search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT Art. 28 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 167

 

Artikolu 28

Funzjoni ta’ verifika tal-konformità

1.   Il-gwardjani għandhom jintroduċu funzjoni ta’ verifika tal-konformità li tkun indipendenti mill-funzjonijiet operazzjonali tal-gwardjan u tkun magħmula minn uffiċjal tal-konformità wieħed jew aktar, inkluż il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

2.   Il-gwardjan għandu jiżgura li l-funzjoni ta’ verifika tal-konformità msemmija fil-paragrafu 1 ikollha awtorità, statura u riżorsi suffiċjenti, kif ukoll aċċess għall-korp maniġerjali tal-gwardjan biex jimmonitorja l-konformità tal-gwardjan ma’ dan ir-Regolament.

3.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura li l-uffiċjali tal-konformità maħtura skont il-paragrafu 1 ikollhom il-kwalifiki professjonali, l-għarfien, l-esperjenza u l-abbiltà meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 5.

Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiżgura wkoll li tali kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità jkun maniġer superjuri indipendenti b’responsabbiltà distinta għall-funzjoni ta’ verifika tal-konformità.

4.   Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità għandu jirrapporta direttament lill-korp maniġerjali tal-gwardjan u jista’ jqajjem tħassib u jwissi lil dak il-korp fejn jirriżultaw riskji ta’ nonkonformità ma’ dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-korp maniġerjali fil-funzjonijiet superviżorji u maniġerjali tiegħu.

Il-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità ma għandux jitneħħa mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-korp maniġerjali tal-gwardjan.

5.   L-uffiċjali tal-konformità maħtura mill-gwardjan skont il-paragrafu 1 għandu jkollhom il-kompiti li ġejjin:

(a)

l-organizzazzjoni, il-monitoraġġ u s-superviżjoni tal-miżuri u l-attivitajiet tal-gwardjani li għandhom l-għan li jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-infurmar u l-għoti ta’ pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-gwardjan dwar il-konformità ma’ dan ir-Regolament;

(c)

fejn applikabbli, il-monitoraġġ tal-konformità mal-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 25, mingħajr preġudizzju għall-fatt li l-Kummissjoni tkun tista’ taħtar esperti esterni indipendenti skont l-Artikolu 26(2);

(d)

il-kooperazzjoni mal-Kummissjoni għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

6.   Il-gwardjani għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kap tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità lill-Kummissjoni.

7.   Il-korp maniġerjali tal-gwardjan għandu jiddefinixxi, jissorvelja u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza tal-gwardjan li jiżguraw l-indipendenza tal-funzjoni ta’ verifika tal-konformità, inkluż it-tqassim tar-responsabbiltajiet fl-organizzazzjoni tal-gwardjan u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess.

8.   Il-korp maniġerjali għandu japprova u jirrevedi perjodikament, mill-inqas darba fis-sena, l-istrateġiji u l-politiki għall-bidu, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dan ir-Regolament.

9.   Il-korp maniġerjali għandu jiddedika biżżejjed ħin għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-verifika tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Huwa għandu jipparteċipa b’mod attiv fid-deċiżjonijiet relatati mal-ġestjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament u jiżgura li jiġu allokati riżorsi adegwati għalih.


whereas









keyboard_arrow_down