(3) L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati.
Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda.
Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku.
L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi.
Madankollu, għad hemm inċertezza legali, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-utenti, fir-rigward ta' ċerti użi, inkluż l-użu transfruntier ta' xogħlijiet u materjal ieħor fl-ambjent diġitali.
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew”, f'xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn.
Din id-Direttiva tipprevedi regoli biex jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ambjenti diġitali u transfruntiera, kif ukoll għal miżuri biex jiġu faċilitati ċerti prattiki ta' liċenzjar, b'mod partikolari imma mhux biss fir-rigward tat-tixrid tax-xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor u d-disponibbiltà online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess aktar wiesgħa għall-kontenut.
Hija tinkludi wkoll regoli li jiffaċilitaw l-użu tal-kontenut fid-dominju pubbliku.
Sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur, jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli dwar id-drittijiet f'pubblikazzjonijiet, dwar l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mill-fornituri ta' servizz online li jaħżnu u jagħtu aċċess għal kontenut imtella' tal-utent, dwar it-trasparenza ta' kuntratti tal-awturi u tal-artisti, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, kif ukoll mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li l-awturi u l-artisti jkunu ttrasferew fuq bażi esklussiva.
- = -
(60) Il-pubblikaturi, inklużi dawk ta' pubblikazzjonijiet tal-istampa, kotba jew pubblikazzjonijiet xjentifiċi u pubblikazzjonijiet tal-mużika, ta' spiss joperaw fuq il-bażi tat-trasferiment tad-drittijiet tal-awtur permezz ta' ftehim kuntrattwali jew dispożizzjonijiet statutorji.
F'dak il-kuntest, il-pubblikaturi jagħmlu investiment bl-għan li jisfruttaw ix-xogħlijiet li jinsabu fil-pubblikazzjonijiet tagħhom u jistgħu f'ċerti każijiet jiġu mċaħħda mid-dħul meta tali xogħlijiet jintużaw skont l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet bħal dawk għall-ikkupjar privat u r-reprografija, inklużi l-iskemi nazzjonali eżistenti korrispondenti għar-reprografija fl-Istati Membri, jew taħt skemi ta' self pubbliku.
F'ħafna Stati Membri, il-kumpens għall-użi taħt dawn l-eċċezzjonijiet jew il-limitazzjonijiet jinqasam bejn l-awturi u l-pubblikaturi.
Sabiex titqies din is-sitwazzjoni u biex tittejjeb iċ-ċertezza legali għall-partijiet kollha kkonċernati, din id-Direttiva tippermetti lill-Istati Membri li għandhom fis-seħħ skemi eżistenti għall-kondiviżjoni ta' kumpens bejn l-awturi u l-pubblikaturi biex iżommuhom.
Dak huwa partikolarment importanti għall-Istati Membri li kellhom tali mekkaniżmi għall-kondiviżjoni ta' kumpens qabel it-12 ta' Novembru 2015, għalkemm fi Stati Membri oħra, il-kumpens mhuwiex kondiviż u dovut biss lill-awturi f'konformità mal-politiki kulturali nazzjonali.
Filwaqt li din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika b'mod mhux diskriminatorju għall-Istati Membri kollha, jenħtieġ li tirrispetta t-tradizzjonijiet f'dan il-qasam u ma tobbligax lill-Istati Membri li attwalment m'għandhomx dawn l-iskemi ta' kondiviżjoni ta' kumpens biex jintroduċuhom.
Jenħtieġ li hija ma taffettwax l-arranġamenti eżistenti jew dawk futuri fl-Istati Membri rigward ir-remunerazzjoni fil-kuntest tas-self pubbliku.
- = -
(73) Jenħtieġ li r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti għandha tkun xierqa u proporzjonata mal-valur ekonomiku attwali jew potenzjali tad-drittijiet liċenzjati jew trasferiti, filwaqt li jitqies il-kontribut tal-awtur jew tal-artist għax-xogħol globali jew materjal ieħor u ċ-ċirkostanzi l-oħra kollha tal-każ, bħall-prattiki tas-suq jew l-isfruttament effettiv tax-xogħol. Ħlas ta' somma f'daqqa jista' wkoll jikkostitwixxi ħlas proporzjonat iżda jenħtieġ li dan ma jkunx ir-regola.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-libertà li jiddefinixxu każijiet speċifiċi għall-applikazzjoni ta' ħlas ta' somom f'daqqa, filwaqt li jqisu l-ispeċifiċitajiet ta' kull settur.
Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jimplimentaw il-prinċipju ta' remunerazzjoni xierqa u proporzjonata permezz tal-mekkaniżmi differenti eżistenti jew li għadhom kif ġew introdotti, li jistgħu jinkludu negozjar kollettiv u mekkaniżmi oħra, dment li tali mekkaniżmi jkunu konformi mal-liġi applikabbli tal-Unjoni.
- = -
(75) Peress li l-awturi u l-artisti aktarx li jkunu fil-pożizzjoni kuntrattwali l-aktar dgħajfa huma jagħtu liċenzji jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom, huma jkollhom bżonn informazzjoni biex jivvalutaw il-valur ekonomiku kontinwu tad-drittijiet tagħhom, meta mqabbla mar-remunerazzjoni li jirċievu għal-liċenzja tagħhom jew għat-trasferiment, iżda ħafna drabi jaffaċċjaw nuqqas ta' trasparenza.
Għaldaqstant, l-iskambju ta' informazzjoni adegwata u preċiża mill-kontropartijiet kuntrattwali tagħhom jew is-suċċessuri tagħhom fit-titolu huwa importanti għat-trasparenza u l-bilanċ tas-sistema li tirregola r-remunerazzjoni tal-awturi u l-artisti.
Jenħtieġ li dik l-informazzjoni tkun aġġornata biex tippermetti aċċess għal data riċenti, rilevanti għall-isfruttament tax-xogħol jew tal-prestazzjoni u komprensiva b'tali mod li tkopri s-sorsi kollha ta' dħul rilevanti għall-każ, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising.
Sakemm l-isfruttament ikun għadu għaddej, il-kontropartijiet kuntrattwali tal-awturi u l-artisti jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni disponibbli lilhom dwar il-modi kollha ta' sfruttament u dwar id-dħul rilevanti kollu madwar id-dinja b'regolarità li tkun xierqa fis-settur rilevanti, iżda minn tal-inqas kull sena.
Jenħtieġ li l-informazzjoni tiġi pprovduta b'mod li jinftiehem mill-awtur jew mill-artist u għandha tippermetti l-valutazzjoni effikaċi tal-valur ekonomiku tad-drittijiet ikkonċernati.
Jenħtieġ li, madankollu, l-obbligu tat-trasparenza japplika biss fejn huma kkonċernati d-drittijiet tad-drittijiet rilevanti.
L-ipproċessar tad-data personali, bħad-dettalji ta' kuntatt u l-informazzjoni dwar ir-remunerazzjoni, li huma meħtieġa biex l-awturi u l-artisti jinżammu infurmati fir-rigward tal-isfruttament tax-xogħlijiet u l-wirjiet tagħhom, jenħtieġ li jsir tal-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (UE) 2016/679.
- = -
(78) Ċerti kuntratti għall-isfruttament tad-drittijiet armonizzati fil-livell tal-Unjoni għandhom durata twila, li joffru ftit opportunitajiet għal awturi u artisti biex jinnegozjawhom mill-ġdid mal-kontropartijiet tagħhom jew mas-suċċessuri tagħhom fit-titolu fil-każ li l-valur ekonomiku tad-drittijiet ikun ogħla sew mill-istima inizjali.
Għaldaqstant, mingħajr preġudizzju għal-liġi applikabbli għall-kuntratti fl-Istati Membri, jenħtieġ li jiġi previst mekkaniżmu ta' aġġustament tar-remunerazzjoni fir-rigward ta' każijiet meta l-ħlas kien oriġinarjament miftiehem taħt liċenzja jew trasferiment ta' drittijiet isir sproporzjonament baxx b'mod evidenti meta mqabbel mal-ammont tad-dħul rilevanti mill-isfruttament sussegwenti tax-xogħol jew l-iffissar tal-prestazzjoni min-naħa tal-kontroparti kuntrattwali tal-awtur jew l-artist.
Id-dħul kollu rilevanti għall-każ partikolari, inkluż, fejn applikabbli, id-dħul mill-merchandising jenħtieġ li jitqies għall-valutazzjoni ta' jekk in-numerazzjoni hijiex disproporzjonalment baxxa.
Jenħtieġ li l-istudju tas-sitwazzjoni jqis iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ, inkluż il-kontribut tal-awtur u l-artist, kif ukoll l-ispeċifiċitajiet u l-prattiki ta' rimunerazzjoni fis-setturi ta' kontenut differenti, u jekk il-kuntratt huwiex ibbażat fuq ftehim ta' negozjar kollettiv.
Jenħtieġ li r-rappreżentanti tal-awturi u l-artisti b'mandat xieraq skont il-liġi nazzjonali, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni, ikunu jistgħu jipprovdu assistenza lil awtur jew artist wieħed jew aktar fir-rigward ta' talbiet għall-aġġustament tal-kuntratti, filwaqt li jqisu wkoll l-interessi ta' awturi jew artisti oħra fejn rilevanti.
Jenħtieġ li dawk ir-rappreżentanti jipproteġu l-identità tal-awturi u l-artisti rrappreżentati sakemm dak ikun possibbli.
- = -