(3) L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla qed ikomplu jbiddlu l-mod kif ix-xogħlijiet u materjal protett ieħor jinħolqu, jiġu prodotti, distribwiti u sfruttati.
Qed ikomplu joħorġu mudelli kummerċjali ġodda u atturi ġodda.
Il-leġislazzjoni rilevanti teħtieġ tkun valida għall-futur sabiex ma tillimitax l-iżvilupp teknoloġiku.
L-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mill-Unjoni fil-qafas tad-drittijiet tal-awtur jibqgħu sodi.
Madankollu, għad hemm inċertezza legali, kemm għad-detenturi tad-drittijiet kif ukoll l-utenti, fir-rigward ta' ċerti użi, inkluż l-użu transfruntier ta' xogħlijiet u materjal ieħor fl-ambjent diġitali.
Kif iddikjarat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Diċembru 2015 bit-titolu “Lejn qafas tad-drittijiet tal-awtur aktar modern u Ewropew”, f'xi oqsma huwa meħtieġ li l-qafas tad-drittijiet tal-awtur attwali tal-Unjoni jiġi adattat u supplimentat, filwaqt li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet oħrajn.
Din id-Direttiva tipprevedi regoli biex jiġu adattati ċerti eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għad-dritt tal-awtur u drittijiet relatati għall-ambjenti diġitali u transfruntiera, kif ukoll għal miżuri biex jiġu faċilitati ċerti prattiki ta' liċenzjar, b'mod partikolari imma mhux biss fir-rigward tat-tixrid tax-xogħlijiet li mhumiex fis-suq u materjal ieħor u d-disponibbiltà online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi li joffru video-on-demand bil-ħsieb li jiġi żgurat aċċess aktar wiesgħa għall-kontenut.
Hija tinkludi wkoll regoli li jiffaċilitaw l-użu tal-kontenut fid-dominju pubbliku.
Sabiex jinkiseb il-funzjonament tajjeb u ġust tas-suq għad-drittijiet tal-awtur, jenħtieġ li jkun hemm ukoll regoli dwar id-drittijiet f'pubblikazzjonijiet, dwar l-użu ta' xogħlijiet jew materjal ieħor mill-fornituri ta' servizz online li jaħżnu u jagħtu aċċess għal kontenut imtella' tal-utent, dwar it-trasparenza ta' kuntratti tal-awturi u tal-artisti, dwar ir-remunerazzjoni tal-awturi u tal-artisti, kif ukoll mekkaniżmu għar-revoka tad-drittijiet li l-awturi u l-artisti jkunu ttrasferew fuq bażi esklussiva.
- = -
(8) Teknoloġiji ġodda jippermettu l-analiżi komputazzjonali awtomatizzata ta' informazzjoni f'forma diġitali, bħat-test, il-ħsejjes, l-immaġni jew id-data, ġeneralment magħrufa bħala l-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
L-estrazzjoni tat-testi u tad-data tagħmel possibbli l-ipproċessar ta' ammonti kbar ta' informazzjoni bil-għan li jinkiseb għarfien ġdid u jiġu skoperti xejriet ġodda.
It-teknoloġiji tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data huma prevalenti fl-ekonomija diġitali, madankollu hemm rikonoxximent mifrux li l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tibbenefika b'mod partikolari lill-komunità tar-riċerka u b'hekk tappoġġa l-innovazzjoni.
Tali teknoloġiji huma ta' benefiċċju għall-universitajiet u organizzazzjonijiet ta' riċerka oħrajn, kif ukoll istituzzjonijiet tal-wirt kulturali, minħabba li dawn jistgħu wkoll iwettqu riċerka fil-kuntest tal-attivitajiet ewlenin tagħhom.
Madankollu, fl-Unjoni, organizzazzjonijiet u istituzzjonijiet bħal dawn qed iħabbtu wiċċhom ma' inċertezza legali dwar sa fejn ikunu jistgħu jwettqu estrazzjoni tat-test u tad-data tal-kontenut.
F'ċerti każijiet, l-estrazzjoni tat-testi u tad-data tista' tinvolvi atti protetti bid-drittijiet tal-awtur, bid-dritt tal-bażi tad-data sui generis jew bit-tnejn, b'mod partikolari, ir-riproduzzjoni ta' xogħlijiet jew materjal ieħor, l-estrazzjoni tal-kontenut minn bażi tad-data jew it-tnejn, li tiġri pereżempju meta d-data tiġi normalizzata fil-proċess tal-estrazzjoni tat-testi u tad-data.
Fejn ma tapplika l-ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni, awtorizzazzjoni biex jitwettqu tali atti hija meħtieġa mid-detenturi tad-drittijiet.
- = -
(83) Minħabba li l-għan ta' din id-Direttiva, jiġifieri l-modernizzazzjoni ta' ċerti aspetti tal-qafas tad-drittijiet tal-awtur tal-Unjoni biex jitqiesu l-iżviluppi teknoloġiċi u mezzi ġodda ta' distribuzzjoni ta' kontenut protett fis-suq intern, ma jistax jinkiseb sew mill-Istati Membri iżda jista', minħabba l-iskala, l-effetti u d-dimensjoni transfruntiera tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE.
F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-għan.
- = -