(35) Jenħtieġ li jkunu disponibbli salvagwardji xierqa għad-detenturi kollha tad-drittijiet, li jenħtieġ li jingħataw l-opportunità li jeskludu l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar u tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, introdotti minn din id-Direttiva għall-użu ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor, fir-rigward tax-xogħlijiet kollha jew materjal ieħor tagħhom, fir-rigward tal-liċenzji kollha jew l-użi kollha taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, fir-rigward ta' xogħlijiet partikolari jew materjal ieħor, jew fir-rigward ta' liċenzji jew użi partikolari taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, fi kwalunkwe żmien qabel jew matul id-durata tal-liċenzja jew qabel jew matul l-użi skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni.
Kundizzjonijiet li jirregolaw dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li ma jaffettwawx ir-rilevanza prattika tagħhom għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.
Huwa importanti li, fejn detentur tad-dritt jeskludi l-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi jew ta' tali eċċezzjoni jew limitazzjoni għal wieħed jew aktar mix-xogħlijiet jew materjal ieħor, kwalunkwe użu kontinwu jintemm fi żmien raġonevoli, u, fejn dawn isiru taħt liċenzja kollettiva, li l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv ladarba infurmata tieqaf milli toħroġ liċenzji li jkopru l-użi kkonċernati.
Tali esklużjoni mid-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma taffettwax it-talbiet tagħhom għal remunerazzjoni għall-użu attwali tax-xogħol jew materjal ieħor taħt il-liċenzja.
- = -
(37) Wara li qieset il-varjetà ta' xogħlijiet u materjal ieħor f'kollezzjonijiet ta' istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, huwa importanti li l-mekkaniżmi ta' liċenzjar u l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti minn din id-Direttiva jkunu disponibbli u jistgħu jintużaw fil-prattika għal tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor, inklużi ritratti, software, fonogrammi, xogħlijiet awdjoviżivi u xogħlijiet tal-arti uniċi, inkluż fejn qatt ma kienu kummerċjalment disponibbli.
Xogħlijiet li qatt ma kienu fis-suq jistgħu jinkludu posters, fuljetti, ġurnali tat-trunċieri jew xogħlijiet awdjoviżivi tad-dilettanti, iżda wkoll xogħlijiet mhux ippubblikati jew materjal ieħor, mingħajr preġudizzju għal restrizzjonijiet legali oħra applikabbli, bħal regoli nazzjonali dwar id-drittijiet morali.
Meta xogħol jew materjal ieħor ikun disponibbli f'xi waħda mill-verżjonijiet differenti tiegħu, bħal edizzjonijiet sussegwenti ta' xogħlijiet letterarji u qtugħ alternattiv ta' xogħlijiet ċinematografiċi, jew fi kwalunkwe waħda mill-manifestazzjonijiet differenti tiegħu, bħal formati diġitali u stampati tal-istess xogħol, dak ix-xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma jitqisux bħala mhux fis-suq.
Min-naħa l-oħra, id-disponibbiltà kummerċjali tal-adattamenti, inklużi verżjonijiet lingwistiċi oħra jew adattamenti awdjoviżivi ta' xogħol letterarju, jenħtieġ li ma tipprekludix xogħol jew materjal ieħor milli jitqies bħala mhux fis-suq f'lingwa partikolari.
Sabiex jiġu riflessi l-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta' xogħlijiet u materjal ieħor fir-rigward ta' mezzi ta' pubblikazzjoni u distribuzzjoni u biex ikun faċilitat l-użu ta' dawn il-mekkaniżmi, rekwiżiti u proċeduri speċifiċi jaf mnejn jiġu stabbiliti għall-applikazzjoni prattika ta' dawk il-mekkaniżmi ta' liċenzjar, bħal rekwiżit li jkun għadda ċertu perijodu ta' żmien mill-ewwel disponibbiltà kummerċjali tax-xogħol jew materjal ieħor.
Huwa xieraq li l-Istati Membri jikkonsultaw lid-detenturi tad-drittijiet, lill-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali u lill-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv meta jistabbilixxu tali rekwiżiti u proċeduri.
- = -
(38) Meta jiġi ddeterminat jekk ix-xogħlijiet jew materjal ieħor humiex barra mis-suq, jenħtieġ li jkun meħtieġ sforz raġonevoli biex tiġi vvalutata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi tax-xogħol jew materjal ieħor jew tas-sett partikolari ta' xogħlijiet jew materjal ieħor.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeterminaw l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet biex isir dak l-isforz raġonevoli.
L-isforz raġonevoli jenħtieġ li ma jkollux għalfejn jinvolvi azzjoni ripetuta tul iż-żmien iżda jenħtieġ madankollu li jqis ukoll kwalunkwe evidenza faċilment aċċessibbli tad-disponibbiltà imminenti ta' xogħlijiet jew materjal ieħor fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.
Valutazzjoni ta' xogħol b'xogħol jenħtieġ li tkun meħtieġa biss fejn dak jitqies raġonevoli fid-dawl tad-disponibbiltà ta' informazzjoni rilevanti, il-probabbiltà ta' disponibbiltà kummerċjali u l-ispiża tat-tranżazzjoni mistennija.
Il-verifika tad-disponibbiltà ta' xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li normalment isseħħ fl-Istat Membru fejn l-istituzzjoni tal-wirt kulturali tkun stabbilita, sakemm il-verifika bejn il-fruntieri ma tkunx ikkunsidrata raġonevoli, pereżempju f'każijiet fejn ikun hemm informazzjoni faċilment disponibbli li xogħol letterarju ġie ppubblikat għall-ewwel darba f'verżjoni lingwistika partikolari fi Stat Membru ieħor.
F'ħafna każijiet, l-istatus bħala “mhux fis-suq” ta' sett ta' xogħlijiet jew materjal ieħor jista' jiġi ddeterminat permezz ta' mekkaniżmu proporzjonat, bħall-kampjunar.
Id-disponibbiltà limitata ta' xogħol jew materjal ieħor, bħad-disponibbiltà tiegħu fi ħwienet ta' oġġetti użati, jew il-possibbiltà teoretika li tista' tinkiseb liċenzja għal xogħol jew materjal ieħor jenħtieġ li ma titqisx bħala disponibbiltà għall-pubbliku fil-kanali tas-soltu tal-kummerċ.
- = -
(41) Jenħtieġ li informazzjoni dwar l-użu kurrenti u futur ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali abbażi ta' din id-Direttiva u l-arranġamenti fis-seħħ għad-detenturi tad-drittijiet kollha, biex tkun eskluża l-applikazzjoni ta' liċenzji jew tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għax-xogħlijiet tagħhom jew materjal ieħor, tingħata pubbliċità xierqa kemm qabel kif ukoll matul l-użu permezz ta' liċenzja jew permezz tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, kif xieraq.
Tali għoti ta' pubbliċità huwa partikolarment importanti meta l-użu jsir bejn il-fruntieri fis-suq intern.
Għaldaqstant huwa f'loku li jkun previst il-ħolqien ta' portal online uniku li jkun aċċessibbli pubblikament sabiex l-Unjoni tagħmel din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku għal perijodu raġonevoli ta' żmien qabel ma jseħħ l-użu.
Tali portal jenħtieġ li jiffaċilita għad-detenturi tad-drittijiet li jeskludu l-applikazzjoni tal-liċenzji jew għall-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni għax-xogħlijiet jew materjal ieħor tagħhom.
Skont ir-Regolament (UE) Nru 386/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea huwa fdat b'ċerti kompiti u attivitajiet, iffinanzjati bl-użu tal-mezzi baġitarji proprji tiegħu u bil-għan li jiffaċilita u jappoġġa l-attivitajiet ta' awtoritajiet nazzjonali, tas-settur privat u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-ġlieda kontra, inkluż il-prevenzjoni ta', ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.
Huwa għalhekk xieraq li jiġi invokat dak l-Uffiċċju biex jiġi stabbilit u mmaniġġjat il-portal li jagħmel tali informazzjoni disponibbli.
- = -
(52) Sabiex ikun iffaċilitat il-liċenzjar ta' drittijiet f'xogħlijiet awdjoviżivi għal servizzi video-on-demand, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu meħtieġa jipprevedu mekkaniżmu ta' negozjar li jippermetti lill-partijiet interessati li jixtiequ jikkonkludu ftehim sabiex iserrħu fuq l-għajnuna ta' korp imparzjali jew ta' medjatur wieħed jew aktar.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu permessi jistabbilixxu korp ġdid jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jaħtru korp jew medjatur kompetenti wieħed jew aktar.
Il-korp jew il-medjatur jenħtieġ li jiltaqgħu mal-partijiet u jgħinu fin-negozjati billi jagħtu pariri professjonali, imparzjali u esterni.
Fejn negozjat jinvolvi partijiet minn Stati Membri differenti u fejn dawk il-partijiet jiddeċiedu li jserrħu fuq il-mekkaniżmu ta' negozjar, il-partijiet jenħtieġ li jaqblu bejniethom minn qabel dwar l-Istat Membru kompetenti.
Il-korp jew il-medjaturi jistgħu jiltaqgħu mal-partijiet biex jiffaċilitaw il-bidu tan-negozjati jew matul in-negozjati biex jiffaċilitaw il-konklużjoni ta' ftehim.
Il-parteċipazzjoni f'dak il-mekkaniżmu ta' negozjar u l-konklużjoni sussegwenti ta' ftehimiet jenħtieġ li jkunu volontarji u jenħtieġ li ma jaffettwawx il-libertà kuntrattwali tal-partijiet.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkunu liberi li jiddeċiedu dwar il-funzjonament speċifiku tal-mekkaniżmu ta' negozjar, inkluż iż-żmien u d-durata tal-għajnuna għan-negozjati u tal-ġarr tal-ispejjeż.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji jibqgħu proporzjonati biex jiggarantixxu l-effiċjenza tal-mekkaniżmu ta' negozjar.
Mingħajr ma dan ikun obbligu għalihom, l-Istati Membri jenħtieġ li jħeġġu d-djalogu bejn l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi.
- = -
(80) Meta l-awturi u l-artisti jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jistennew li x-xogħol jew il-prestazzjoni tagħhom jiġu sfruttati.
Madankollu, jista' jkun il-każ li x-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet li jkunu ngħataw liċenzja jew li jkunu ġew trasferiti, ma jiġu sfruttati xejn.
Fejn dawk id-drittijiet jiġu ttrasferiti fuq bażi esklużiva, l-awturi u l-artisti ma jistgħux jirrikorru għal sieħeb ieħor biex jisfruttaw ix-xogħlijiet jew il-prestazzjonijiet tagħhom.
F'każ bħal dan, u wara li jkun għadda perijodu raġonevoli ta' żmien, jenħtieġ li l-awturi u l-artisti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li jippermettilhom jittrasferixxu jew jilliċenzjaw id-drittijiet tagħhom lil persuna oħra.
Peress li l-isfruttament tax-xogħlijiet jew ta' prestazzjonijiet jista' jvarja skont is-setturi, jistgħu jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċifiċi fil-livell nazzjonali sabiex jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tas-setturi, bħas-settur awdjoviżiv, jew tax-xogħlijiet jew ta' prestazzjonijiet, b'mod partikolari li jipprevedu perijodi ta' żmien għad-dritt ta' revoka.
Sabiex jiġu protetti l-interessi leġittimi tad-detenturi ta' liċenzja u tal-persuni li jittrasferixxu d-drittijiet u sabiex jiġu evitati l-abbużi, u filwaqt li jitqies li huwa meħtieġ ċertu ammont ta' żmien qabel ma xogħol jew prestazzjoni jiġu effettivament sfruttati, jenħtieġ li l-awturi u l-artisti jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt ta' revoka skont ċerti rekwiżiti proċedurali u biss wara ċertu perijodu ta' żmien wara l-konklużjoni tal-liċenzja jew tal-ftehim ta' trasferiment.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu permessi jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' revoka fil-każ ta' xogħlijiet jew prestazzjonijiet li jinvolvu aktar minn awtur jew artist wieħed, filwaqt li jieħu kont tal-importanza relattiva tal-kontributi individwali.
- = -