search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT cercato: 'f’każ' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index f’każ:

    KAPITOLU I
    SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

    KAPITOLU II
    GWARDJANI

    KAPITOLU III
    PRATTIKI TA’ GWARDJANI LI JILLIMITAW IL-KONTESTABBILTÀ JEW LI HUMA INĠUSTI

    KAPITOLU IV
    INVESTIGAZZJONI TAS-SUQ

    KAPITOLI V
    SETGĦAT INVESTIGATTIVI, TA’ INFURZAR U TA’ MONITORAĠĠ
  • 1 Artikolu 23 Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

  • KAPITOLU VI
    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI


whereas f’każ:


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 760

 

Artikolu 5

Obbligi għall-gwardjani

1.   Il-gwardjan għandu jikkonforma mal-obbligi kollha stabbiliti f’dan l-Artikolu fir-rigward ta’ kull wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9).

2.   Il-gwardjan ma għandux jagħmel dan li ġej:

(a)

jipproċessa, għall-fini tal-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar online, data personali tal-utenti finali li jużaw servizzi ta’ partijiet terzi li jagħmlu użu minn servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan;

(b)

jikkombina data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti ma’ data personali minn kwalunkwe servizz ewleni ulterjuri ta’ pjattaforma jew minn kwalunkwe servizz ieħor ipprovdut mill-gwardjan jew ma’ data personali minn servizzi ta’ partijiet terzi;

(c)

juża b’mod inkroċjat data personali mis-servizz ewlieni ta’ pjattaforma rilevanti f’servizzi oħra pprovduti separatament mill-gwardjan, inkluż servizzi ewlenin oħra ta’ pjattaforma, u viċi versa; u

(d)

jikkonnettja utenti finali għal servizzi oħra tal-gwardjan sabiex jikkombina data personali,

sakemm l-utent finali ma jkunx ġie ppreżentat bl-għażla speċifika u ma jkunx ta l-kunsens fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4, punt (11), u l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2016/679.

Meta l-kunsens mogħti għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu jkun ġie rrifjutat jew irtirat mill-utent finali, il-gwardjan ma għandux jirrepeti t-talba tiegħu għal kunsens għall-istess fini aktar minn darba f’perjodu ta’ sena.

Dan il-paragrafu huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-gwardjan jiddependi fuq l-Artikolu 6(1), punti (c), (d) u (e) tar-Regolament (UE) 2016/679, fejn applikabbli.

3.   Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni lill-utenti kummerċjali milli joffru l-istess prodotti jew servizzi lill-utenti finali permezz tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni online ta’ partijiet terzi jew permezz tal-kanal ta’ bejgħ dirett online tagħhom bi prezzijiet jew b’kundizzjonijiet differenti minn dawk offruti mis-servizzi ta’ intermedjazzjoni online tal-gwardjan.

4.   Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti kummerċjali, mingħajr ħlas, jikkomunikaw u jippromwovu offerti, inkluż b’kondizzjonijiet differenti, lill-utenti finali akkwistati permezz tas-servizz ewlieni ta’ pjattaforma tiegħu jew b’mezzi oħra, u jikkonkludu kuntratti ma’ dawk l-utenti finali, irrispettivament minn jekk jużawx is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan għal dak l-iskop.

5.   Il-gwardjan għandu jippermetti lill-utenti finali jaċċessaw u jużaw, permezz tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tiegħu, il-kontenut, l-abbonamenti, il-karatteristiċi jew oġġetti oħra billi jużaw l-applikazzjoni tas-software ta’ utent kummerċjali, inkluż meta dawk l-utenti finali jkunu akkwistaw tali oġġetti mingħand l-utent kummerċjali rilevanti mingħajr ma jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan.

6.   Il-gwardjan ma għandux jipprevjeni jew jirrestrinġi direttament jew indirettament lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali milli jqajmu kwalunkwe kwistjoni ta’ nonkonformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew dik nazzjonali mill-gwardjan ma’ kwalunkwe awtorità pubblika rilevanti, inkluż il-qrati nazzjonali, b’rabta ma’ kwalunkwe prattika tal-gwardjan. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-utenti kummerċjali u tal-gwardjani li jistabbilixxu fil-ftehimiet tagħhom it-termini tal-użu tal-mekkaniżmi legali għat-trattament tal-ilmenti.

7.   Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti finali jużaw, jew lill-utenti kummerċjali jużaw, joffru, jew jinteroperaw ma’ servizz ta’ identifikazzjoni, web browsers jew servizz ta’ pagament, jew servizzi tekniċi li jappoġġjaw il-forniment ta’ servizzi ta’ pagament, bħal sistemi ta’ pagament għal xiri in-app, ta’ dak il-gwardjan fil-kuntest ta’ servizzi pprovduti mill-utenti kummerċjali li jużaw is-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan.

8.   Il-gwardjan ma għandux jirrikjedi lill-utenti kummerċjali jew lill-utenti finali jabbonaw ma’, jew jirreġistraw ma’, kwalunkwe servizz ewlieni ulterjuri ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) jew li jilħaq il-limiti fl-Artikolu 3(2), punt (b), bħala kondizzjoni biex ikunu jistgħu jużaw, jaċċessaw, jirreġistraw għal jew jirreġistraw ma’ xi wieħed mis-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma ta’ dak il-gwardjan elenkati skont dak l-Artikolu.

9.   Il-gwardjan għandu, fuq talba tar-reklamatur, jipprovdi lil kull reklamatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mir-reklamaturi, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam li jsir mir-reklamatur:

(a)

il-prezz u t-tariffi mħallsa minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan,

(b)

ir-remunerazzjoni li jirċievi l-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tal-pubblikatur; u

(c)

il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet, it-tariffi u r-remunerazzjonijiet.

f’każ li pubblikatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni riċevuta, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull reklamatur mingħajr ħlas informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni medja ta’ kuljum riċevuta minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.

10.   Il-gwardjan għandu, fuq talba tal-pubblikatur, jipprovdi lil kull pubblikatur li lilu jipprovdi servizzi ta’ reklamar online, jew lil partijiet terzi awtorizzati mill-pubblikatur, informazzjoni rigward dan li ġej, ta’ kuljum u mingħajr ħlas dwar kull reklam muri fuq l-inventarju tal-pubblikatur:

(a)

ir-remunerazzjoni riċevuta u t-tariffi mħallsa minn dak il-pubblikatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għal kull wieħed mis-servizzi ta’ reklamar online rilevanti pprovduti mill-gwardjan;

(b)

il-prezz imħallas mir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, soġġett għall-kunsens tar-reklamatur; u

(c)

il-metriċi li fuqhom jiġi kkalkulat kull wieħed mill-prezzijiet u r-remunerazzjonijiet.

f’każ li reklamatur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, il-gwardjan għandu jipprovdi lil kull pubblikatur informazzjoni mingħajr ħlas dwar il-prezz medju ta’ kuljum imħallas minn dak ir-reklamatur, inkluż kwalunkwe tnaqqis u ħlas addizzjonali, għar-reklami rilevanti.

Artikolu 9

Sospensjoni

1.   Meta l-gwardjan juri f’talba motivata li l-konformità ma’ obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 għal servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9) tipperikola, minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gwardjan, il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tiegħu fl-Unjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha li tissospendi b’mod eċċezzjonali, kompletament jew parzjalment, l-obbligu speċifiku msemmi f’dik it-talba motivata (“id-deċiżjoni ta’ sospensjoni”). F’dak l-att ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tissostanzja d-deċiżjoni ta’ sospensjoni tagħha billi tidentifika ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw is-sospensjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jkun limitat sal-punt u l-perjodu ta’ żmien meħtieġa biex tiġi indirizzata theddida bħal din għall-vijabbiltà tal-gwardjan. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tadotta dak l-att ta’ implimentazzjoni mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard minn tliet xhur wara li tirċievi talba motivata sħiħa. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata s-sospensjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha ta’ sospensjoni kull sena, sakemm ma jkunx speċifikat intervall iqsar f’dik id-deċiżjoni. Wara dan ir-rieżami l-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet fil-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   f’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

4.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 3, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq il-vijabbiltà ekonomika tal-operazzjoni tal-gwardjan fl-Unjoni kif ukoll fuq partijiet terzi, b’mod partikolari l-SMEs u l-konsumaturi. Is-sospensjoni tista’ tiġi soġġetta għal kondizzjonijiet u obbligi li jridu jiġu ddefiniti mill-Kummissjoni biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawk l-interessi u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 10

Eżenzjoni għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika u sigurtà pubblika

1.   Il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi fuq talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha, biex teżenta lil dak il-gwardjan, kompletament jew parzjalment, minn obbligu speċifiku stabbilit fl-Artikolu 5, 6 jew 7 fir-rigward ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma elenkat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9), meta tali eżenzjoni tkun ġustifikata għar-raġunijiet stipulati fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu (“id-deċiżjoni ta’ eżenzjoni”). Il-Kummissjoni għandha tadotta d-deċiżjoni dwar l-eżenzjoni fi żmien tliet xhur wara li tirċievi talba motivata kompluta u għandha tipprovdi dikjarazzjoni motivata li tispjega r-raġunijiet għall-eżenzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Meta tingħata eżenzjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina d-deċiżjoni tagħha dwar l-eżenzjoni jekk ir-raġuni għall-eżenzjoni ma tibqax teżisti jew mill-inqas kull sena. Wara dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha tneħħi s-sospensjoni kompletament jew parzjalment, jew tiddeċiedi li l-kondizzjonijiet tal-paragrafu 1 għadhom qed jiġu ssodisfati.

3.   Eżenzjoni skont il-paragrafu 1 tista’ tingħata biss għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jew sigurtà pubblika.

4.   f’każijiet ta’ urġenza, il-Kummissjoni tista’, filwaqt li taġixxi skont talba motivata ta’ gwardjan jew fuq inizjattiva tagħha stess, tissospendi proviżorjament l-applikazzjoni ta’ obbligu speċifiku msemmija fil-paragrafu 1 għal servizz ewlieni individwali wieħed jew aktar ta’ pjattaforma, diġà qabel id-deċiżjoni skont dak il-paragrafu. Din it-talba tista’ ssir u tiġi aċċettata fi kwalunkwe ħin sakemm issir il-valutazzjoni tal-Kummissjoni skont il-paragrafu 1.

5.   Fil-valutazzjoni tat-talba msemmija fil-paragrafi 1 u 4, il-Kummissjoni għandha tqis, b’mod partikolari, l-impatt tal-konformità mal-obbligu speċifiku fuq ir-raġunijiet fil-paragrafu 3, kif ukoll l-effetti fuq il-gwardjan ikkonċernat u fuq partijiet terzi. Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta s-sospensjoni għal kondizzjonijiet u obbligi sabiex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn il-miri segwiti mir-raġunijiet fil-paragrafu 3 u l-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 17

Investigazzjoni tas-suq għad-deżinjazzjoni tal-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni tas-suq biex teżamina jekk impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma għandhiex tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), jew sabiex tidentifika s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li għandhom jiġu elenkati fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni skont l-Artikolu 3(9). Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha fi żmien 12-il xahar mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Sabiex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq tagħha, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxi d-deċiżjoni tagħha. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

2.   Waqt investigazzjoni tas-suq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma kkonċernata fi żmien sitt xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a). Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega jekk tqisx, fuq bażi proviżorja, li jkun xieraq li dik l-impriża tiġi ddeżinjata bħala gwardjan skont l-Artikolu 3(8), u li s-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma rilevanti jiġu elenkati skont l-Artikolu 3(9).

3.   Meta l-impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tissodisfa l-limiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2), iżda tkun ippreżentat argumenti sostanzjati biżżejjed skont l-Artikolu 3(5) li b’mod ċar ikunu qajmu dubji dwar il-preżunzjoni fl-Artikolu 3(2), il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-investigazzjoni tas-suq fi żmien ħames xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

f’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu lill-impriża kkonċernata fi żmien tliet xhur mid-data msemmija fl-Artikolu 16(3), punt (a).

4.   Meta l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 3(8), tiddeżinja bħala gwardjan impriża li tipprovdi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma li tkun għadha ma tgawdix pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tagħha, iżda li prevedibbilment ser tgawdi minn pożizzjoni bħal din fil-futur qrib, tista’ tiddikjara applikabbli għal dak il-gwardjan wieħed jew aktar mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 5(3) sa (6) u l-Artikolu 6(4), (7), (9), (10) u (13), kif speċifikat fid-deċiżjoni tad-deżinjazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tiddikjara applikabbli biss dawk l-obbligi li huma xierqa u meħtieġa biex jiġi evitat li l-gwardjan ikkonċernat jikseb pożizzjoni stabbilita u dejjiema fl-operazzjonijiet tiegħu, b’mezzi inġusti. Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-deżinjazzjoni f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 4.

Artikolu 23

Setgħat biex jitwettqu spezzjonijiet

1.   Sabiex twettaq il-kompiti tagħha skont dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha meħtieġa ta’ impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex iwettqu spezzjoni għandhom is-setgħa li:

(a)

jidħlu fi kwalunkwe bini, art u mezz tat-trasport tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi;

(b)

jeżaminaw il-kotba u rekords oħra marbuta man-negozju, irrispettivament mill-mezz li fih kienu maħżuna;

(c)

jieħdu jew jiksbu fi kwalunkwe forma kopji ta’ jew siltiet minn tali kotba jew rekords;

(d)

jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-prattiki kummerċjali tagħha u spjegazzjoni dwarhom u li jirreġistraw jew jiddokumentaw l-ispjegazzjonijiet mogħtija permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku;

(e)

jissiġillaw kwalunkwe bini kummerċjali u kotba jew rekords għall-perjodu ta’ żmien tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ;

(f)

jistaqsu lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal tal-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi għal spjegazzjonijiet ta’ fatti jew dokumenti marbuta mas-suġġett u mal-għan tal-ispezzjoni u li jirrekordjaw it-tweġibiet permezz ta’ kwalunkwe mezz tekniku.

3.   Biex twettaq l-ispezzjonijiet, il-Kummissjoni tista’ titlob l-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 26(2), kif ukoll l-assistenza tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni.

4.   Waqt l-ispezzjonijiet il-Kummissjoni, l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, jistgħu jirrikjedu li l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tipprovdi aċċess għall-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba fin-negozju tagħha u spjegazzjonijiet dwarhom. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha u l-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni jistgħu jindirizzaw mistoqsijiet lil kwalunkwe rappreżentant jew membru tal-persunal.

5.   L-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni biex jagħmlu spezzjoni għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-għan tal-ispezzjoni u l-multi previsti mill-Artikolu 30 applikabbli f’każ li l-produzzjoni tal-kotba jew rekords oħra meħtieġa relatati man-negozju ma jkunux kompluti jew fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet skont il-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux korretti jew ikunu qarrieqa. F’ħin biżżejjed qabel l-ispezzjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħat avviż dwar l-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun ser isseħħ.

6.   L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jeħtieġ jissottomettu ruħhom għal spezzjoni ordnata permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-iskop tal-ispezzjoni, tistabbilixxi d-data meta din għandha tibda u tindika l-multi u l-penali perjodiċi ta’ pagamenti previsti fl-Artikoli 30 u 31 rispettivament, kif ukoll id-dritt li dik id-deċiżjoni tiġi rieżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

7.   Il-persuni awtorizzati jew maħtura mill-awtorità kompetenti nazzjonali li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), u l-uffiċjali tagħhom, tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha titwettaq l-ispezzjoni, għandhom, fuq talba ta’ dik l-awtorità jew tal-Kummissjoni, jgħinu b’mod attiv lill-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, għandhom jingħataw is-setgħat stipulati fil-paragrafi 2 u 4 ta’ dan l-Artikolu.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni isibu li impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jagħtihom l-għajnuna neċessarja, u jirrikjedi, fejn xieraq, l-għajnuna tal-pulizija jew ta’ awtorità ta’ infurzar oħra ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom.

9.   Jekk, skont ir-regoli nazzjonali, l-assistenza prevista fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja, il-Kummissjoni jew l-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6) jew l-uffiċjali awtorizzati minn dawk l-awtoritajiet għandhom japplikaw għaliha. Tista’ wkoll issir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Meta tkun saret applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 9 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali għandha tivverifika li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun awtentika u li l-miżuri koerċittivi previsti la jkunu arbitrarji u lanqas eċċessivi wara li jkun tqies is-suġġett tal-ispezzjoni. Fil-kontroll tagħha tal-proporzjonalità tal-miżuri koerċittivi, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni, direttament jew permezz tal-awtorità kompetenti nazzjonali, li tinforza r-regoli msemmija fl-Artikolu 1(6), tal-Istat Membru għal spjegazzjonijiet dettaljati b’mod partikolari dwar ir-raġunijiet li jkollha l-Kummissjoni biex tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, kif ukoll dwar is-serjetà tal-ksur suspettat u dwar in-natura tal-involviment tal-impriża kkonċernata. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma tistax tqajjem dubji dwar il-ħtieġa li ssir spezzjoni u lanqas ma tista’ titlob li tingħata l-informazzjoni fil-fajl tal-Kummissjoni. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun soġġetta għal rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja biss.

Artikolu 24

Miżuri interim

f’każ ta’ urġenza minħabba r-riskju ta’ dannu serju u irreparabbli għall-utenti kummerċjali jew għall-utenti finali tal-gwardjani, il-Kummissjoni tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jordna miżuri interim kontra gwardjan abbażi ta’ sejba prima facie ta’ ksur tal-Artikolu 5, 6 jew 7. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat biss fil-kuntest ta’ proċedimenti miftuħa bil-ħsieb tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjoni ta’ nonkonformità skont l-Artikolu 29(1). Dan għandu japplika biss għal perjodu ta’ żmien speċifikat u jista’ jiġġedded sa fejn dan ikun meħtieġ u xieraq. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 50(2).

Artikolu 34

Dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl

1.   Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(1), l-Artikolu 10(1), l-Artikoli 17, 18, 24, 25, 29 u 30, u l-Artikolu 31(2), il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità ta’ smigħ lill-gwardjan jew lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, dwar:

(a)

sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)

miżuri li l-Kummissjoni jaf ikun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari skont il-punt (a) ta’ dan il-paragrafu.

2.   Il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq sejbiet preliminari, inkluż kwalunkwe kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha, li dwarhom setgħu jikkummentaw il-gwardjani, l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi kkonċernati.

4.   Id-drittijiet ta’ difiża tal-gwardjan, l-impriża jew tal-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fi kwalunkwe proċediment. Il-gwardjan, l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont termini ta’ divulgazzjoni, soġġett għall-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet li jistabbilixxu dawk it-termini ta’ divulgazzjoni. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali u dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jiġi estiż għal korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.


whereas









keyboard_arrow_down