(3) L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati.
Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda.
Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku.
L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi.
Madankollu, għad hemm inċertezza legali, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-utenti, fir-rigward ta' ċerti użi, inkluż l-użu transfruntier ta' xogħlijiet u materjal ieħor fl-ambjent diġitali.
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew”, f'xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn.
Din id-Direttiva tipprevedi regoli biex jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ambjenti diġitali u transfruntiera, kif ukoll għal miżuri biex jiġu faċilitati ċerti prattiki ta' liċenzjar, b'mod partikolari imma mhux biss fir-rigward tat-tixrid tax-xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor u d-disponibbiltà online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess aktar wiesgħa għall-kontenut.
Hija tinkludi wkoll regoli li jiffaċilitaw l-użu tal-kontenut fid-dominju pubbliku.
Sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur, jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli dwar id-drittijiet f'pubblikazzjonijiet, dwar l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mill-fornituri ta' servizz online li jaħżnu u jagħtu aċċess għal kontenut imtella' tal-utent, dwar it-trasparenza ta' kuntratti tal-awturi u tal-artisti, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, kif ukoll mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li l-awturi u l-artisti jkunu ttrasferew fuq bażi esklussiva.
- = -
(35) Jenħtieġ li jkunu disponibbli salvagwardji xierqa għad-detenturi kollha tad-drittijiet, li jenħtieġ li jingħataw l-opportunità li jeskludu l-applikazzjoni tal-mekkaniżmi ta' liċenzjar u tal-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, introdotti minn din id-Direttiva għall-użu ta' xogħlijiet li mhumiex fis-suq jew materjal ieħor, fir-rigward tax-xogħlijiet kollha jew materjal ieħor tagħhom, fir-rigward tal-liċenzji kollha jew l-użi kollha taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, fir-rigward ta' xogħlijiet partikolari jew materjal ieħor, jew fir-rigward ta' liċenzji jew użi partikolari taħt l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni, fi kwalunkwe żmien qabel jew matul id-durata tal-liċenzja jew qabel jew matul l-użi skont l-eċċezzjoni jew il-limitazzjoni.
Kundizzjonijiet li jirregolaw dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li ma jaffettwawx ir-rilevanza prattika tagħhom għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali.
Huwa importanti li, fejn detentur tad-dritt jeskludi l-applikazzjoni ta' tali mekkaniżmi jew ta' tali eċċezzjoni jew limitazzjoni għal wieħed jew aktar mix-xogħlijiet jew materjal ieħor, kwalunkwe użu kontinwu jintemm fi żmien raġonevoli, u, fejn dawn isiru taħt liċenzja kollettiva, li l-organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv ladarba infurmata tieqaf milli toħroġ liċenzji li jkopru l-użi kkonċernati.
Tali esklużjoni mid-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma taffettwax it-talbiet tagħhom għal remunerazzjoni għall-użu attwali tax-xogħol jew materjal ieħor taħt il-liċenzja.
- = -
(48) L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa biex jipproteġu l-interessi leġittimi tad-detenturi tad-drittijiet li ma tawx mandat lill-organizzazzjoni li toffri l-liċenzja u li dawk is-salvagwardji japplikaw b'mod mhux diskriminatorju.
B'mod speċifiku, sabiex jiġi ġġustifikat l-effett estiż tal-mekkaniżmi, tali organizzazzjoni jenħtieġ li tkun, fuq il-bażi ta' awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet, rappreżentattiva biżżejjed tat-tipi ta' xogħlijiet jew materjal ieħor u tad-drittijiet li huma s-suġġett tal-liċenzja.
L-Istati Membri jenħtieġ li jiddeterminaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti biex dawk l-organizzazzjonijiet jiġu kkunsidrati rappreżentattivi biżżejjed, filwaqt li jqisu l-kategorija tad-drittijiet immaniġġjati mill-organizzazzjoni, il-kapaċità tal-organizzazzjoni li timmaniġġja d-drittijiet b'mod effettiv, is-settur kreattiv li fih topera, u jekk l-organizzazzjoni tkoprix għadd sinifikanti ta' detenturi tad-drittijiet fit-tip ta' xogħlijiet rilevanti jew materjal ieħor li jkunu taw mandat li jippermetti l-liċenzjar tat-tip ta' użu rilevanti, f'konformità mad-Direttiva 2014/26/UE.
Sabiex tiġi prevista ċ-ċertezza legali u jiġi żgurat li jkun hemm kunfidenza fil-mekkaniżmi, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddeċiedu min għandu jkollu r-responsabbiltà legali fir-rigward tal-użi awtorizzati mill-ftehim ta' liċenzjar.
Jenħtieġ li jiġi ggarantit trattament ugwali lid-detenturi tad-drittijiet kollha li x-xogħlijiet tagħhom huma sfruttati skont il-liċenzja, inkluż b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal informazzjoni dwar il-liċenzjar u d-distribuzzjoni ta' remunerazzjoni.
Il-miżuri ta' pubbliċità jenħtieġ li jkunu effettivi matul id-durata tal-liċenzja u jenħtieġ li ma jimponux piżijiet amministrattivi sproporzjonati fuq l-utenti, l-organizzazzjonijiet ta' mmaniġġjar kollettiv jew id-detenturi tad-drittijiet u mingħajr il-ħtieġa li jinfurmaw lil kull detentur tad-drittijiet b'mod individwali.
- = -
(60) Il-pubblikaturi, inklużi dawk ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, kotba jew pubblikazzjonijiet xjentifiċi u pubblikazzjonijiet tal-mużika, ta' spiss joperaw fuq il-bażi tat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur permezz ta' ftehim kuntrattwali jew dispożizzjonijiet statutorji.
F'dak il-kuntest, il-pubblikaturi jagħmlu investiment bl-għan li jisfruttaw ix-xogħlijiet li jinsabu fil-pubblikazzjonijiet tagħhom u jistgħu f'ċerti każijiet jiġu mċaħħda mid-dħul meta tali xogħlijiet jintużaw skont l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet bħal dawk għall-ikkupjar privat u r-reprografija, inklużi l-iskemi nazzjonali eżistenti korrispondenti għar-reprografija fl-Istati Membri, jew taħt skemi ta' self pubbliku.
F'ħafna Stati Membri, il-kumpens għall-użi taħt dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet jinqasam bejn l-awturi u l-pubblikaturi.
Sabiex titqies din is-sitwazzjoni u biex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li għandhom fis-seħħ skemi eżistenti għall-kondiviżjoni ta' kumpens bejn l-awturi u l-pubblikaturi biex iżommuhom.
Dak huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li kellhom tali mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' kumpens qabel it-12 ta' Novembru 2015, għalkemm fi Stati Membri oħra, il-kumpens mhuwiex kondiviż u dovut biss lill-awturi f'konformità mal-politiki kulturali nazzjonali.
Filwaqt li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika b'mod mhux diskriminatorju għall-Istati Membri kollha, jenħtieġ li tirrispetta t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam u ma tobbligax lill-Istati Membri li attwalment m'għandhomx dawn l-iskemi ta' kondiviżjoni ta' kumpens biex jintroduċuhom.
Jenħtieġ li hija ma taffettwax l-arranġamenti eżistenti jew dawk futuri fl-Istati Membri rigward ir-remunerazzjoni fil-kuntest tas-self pubbliku.
- = -
(61) Matul dawn is-snin reċenti, il-funzjonament tas-suq tal-kontenut online sar iktar kumpless. Is-servizzi online tal-kondiviżjoni tal-kontenut li jipprovdu aċċess għal ammont kbir ta' kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur imtella' mill-utenti tagħhom saru sors ewleni ta' aċċess għall-kontenut online.
Is-servizzi online huma mezz kif jingħata aċċess usa' għal xogħlijiet kulturali u kreattivi u jiġu offruti opportunitajiet kbar biex l-industriji kulturali u kreattivi jiżviluppaw mudelli kummerċjali ġodda.
Madankollu, għalkemm huma jippermettu d-diversità u l-faċilità tal-aċċess għall-kontenut, huma jiġġeneraw ukoll kontestazzjonijiet meta kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur jittella' mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tad-detenturi tad-drittijiet.
Teżisti inċertezza legali dwar jekk il-fornituri ta' tali servizzi jinvolvux ruħhom f'atti rilevanti għad-drittijiet tal-awtur u jekk hemmx bżonn li jiksbu awtorizzazzjonijiet mid-detenturi tad-drittijiet għall-kontenut imtella' mill-utenti tagħhom li ma jkollhomx id-drittijiet rilevanti fil-kontenut imtella', mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet previsti fil-liġi tal-Unjoni.
Dik l-inċertezza taffettwa l-kapaċità tad-detenturi tad-drittijiet li jiddeterminaw jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, ix-xogħlijiet u materjal ieħor tagħhom jintużawx kif ukoll il-kapaċità tagħhom li jiksbu remunerazzjoni xierqa għal tali użu.
Għalhekk huwa importanti li jitrawwem l-iżvilupp tas-suq tal-liċenzjar bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-fornituri ta' servizz tal-kondiviżjoni tal-kontenut online.
Dawn il-ftehimiet ta' liċenzjar jenħtieġ li jkunu ġusti u jżommu bilanċ raġonevoli bejn iż-żewġ partijiet.
Id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li jiksbu remunerazzjoni xierqa għall-użu tax-xogħlijiet u ta' materjal ieħor tagħhom.
Madankollu, billi l-libertà kuntrattwali jenħtieġ li ma tiġix affettwata minn dawk id-dispożizzjonijiet, id-detenturi tad-drittijiet jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħtu awtorizzazzjoni jew jikkonkludu ftehimiet ta' liċenzjar.
- = -
(72) L-awturi u l-artisti għandhom it-tendenza li jkunu f'pożizzjoni kuntrattwali aktar dgħajfa meta jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, inkluż permezz tal-kumpanniji tagħhom stess, għall-finijiet ta' sfruttament għal remunerazzjoni, u dawk il-persuni fiżiċi jeħtieġu l-protezzjoni prevista minn din id-Direttiva sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw b'mod sħiħ mid-drittijiet armonizzati skont il-liġi tal-Unjoni.
Dik il-ħtieġa għal protezzjoni ma tirriżultax fejn il-kontroparti kuntrattwali taġixxi bħala utent aħħari u ma tisfruttax ix-xogħol jew il-prestazzjoni hija stess, li jista', pereżempju, ikun il-każ f'xi kuntratti ta' impjieg.
- = -
(73) Jenħtieġ li r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti għandha tkun xierqa u proporzjonata mal-valur ekonomiku attwali jew potenzjali tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti, filwaqt li jitqies il-kontribut tal-awtur jew tal-artist għax-xogħol globali jew materjal ieħor u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-każ, bħall-prattiki tas-suq jew l-isfruttament effettiv tax-xogħol. Ħlas ta' somma f'daqqa jista' wkoll jikkostitwixxi ħlas proporzjonat iżda jenħtieġ li dan ma jkunx ir-regola.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jiddefinixxu każijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta' ħlas ta' somom f'daqqa, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jimplimentaw il-prinċipju ta' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata permezz tal-mekkaniżmi differenti eżistenti jew li għadhom kif ġew introdotti, li jistgħu jinkludu negozjar kollettiv u mekkaniżmi oħra, dment li tali mekkaniżmi jkunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.
- = -
(74) L-awturi u l-artisti jeħtieġu informazzjoni sabiex jivvalutaw il-valur ekonomiku tad-drittijiet tagħhom li huma armonizzati skont il-liġi tal-Unjoni.
Dan huwa speċjalment il-każ meta persuni naturali jagħtu liċenzja jew jittrasferixxu d-drittijiet għall-iskopijiet ta' sfruttament għal remunerazzjoni.
Dik il-ħtieġa ma tinħoloqx meta l-isfruttament ikun waqaf, jew meta l-awtur jew l-artist ikun ta liċenzja lill-pubbliku ġenerali mingħajr remunerazzjoni.
- = -
(75) Peress li l-awturi u l-artisti aktarx li jkunu fil-pożizzjoni kuntrattwali l-aktar dgħajfa huma jagħtu liċenzji jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jkollhom bżonn informazzjoni biex jivvalutaw il-valur ekonomiku kontinwu tad-drittijiet tagħhom, meta mqabbla mar-remunerazzjoni li jirċievu għal-liċenzja tagħhom jew għat-trasferiment, iżda ħafna drabi jaffaċċjaw nuqqas ta' trasparenza.
Għaldaqstant, l-iskambju ta' informazzjoni adegwata u preċiża mill-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu huwa importanti għat-trasparenza u l-bilanċ tas-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti.
Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun aġġornata biex tippermetti aċċess għal data riċenti, rilevanti għall-isfruttament tax-xogħol jew tal-prestazzjoni u komprensiva b'tali mod li tkopri s-sorsi kollha ta' dħul rilevanti għall-każ, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising.
Sakemm l-isfruttament ikun għadu għaddej, il-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni disponibbli lilhom dwar il-modi kollha ta' sfruttament u dwar id-dħul rilevanti kollu madwar id-dinja b'regolarità li tkun xierqa fis-settur rilevanti, iżda minn tal-inqas kull sena.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta b'mod li jinftiehem mill-awtur jew mill-artist u għandha tippermetti l-valutazzjoni effikaċi tal-valur ekonomiku tad-drittijiet ikkonċernati.
Jenħtieġ li, madankollu, l-obbligu tat-trasparenza japplika biss fejn huma kkonċernati d-drittijiet tad-drittijiet rilevanti.
L-ipproċessar tad-data personali, bħad-dettalji ta' kuntatt u l-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, li huma meħtieġa biex l-awturi u l-artisti jinżammu infurmati fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom, jenħtieġ li jsir tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679.
- = -
(78) Ċerti kuntratti għall-isfruttament tad-drittijiet armonizzati fil-livell tal-Unjoni għandhom durata twila, li joffru ftit opportunitajiet għal awturi u artisti biex jinnegozjawhom mill-ġdid mal-kontropartijiet tagħhom jew mas-suċċessuri tagħhom fit-titolu fil-każ li l-valur ekonomiku tad-drittijiet ikun ogħla sew mill-istima inizjali.
Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli għall-kuntratti fl-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta' aġġustament tar-remunerazzjoni fir-rigward ta' każijiet meta l-ħlas kien oriġinarjament miftiehem taħt liċenzja jew trasferiment ta' drittijiet isir sproporzjonament baxx b'mod evidenti meta mqabbel mal-ammont tad-dħul rilevanti mill-isfruttament sussegwenti tax-xogħol jew l-iffissar tal-prestazzjoni min-naħa tal-kontroparti kuntrattwali tal-awtur jew l-artist.
Id-dħul kollu rilevanti għall-każ partikolari, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising jenħtieġ li jitqies għall-valutazzjoni ta' jekk in-numerazzjoni hijiex disproporzjonalment baxxa.
Jenħtieġ li l-istudju tas-sitwazzjoni jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ, inkluż il-kontribut tal-awtur u l-artist, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-prattiki ta' rimunerazzjoni fis-setturi ta' kontenut differenti, u jekk il-kuntratt huwiex ibbażat fuq ftehim ta' negozjar kollettiv.
Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-awturi u l-artisti b'mandat xieraq skont il-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lil awtur jew artist wieħed jew aktar fir-rigward ta' talbiet għall-aġġustament tal-kuntratti, filwaqt li jqisu wkoll l-interessi ta' awturi jew artisti oħra fejn rilevanti.
Jenħtieġ li dawk ir-rappreżentanti jipproteġu l-identità tal-awturi u l-artisti rrappreżentati sakemm dak ikun possibbli.
- = -