search


keyboard_tab Digital Market Act 2022/1925 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2022/1925 MT Art. 12 . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl


expand index :


whereas :


definitions:


cloud tag: and the number of total unique words without stopwords is: 177

 

Artikolu 12

Aġġornament tal-obbligi għall-gwardjani

1.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex jissupplimentaw dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin tal-pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6.

2.   Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ att delegat adottat skont il-paragrafu 1 għandu jkun limitat għal:

(a)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss għal ċerti servizzi ewlenin tal-pjattaforma, għal servizzi ewlenin oħra tal-pjattaforma elenkati fl-Artikolu 2, punt (2);

(b)

l-estensjoni ta’ obbligu li jkun ta’ benefiċċju għal ċerti utenti kummerċjali jew utenti finali sabiex ikun ta’ benefiċċju għal utenti kummerċjali jew utenti finali oħra;

(c)

l-ispeċifikazzjoni tal-mod li bih għandhom jitwettqu l-obbligi stipulati fl-Artikoli 5 u 6 mill-gwardjani sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi;

(d)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss b’rabta ma’ ċerti servizzi pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma, jew b’appoġġ għalihom, għal servizzi oħra pprovduti flimkien ma’ servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew b’appoġġ għalihom;

(e)

l-estensjoni ta’ obbligu li japplika biss fir-rigward ta’ ċerti tipi ta’ data li għandu japplika fir-rigward ta’ tipi oħra ta’ data;

(f)

iż-żieda ta’ aktar kondizzjonijiet fejn obbligu jimponi ċerti kondizzjonijiet fuq l-imġiba ta’ gwardjan; jew

(g)

l-applikazzjoni ta’ obbligu li jirregola r-relazzjoni bejn diversi servizzi ewlenin ta’ pjattaforma tal-gwardjan u r-relazzjoni bejn servizz ewlieni ta’ pjattaforma u servizzi oħra tal-gwardjan.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex temenda dan ir-Regolament fir-rigward tal-lista ta’ funzjonalitajiet bażiċi identifikati fl-Artikolu 7(2), billi żżid jew tneħħi l-funzjonalitajiet tas-servizzi ta’ komunikazzjoni interpersonali indipendenti min-numri.

Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

4.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 biex tissupplimenta dan ir-Regolament fir-rigward tal-obbligi fl-Artikolu 7 billi tispeċifika l-mod li bih dawk l-obbligi għandhom jitwettqu sabiex tiġi żgurata konformità effettiva ma’ dawk l-obbligi. Dawk l-atti delegati għandhom ikunu bbażati fuq investigazzjoni tas-suq skont l-Artikolu 19 li tkun identifikat il-ħtieġa li dawk l-obbligi jinżammu aġġornati sabiex jindirizzaw prattiki li jillimitaw il-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li jkunu inġusti bl-istess mod bħall-prattiki indirizzati mill-obbligi stipulati fl-Artikolu 7.

5.   Prattika kif imsemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 għandha titqies bħala li tillimita l-kontestabbiltà tas-servizzi ewlenin ta’ pjattaforma jew li tkun inġusta meta:

(a)

dik il-prattika jkunu involuti fiha l-gwardjani u tkun kapaċi timpedixxi l-innovazzjoni u tillimita l-għażla għall-utenti kummerċjali u l-utenti finali minħabba li:

(i)

taffettwa jew tirriskja li taffettwa l-kontestabbiltà ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali fuq bażi dejjiema minħabba li toħloq jew issaħħaħ ostakli għad-dħul għal impriżi oħra jew biex jespandu bħala fornituri ta’ servizz ewlieni ta’ pjattaforma jew servizzi oħra fis-settur diġitali; jew

(ii)

tipprevjeni lil operaturi oħra milli jkollhom l-istess aċċess għal input ewlieni bħall-gwardjan; jew

(b)

ikun hemm żbilanċ bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-utenti kummerċjali u l-gwardjan jikseb vantaġġ mill-utenti kummerċjali li jkun sproporzjonat għas-servizz ipprovdut minn dak il-gwardjan lil dawk l-utenti kummerċjali.


whereas









keyboard_arrow_down