ġust ekwivalenti tas-suq tagħha jammontaw għal mill-inqas EUR 75 biljun fl-aħħar sena finanzjarja, u tkun tipprovdi l-istess servizz ewlieni ta’ pjattaforma f’mill-inqas tliet Stati Membri; |
(b) | fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (b), meta tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li fl-aħħar sena finanzjarja jkollu ta’ mill-inqas 45 miljun utent finali attiv fix-xahar stabbiliti jew li jinsabu fl-Unjoni u mill-inqas 10 000 utent kummerċjali attiv fis-sena stabbiliti fl-Unjoni, identifikati u kkalkulati skont il-metodoloġija u l-indikaturi stabbiliti fl-Anness; |
(c) | fir-rigward tal-paragrafu 1, punt (c), fejn il-limiti fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jkunu ntlaħqu f’kull waħda mit-tliet snin finanzjarji tal-aħħar. |
3. Meta impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, din għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan mingħajr dewmien u, fi kwalunkwe każ, fi żmien xahrejn wara li dawk il-limiti jkunu ntlaħqu u tipprovdilha l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2. Dik in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti identifikata fil-paragrafu 2 għal kull servizz ewlieni ta’ pjattaforma tal-impriża li tilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punt (b). Kull meta servizz ewlieni ta’ pjattaforma ieħor ipprovdut mill-impriża li qabel kienet iddeżinjata bħala gwardjan jilħaq il-limiti fil-paragrafu 2, punti (b) u (c), tali impriża għandha tinnotifika lill-Kummissjoni b’dan fi żmien xahrejn wara li jintlaħqu dawk il-limiti.
Meta l-impriża li tipprovdi s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tonqos milli tinnotifika lill-Kummissjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu u tonqos milli tipprovdi sal-iskadenza stabbilita mill-Kummissjoni fit-talba għal informazzjoni skont l-Artikolu 21 l-informazzjoni rilevanti kollha li hija meħtieġa biex il-Kummissjoni tiddeżinja l-impriża kkonċernata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni xorta waħda għandha tkun intitolata tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni.
Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tikkonforma mat-talba għal informazzjoni skont it-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu jew meta l-informazzjoni hija pprovduta wara l-iskadenza msemmija f’dak is-subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tapplika l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 4.
4. Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, mingħajr dewmien żejjed u sa mhux aktar tard minn 45 jum tax-xogħol wara li tirċievi l-informazzjoni kompluta msemmija fil-paragrafu 3, impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tilħaq il-limiti kollha tal-paragrafu 2.
5. L-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tista’ tippreżenta, bin-notifika tagħha, argumenti sostanzjati biżżejjed biex turi li, eċċezzjonalment, għalkemm tilħaq il-limiti kollha fil-paragrafu 2, minħabba ċ-ċirkostanzi li fihom jopera s-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti, hija ma tissodisfax ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1.
Meta l-Kummissjoni tqis li l-argumenti mressqa skont l-ewwel subparagrafu mill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma jkunux sostanzjati biżżejjed minħabba li ma jixħtux dubju ċar fuq il-preżunzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, hija tista’ tirrifjuta dawk l-argumenti fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4, mingħajr ma tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).
Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tippreżenta tali argumenti sostanzjati biżżejjed li b’mod ċar jixħtu dubju fuq il-preżunzjonijiet fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’, minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).
Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ma setgħetx turi li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li tipprovdi ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, hija għandha tiddeżinja lil dik l-impriża bħala gwardjan skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17(3).
6. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-metodoloġija li tiddetermina jekk jintlaħqux il-limiti kwantitattivi stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u biex taġġusta dik il-metodoloġija regolarment skont żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, fejn meħtieġ.
7. Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġorna l-metodoloġija u l-lista ta’ indikaturi stabbiliti fl-Anness.
8. Il-Kummissjoni għandha tiddeżinja bħala gwardjan, f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 17, kwalunkwe impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tissodisfa kull wieħed mir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, iżda li ma tilħaqx kull wieħed mil-limiti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-elementi kollha li ġejjin jew uħud minnhom, sa fejn huma rilevanti għall-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun qed tiġi kkunsidrata:
(a) | id-daqs, inkluż il-fatturat u l-kapitalizzazzjoni tas-suq, l-operazzjonijiet u l-pożizzjoni ta’ dik l-impriża; |
(b) | l-għadd ta’ utenti kummerċjali li jużaw is-servizz ewlieni ta’ pjattaforma biex jilħqu l-utenti finali, u l-għadd ta’ utenti finali; |
(c) | l-effetti tan-network u vantaġġi xprunati mid-data, b’mod partikolari b’rabta mal-aċċess ta’ dik l-impriża għad-data personali u data mhux personali u l-ġbir tagħha, jew il-kapaċitajiet analitiċi tagħha; |
(d) | kwalunkwe skala u effett tal-kamp ta’ applikazzjoni li minnhom tibbenefika l-impriża, inkluż fir-rigward tad-data, u, fejn rilevanti, tal-attivitajiet tagħha barra mill-Unjoni; |
(e) | l-intrappolament tal-utent kummerċjali jew tal-utent finali, inkluż l-ispejjeż tal-bdil u l-preġudizzji marbutin mal-imġiba li jnaqqsu l-abbiltà tal-utenti kummerċjali u tal-utenti finali li jibdlu s-servizz jew jużaw multi-homing; |
(f) | struttura korporattiva ta’ konglomerat jew integrazzjoni vertikali ta’ dik l-impriża, pereżempju li tippermetti lil dik l-impriża li tissussidja reċiprokament, tikkombina data minn sorsi differenti jew tingrana l-pożizzjoni tagħha; jew |
(g) | karatteristiċi strutturali oħra tan-negozju jew tas-servizz. |
Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha skont dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi prevedibbli b’rabta mal-elementi elenkati fit-tieni subparagrafu, inkluż kwalunkwe konċentrazzjoni ppjanata li tinvolvi impriża oħra li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tipprovdi kwalunkwe servizz ieħor fis-settur diġitali jew li tippermetti l-ġbir ta’ data.
Meta impriża li tipprovdi servizz ewlieni ta’ pjattaforma li ma tilħaqx il-limiti kwantitattivi tal-paragrafu 2 tonqos b’mod sinifikanti milli tikkonforma mal-miżuri investigattivi ordnati mill-Kummissjoni, u dak in-nuqqas jippersisti wara li dik l-impriża tkun ġiet mistiedna tikkonforma f’limitu ta’ żmien raġonevoli u tressaq osservazzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ tiddeżinja dik l-impriża bħala gwardjan abbażi tal-fatti disponibbli għall-Kummissjoni.
9. Għal kull impriża ddeżinjata bħala gwardjan skont il-paragrafu 4 jew 8, il-Kummissjoni għandha telenka fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti li huma pprovduti fi ħdan dik l-impriża u li individwalment huma gateway importanti għall-utenti kummerċjali biex jilħqu lill-utenti finali kif imsemmi fil-paragrafu 1, punt (b).
10. Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi stipulati fl-Artikoli 5, 6 u 7 fi żmien 6 xhur wara li servizz ewlieni ta’ pjattaforma jkun ġie elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont il-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 17
Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani
1. Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
2. Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).
3. Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).
F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).
4. Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.
Artikolu 31
Pagamenti perjodiċi ta’ penali
1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni li timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali fuq impriżi, inkluż fuq gwardjani meta applikabbli, u assoċjazzjonijiet ta’ impriżi għal kull jum li ma jaqbżux il-5 % tal-fatturat dinji medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, ikkalkulati mid-data stabbilita minn dik id-deċiżjoni, biex iġġegħelhom:
(a) | jikkonformaw mal-miżuri speċifikati mill-Kummissjoni f’deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 8(2); |
(b) | jikkonformaw mad-deċiżjoni skont l-Artikolu 18(1); |
(c) | jipprovdu informazzjoni korretta u kompluta fil-limitu ta’ żmien mitlub f’talba għal informazzjoni magħmula permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 21; |
(d) | jiżguraw l-aċċess għad-data, algoritmi u informazzjoni dwar ittestjar b’risposta għal talba magħmula skont l-Artikolu 21(3) u jagħtu spjegazzjonijiet dwarhom kif teżiġi deċiżjoni skont l-Artikolu 21; |
(e) | jissottomettu ruħhom għal spezzjoni li ġiet ordnata b’deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 23; |
(f) | jikkonformaw ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim meħuda skont l-Artikolu 24; |
(g) | jikkonformaw mal-impenji magħmula vinkolanti legalment b’deċiżjoni skont l-Artikolu 25(1); |
(h) | jikkonformaw ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29(1). |
2. Meta l-impriżi, jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi, ikunu ssodisfaw l-obbligu li l-pagament perjodiku ta’ penali kien maħsub jinforza, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni, li jistabbilixxi l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali f’ċifra aktar baxxa minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).
Artikolu 41
Talba għal investigazzjoni tas-suq
1. Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 17 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li impriża għandha tiġi deżinjata bħala gwardjan.
2. Stat Membru wieħed jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 18 għax iqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li gwardjan ikun kiser b’mod sistematiku wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5, 6 u 7 u jkun żamm, saħħaħ jew estenda l-pożizzjoni ta’ gwardjan tiegħu fir-rigward tar-rekwiżiti skont l-Artikolu 3(1).
3. Tliet Stati Membri jew aktar jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 għaliex huma jqisu li hemm raġunijiet raġonevoli biex jissuspettaw li:
(a) | servizz wieħed jew aktar fis-settur diġitali jenħtieġ li jiżdiedu mal-lista ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma stabbilita fl-Artikolu 2, punt (2), jew |
(b) | prattika waħda jew aktar mhumiex indirizzati b’mod effettiv minn dan ir-Regolament u jistgħu jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew ikunu inġusti. |
4. L-Istati Membri għandhom jippreżentaw evidenza li ssostni t-talbiet tagħhom skont il-paragrafi 1, 2 u 3. Għal talbiet skont il-paragrafu 3, tali evidenza tista’ tinkludi informazzjoni dwar offerti ġodda ta’ prodotti, servizzi, software jew karatteristiċi li jqajmu tħassib dwar kontestabbiltà jew korrettezza, kemm jekk implimentati fil-kuntest ta’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma eżistenti jew mod ieħor.
5. Fi żmien erba’ xhur minn meta tirċievi talba skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk hemmx raġunijiet raġonevoli biex tiftaħ investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1, 2 jew 3. Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha.
whereas