(5) Fl-oqsma tar-riċerka, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, it-teknoloġiji diġitali jippermettu tipi ta' użi ġodda li mhumiex koperti b'mod ċar mir-regoli attwali tal-Unjoni dwar l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet.
Barra minn hekk, in-natura fakultattiva tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fid-Direttivi 96/9/KE, 2001/29/KE, u 2009/24/KE f'dawk l-oqsma jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq intern.
Dan huwa partikolarment rilevanti fir-rigward ta' użi transfruntieri, li qed isiru dejjem aktar importanti fl-ambjent diġitali.
Għalhekk, eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti fil-liġi tal-Unjoni li huma rilevanti għar-riċerka xjentifika, l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali jenħtieġ li jiġu vvalutati mill-ġdid fid-dawl ta' dawn l-użi l-ġodda.
Jenħtieġ li jiġu introdotti l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet obbligatorji għall-użu ta' teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-test u tad-data, l-illustrazzjoni għat-tagħlim fl-ambjent diġitali u għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali.
L-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet eżistenti fil-liġi tal-Unjoni jenħtieġ li jibqgħu japplikaw, inkluż għall-estrazzjoni tat-test u tad-data, l-edukazzjoni u l-attivitajiet ta' preservazzjoni, sakemm dawn ma jillimitawx il-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet obbligatorji previstii f'din id-Direttiva, li jeħtieġu li jiġu implimentati mill-Istati Membri fil-liġi nazzjonali tagħhom.
Jenħtieġ għalhekk li d-Direttivi 96/9/KE u 2001/29/KE jiġu emendati.
- = -
(8) Teknoloġiji ġodda jippermettu l-analiżi komputazzjonali awtomatizzata ta' informazzjoni f'forma diġitali, bħat-test, il-ħsejjes, l-immaġni jew id-data, ġeneralment magħrufa bħala l-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
L-estrazzjoni tat-testi u tad-data tagħmel possibbli l-ipproċessar ta' ammonti kbar ta' informazzjoni bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u jiġu skoperti xejriet ġodda.
It-teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data huma prevalenti fl-ekonomija diġitali, madankollu hemm rikonoxximent mifrux li l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tibbenefika b'mod partikolari lill-komunità tar-riċerka u b'hekk tappoġġa l-innovazzjoni.
Tali teknoloġiji huma ta' benefiċċju għall-universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, minħabba li dawn jistgħu wkoll iwettqu riċerka fil-kuntest tal-attivitajiet ewlenin tagħhom.
Madankollu, fl-Unjoni, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet bħal dawn qed iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza legali dwar sa fejn ikunu jistgħu jwettqu estrazzjoni tat-test u tad-data tal-kontenut.
F'ċerti każijiet, l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tinvolvi atti protetti bid-drittijiet tal-awtur, bid-dritt tal-bażi tad-data sui generis jew bit-tnejn, b'mod partikolari, ir-riproduzzjoni ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-estrazzjoni tal-kontenut minn bażi tad-data jew it-tnejn, li tiġri pereżempju meta d-data tiġi normalizzata fil-proċess tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Fejn ma tapplika l-ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni, awtorizzazzjoni biex jitwettqu tali atti hija meħtieġa mid-detenturi tad-drittijiet.
- = -
(9) L-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' titwettaq ukoll b'rabta ma' fatti jew data sempliċi li mhumiex protetti mid-drittijiet tal-awtur, u f'każijiet bħal dawn, skont il-liġi tad-drittijiet tal-awtur, l-ebda awtorizzazzjoni ma tkun meħtieġa.
Jaf ikun hemm ċirkustanzi ta' estrazzjoni tat-testi u tad-data li ma jkunux jinvolvu atti ta' riproduzzjoni jew fejn ir-riproduzzjonijiet li jsiru jaqgħu taħt l-eċċezzjoni obbligatorja għal atti temporanji ta' riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE, li jenħtieġ li jkomplu japplikaw għal tekniki tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data li ma jinvolvux it-teħid ta' kopji li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dik l-eċċezzjoni.
- = -
(10) Il-liġi tal-Unjoni tipprevedi ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet li jkopru l-użi għal finijiet ta' riċerka xjentifika li jistgħu japplikaw għal atti ta' estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Madankollu, dawn l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet huma fakultattivi u mhumiex kompletament adattati għall-użu ta' teknoloġiji fir-riċerka xjentifika.
Barra minn hekk, fejn ir-riċerkaturi jkollhom aċċess legali għal kontenut, pereżempju permezz ta' abbonamenti għal pubblikazzjonijiet jew liċenzji ta' aċċess miftuħ, it-termini tal-liċenzji jistgħu jeskludu l-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Peress li kulma jmur ir-riċerka qed issir dejjem aktar bl-għajnuna tat-teknoloġija diġitali, hemm riskju li l-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni bħala qasam ta' riċerka se tbati jekk ma jittiħdux il-passi biex tiġi indirizzata l-inċertezza legali fir-rigward tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
- = -
(11) L-inċertezza legali fir-rigward tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jenħtieġ li tiġi indirizzata billi tkun prevista eċċezzjoni obbligatorja fir-rigward ta' universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll għal istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, għad-dritt ta' riproduzzjoni esklussiv u għad-dritt li ma titħalliex issir estrazzjoni minn bażi tad-data.
F'konformità mal-politika ta' riċerka tal-Unjoni eżistenti, li tinkoraġġixxi lill-universitajiet u l-istituti ta' riċerka biex jikkollaboraw mas-settur privat, l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jenħtieġ li jibbenefikaw ukoll mill-eċċezzjoni meta l-attivitajiet tar-riċerka tagħhom jitwettqu fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati.
Filwaqt li l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jenħtieġ li jkomplu jkunu l-benefiċjarji ta' dik l-eċċezzjoni, jenħtieġ li huma jkunu jistgħu wkoll jiddependu fuq is-sħab privati tagħhom biex iwettqu estrazzjoni tat-testi u tad-data, inkluż bl-użu tal-għodod teknoloġiċi tagħhom.
- = -
(14) L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, inklużi l-persuni marbuta magħhom, jenħtieġ li jkunu koperti mill-eċċezzjoni tal-estrazzjoni tat-test u tad-data fir-rigward tal-kontenut li jkollhom aċċess legali għalih.
L-aċċess legali jenħtieġ li jinftiehem bħala li jkopri l-aċċess għal kontenut ibbażat fuq il-politika ta' aċċess miftuħ jew permezz ta' arranġamenti kuntrattwali bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka jew l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, bħal abbonamenti, jew permezz ta' mezzi legali oħrajn.
Pereżempju, f'każijiet ta' abbonamenti meħudin minn organizzazzjonijiet ta' riċerka jew istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, il-persuni marbuta magħhom u koperti minn dawk l-abbonamenti jenħtieġ li jitqiesu li għandhom aċċess legali.
L-aċċess legali jenħtieġ li jkopri wkoll l-aċċess għall-kontenut li huwa disponibbli b'mod liberu online.
- = -
(15) L-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali jistgħu, f'ċerti każijiet, pereżempju għal verifika sussegwenti tar-riżultati tar-riċerka xjentifika, ikollhom bżonn iżommu l-kopji li jkunu saru taħt l-eċċezzjoni għall-finijiet tat-twettiq tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
F'każijiet bħal dawn, il-kopji jenħtieġ li jinħażnu f'ambjent sikur.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeċiedu, fil-livell nazzjonali u wara diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, dwar arranġamenti speċifiċi ulterjurii għaż-żamma tal-kopji, inkluża l-kapaċità li jinħatru korpi fdati bil-għan li jinħażnu dawn il-kopji.
Sabiex ma tiġix ristretta bla bżonn l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni, tali arranġamenti jenħtieġ li jkunu proporzjonati u limitati għal dak li huwa meħtieġ għaż-żamma tal-kopji b'mod sikur u għall-prevenzjoni ta' użi mhux awtorizzati.
Jenħtieġ li użi għall-fini ta' riċerka xjentifika, għajr l-estrazzjoni tat-testi u tad-data, bħar-rieżami xjentifika bejn il-pari u r-riċerka konġunta, jibqgħu koperti, fejn applikabbli, bl-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni previsti fl-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva 2001/29/KE.
- = -
(17) Fid-dawl tan-natura u l-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni, li hija limitata għall-entitajiet li jwettqu riċerka xjentifika, jenħtieġ li kwalunkwe ħsara potenzjali li ssir lid-detenturi tad-drittijiet permezz ta' din l-eċċezzjoni tkun minima.
Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jipprevedux kumpens għad-detenturi tad-drittijiet rigward użi fl-ambitu tal-eċċezzjonijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data introdotti minn din id-Direttiva.
- = -
(18) Minbarra s-sinifikanza tagħhom fil-kuntest tar-riċerka xjentifika, it-tekniki tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jintużaw ħafna kemm mill-entitajiet privati kif ukoll minn dawk pubbliċi biex janalizzaw ammonti kbar ta' data f'oqsma differenti tal-ħajja u għal skopijiet varji, inkluż għas-servizzi tal-gvern, deċiżjonijiet kummerċjali kumplessi u l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet jew teknoloġiji ġodda.
Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jibqgħu kapaċi jagħtu liċenzja għall-użi tax-xogħlijiet tagħhom jew ta' materjal ieħor li jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-eċċezzjoni obbligatorja prevista f'din id-Direttiva għall-estrazzjoni tat-testi u tad-data għall-finijiet ta' riċerka xjentifika u tal-eċċezzjonijiet u tal-limitazzjonijiet eżistenti previsti fid-Direttiva 2001/29/KE.
Fl-istess ħin, jenħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni lill-fatt li l-utenti tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jistgħu jiffaċċjaw inċertezza legali dwar jekk ir-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet li jsiru għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data jistgħux jitwettqu fuq xogħlijiet jew materjal ieħor aċċessati b'mod legali, b'mod partikolari meta r-riproduzzjonijiet jew l-estrazzjonijiet li jsiru għall-finijiet tal-proċess tekniku jistgħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha tal-eċċezzjoni eżistenti għal atti temporanji ta' riproduzzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29/KE.
Sabiex tiġi prevista aktar ċertezza legali f'każijiet bħal dawn u biex titħeġġeġ l-innovazzjoni anki fis-settur privat, din id-Direttiva jenħtieġ li tipprevedi, taħt ċerti kundizzjonijiet, eċċezzjoni jew limitazzjoni għar-riproduzzjonijiet u l-estrazzjonijiet ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data u tippermetti li l-kopji li jsiru jinżammu sakemm ikun meħtieġ għall-finijiet tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
- = -