(3) L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati.
Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda.
Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku.
L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi.
Madankollu, għad hemm inċertezza legali, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-utenti, fir-rigward ta' ċerti użi, inkluż l-użu transfruntier ta' xogħlijiet u materjal ieħor fl-ambjent diġitali.
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew”, f'xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn.
Din id-Direttiva tipprevedi regoli biex jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ambjenti diġitali u transfruntiera, kif ukoll għal miżuri biex jiġu faċilitati ċerti prattiki ta' liċenzjar, b'mod partikolari imma mhux biss fir-rigward tat-tixrid tax-xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor u d-disponibbiltà online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess aktar wiesgħa għall-kontenut.
Hija tinkludi wkoll regoli li jiffaċilitaw l-użu tal-kontenut fid-dominju pubbliku.
Sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur, jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli dwar id-drittijiet f'pubblikazzjonijiet, dwar l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mill-fornituri ta' servizz online li jaħżnu u jagħtu aċċess għal kontenut imtella' tal-utent, dwar it-trasparenza ta' kuntratti tal-awturi u tal-artisti, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, kif ukoll mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li l-awturi u l-artisti jkunu ttrasferew fuq bażi esklussiva.
- = -
(34) Għall-finijiet ta' dawk il-mekkaniżmi ta' liċenzjar, huwa importanti li sistema ta' mmaniġġjar kollettiv tkun rigoruża u taħdem sew.
Id-Direttiva 2014/26/UE tipprevedi għal tali sistema u dik is-sistema tinkludi b'mod partikolari regoli dwar governanza tajba, trasparenza u rappurtar, kif ukoll id-distribuzzjoni u l-pagamenti regolari, diliġenti u preċiżi ta' ammonti dovuti lil detenturi tad-drittijiet individwali.
- = -
(50) Minħabba t-tradizzjonijiet u l-esperjenzi differenti fir-rigward ta' mekkaniżmi ta' liċenzjar kollettiv b'effett estiż madwar l-Istati Membri, u l-applikabbiltà tagħhom għad-detenturi tad-drittijiet irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom jew l-Istat Membru ta' residenza tagħhom, huwa importanti li jiġi żgurat li hemm trasparenza u djalogu fil-livell tal-Unjoni dwar il-funzjonament prattiku ta' tali mekkaniżmi, inkluż fir-rigward tal-effikaċja tas-salvagwardji għad-detenturi tad-drittijiet, kemm jistgħu jintużaw tali mekkaniżmi, l-effett tagħhom fuq id-detenturi tad-drittijiet li ma mhumiex membri tal-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv/jew fuq id-detenturi tad-drittijiet li huma ċittadini ta' Stat Membru ieħor, jew residenti fih, u l-impatt fuq il-forniment transfruntier ta' servizzi, inkluż il-ħtieġa potenzjali li jiġu stabbiliti regoli biex jingħataw tali mekkaniżmi b'effett transfruntier fi ħdan is-suq intern.
Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza, l-informazzjoni dwar l-użu ta' mekkaniżmi bħal dawn skont din id-Direttiva jenħtieġ li tiġi ppubblikata regolarment mill-Kummissjoni.
L-Istati Membri li introduċew mekkaniżmi bħal dawn jenħtieġ li għalhekk jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti u l-applikazzjoni tagħha fil-prattika, inklużi l-kampijiet ta' applikazzjoni u t-tipi ta' liċenzjar introdotti fuq il-bażi ta' dispożizzjonijiet ġenerali, l-iskala tal-liċenzjar u l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv involuti.
Tali informazzjoni jenħtieġ li tiġi diskussa mal-Istati Membri fil-kumitat ta' kuntatt stabbilit fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/29/KE.
Il-Kummissjoni jenħtieġ li tippubblika rapport dwar l-użu ta' mekkaniżmi bħal dawn fl-Unjoni u l-impatt tagħhom fuq il-liċenzjar u d-detenturi tad-drittijiet, fuq it-tixrid ta' kontenut kulturali u fuq il-forniment transfruntier ta' servizzi fil-qasam tal-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, kif ukoll fuq l-impatt fuq il-kompetizzjoni.
- = -
(68) Il-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online jenħtieġ li jkunu trasparenti mad-detenturi tad-drittijiet fir-rigward tal-passi meħuda fil-kuntest tal-kooperazzjoni.
Peress li azzjonijiet varji jistgħu jitwettqu mill-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online, jenħtieġ li huma jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet, fuq it-talba tad-detenturi tad-drittijiet, b'informazzjoni adegwata dwar it-tip ta' azzjonijiet meħuda u l-mod ta' kif jiġu imwettqa.
Tali informazzjoni jenħtieġ li tkun speċifika biżżejjed biex tipprovdi biżżejjed trasparenza lid-detenturi tad-drittijiet, mingħajr ma taffettwa s-sigrieti kummerċjali tal-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.
Madankollu, jenħtieġ li l-fornituri ta' servizz ma jkunux meħtieġa jipprovdu lid-detenturi tad-drittijiet b'informazzjoni dettaljata u individwalizzata għal kull xogħol jew materjal ieħor identifikat.
Jenħtieġ li dak ikun mingħajr preġudizzju għall-arranġamenti kuntrattwali, li jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta meta jiġu konklużi ftehimiet bejn il-fornituri ta' servizz u d-detenturi tad-drittijiet.
- = -
(75) Peress li l-awturi u l-artisti aktarx li jkunu fil-pożizzjoni kuntrattwali l-aktar dgħajfa huma jagħtu liċenzji jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jkollhom bżonn informazzjoni biex jivvalutaw il-valur ekonomiku kontinwu tad-drittijiet tagħhom, meta mqabbla mar-remunerazzjoni li jirċievu għal-liċenzja tagħhom jew għat-trasferiment, iżda ħafna drabi jaffaċċjaw nuqqas ta' trasparenza.
Għaldaqstant, l-iskambju ta' informazzjoni adegwata u preċiża mill-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu huwa importanti għat-trasparenza u l-bilanċ tas-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti.
Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun aġġornata biex tippermetti aċċess għal data riċenti, rilevanti għall-isfruttament tax-xogħol jew tal-prestazzjoni u komprensiva b'tali mod li tkopri s-sorsi kollha ta' dħul rilevanti għall-każ, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising.
Sakemm l-isfruttament ikun għadu għaddej, il-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni disponibbli lilhom dwar il-modi kollha ta' sfruttament u dwar id-dħul rilevanti kollu madwar id-dinja b'regolarità li tkun xierqa fis-settur rilevanti, iżda minn tal-inqas kull sena.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta b'mod li jinftiehem mill-awtur jew mill-artist u għandha tippermetti l-valutazzjoni effikaċi tal-valur ekonomiku tad-drittijiet ikkonċernati.
Jenħtieġ li, madankollu, l-obbligu tat-trasparenza japplika biss fejn huma kkonċernati d-drittijiet tad-drittijiet rilevanti.
L-ipproċessar tad-data personali, bħad-dettalji ta' kuntatt u l-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, li huma meħtieġa biex l-awturi u l-artisti jinżammu infurmati fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom, jenħtieġ li jsir tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679.
- = -
(76) Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni relatata mal-isplużjoni tingħata debitament lill-awturi u lill-artisti wkoll f'każijiet fejn id-drittijiet ikunu ġew subliċenzjati lil partijiet oħra li jisfruttaw id-drittijiet, din id-Direttiva tintitola lill-awturi u lill-artisti biex jitolbu informazzjoni rilevanti addizzjonali dwar l-isfruttament tad-drittijiet, f'każijiet fejn l-ewwel kontroparti kuntrattwali tkun ipprovdiet l-informazzjoni disponibbli għalihom, iżda dik l-informazzjoni ma tkunx biżżejjed biex tivvaluta l-valur ekonomiku tad-drittijiet tagħhom.
Dik it-talba jenħtieġ li ssir jew direttament lis-subdetenturi jew permezz tal-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti.
L-awturi u l-artisti u l-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jenħtieġ li jkunu jistgħu jaqblu li jżommu kunfidenzjali l-informazzjoni kondiviża, iżda l-awturi u l-artisti jenħtieġ li dejjem ikunu jistgħu jużaw l-informazzjoni kondiviża bil-għan li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont din id-Direttiva.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom l-għażla, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, li jipprevedu miżuri ulterjuri li jiżguraw it-trasparenza għall-awturi u l-artisti.
- = -
(77) Meta jimplimentaw l-obbligu tat-trasparenza previst f'din id-Direttiva, jenħtieġ li l-Istati Membri jikkunsidraw l-ispeċifiċitajiet tad-diversi setturi ta' kontenut, bħal dawk tas-settur tal-mużika, is-settur awdjoviżiv u s-settur tal-pubblikazzjoni, u jenħtieġ li l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jkunu involuti meta jkunu qed jiddeċiedudwar tali obbligi speċifiċi għas-settur Meta rilevanti, jenħtieġ li s-sinifikat tal-kontribut tal-awturi u l-artisti għax-xogħol jew il-prestazzjoni globali jiġi kkunsidrat ukoll.
In-negozjar kollettiv jenħtieġ li jiġi kkunsidrat bħala alternattiva għall-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jintlaħaq ftehim dwar it-trasparenza.
Tali ftehimiet jenħtieġ li jiżguraw li l-awturi u l-artisti jkollhom l-istess livell, jew livell ogħla, ta' trasparenza bħar-rekwiżiti minimi previsti minn din id-Direttiva.
Biex il-prattiki eżistenti tar-rappurtar ikunu jistgħu jiġu adattati għall-obbligi tat-trasparenza, jenħtieġ li jiġi previst perijodu tranżitorju.
Jenħtieġ li ma jkunx neċessarju li jiġi applikat l-obbligu tat-trasparenza fir-rigward ta' ftehimiet konklużi bejn id-detentur tad-dritt u l-organizzazzjonijiet tal-immaniġġjar kollettiv, entitajiet ta' ġestjoni indipendenti jew entitajiet oħra soġġetti għar-regoli nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 2014/26/UE, bħal dawk l-organizzazzjonijiet jew entitajiet li diġà huma soġġetti għall-obbligi tat-trasparenza skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE.
L-Artikolu 18 tad-Direttiva 2014/26/UE japplika għal organizzazzjonijiet li jimmaniġġjaw id-drittijiet tal-awtur jew drittijiet relatati f'isem aktar minn detentur tad-drittijiet wieħed għall-benefiċċju kollettiv ta' dawk id-detenturi tad-drittijiet.
Madankollu, jenħtieġ li l-ftehimiet innegozjati individwalment konklużi bejn id-detenturi tad-drittijiet u dawk tal-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom li jaġixxu fl-interess tagħhom stess ikunu soġġetti għall-obbligu ta' trasparenza previst minn din id-Direttiva.
- = -
(79) L-awturi u l-artisti ta' spiss isibuha bi tqila biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom kontra s-sħab kuntrattwali tagħhom quddiem qorti jew tribunal.
Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jipprevedu proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim li tindirizza talbiet minn awturi u artisti jew mir-rappreżentanti tagħhom f'isimhom, relatati ma' obbligi tat-trasparenza u l-mekkaniżmu ta' aġġustament tal-kuntratt.
Għal dak il-għan, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jistabbilixxu korp jew mekkaniżmu ġdid, jew jiddependu fuq wieħed eżistenti li jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-Direttiva, irrispettivament minn jekk dawk il-korpi jew mekkaniżmi humiex immexxija mill-industrija jew pubbliċi, inkluż meta jkunu parti mis-sistema ġudizzjarja nazzjonali.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu kif għandhom jiġu allokati l-ispejjeż tal-proċedura għas-soluzzjoni tat-tilwim.
Tali proċedura alternattiva għas-soluzzjoni tat-tilwim jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-partijiet li jasserixxu u jiddefendu id-drittijiet tagħhom billi jieħdu azzjoni f'qorti.
- = -
(81) Id-dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza, il-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-kuntratt u l-proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'din id-Direttiva jenħtieġ li jkunu ta' natura mandatorja, u l-partijiet jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jidderogaw minn dawk id-dispożizzjonijiet, kemm jekk fil-kuntratti bejn l-awturi, l-artisti u l-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom, jew fi ftehimiet bejn dawk il-kontropartijiet u partijiet terzi, bħal ftehimiet ta' nondivulgazzjoni.
B'konsegwenza ta' dan, jenħtieġ li l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (17) japplikaw bl-effett li meta l-elementi l-oħra kollha rilevanti għas-sitwazzjoni fil-mument tal-għażla tal-liġi applikabbli jkunu jinsabu fi Stat Membru wieħed jew aktar, l-għażla tal-partijiet dwar il-liġi applikabbli minbarra dik ta' Stat Membru ma tippreġudikax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward it-trasparenza, il-mekkaniżmi ta' aġġustament tal-kuntratt u l-proċeduri alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim stabbiliti f'din id-Direttiva, kif implimentat fl-Istat Membru tal-forum.
- = -