(12) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex regolati minn din id-Direttiva, bħar-regoli nazzjonali dwar il-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti ta' kuntratti jew il-legalità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Jenħtieġ li din id-Direttiva lanqas ma tiddetermina n-natura legali ta’ kuntratti għall-provvista ta' kontenut diġitali jew servizz diġitali, u l-kwistjoni dwar jekk tali kuntratti jikkostitwixxux, pereżempju, kuntratt ta' bejgħ, servizz, kiri jew kuntratt sui generis, jenħtieġ li titħalla f'idejn il-liġi nazzjonali.
Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b'mod speċifiku kuntratti tal-konsumatur u li jipprevedu rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta' difetti li ma kinux apparenti fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt ta' bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-kummerċjant għal difetti moħbija.
Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta' nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, kontra persuni f'ħoloq preċedenti tal-katina ta' tranżazzjonijiet, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni.
- = -
(18) Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għal kwalunkwe kuntratt fejnil-kummerċjant jipprovdi jew jimpenja ruħu li jipprovdi kontenut diġitali jew servizz diġitali lill-konsumatur.
Fornituri ta' pjattaformi jistgħu jitqiesu bħala kummerċjanti taħt din id-Direttiva jekk jaġixxu għal skopijiet relatati man-negozju tagħhom stess u bħala s-sieħeb kuntrattwali dirett tal-konsumatur għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
L-Istati Membri jenħtieġ li jibqgħu liberi li jestendu l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva għal fornituri ta’ pjattaformi li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti sabiex ikunu kkunsidrati "kummerċjant" taħt din id-Direttiva;
- = -
(53) Restrizzjonijiet fuq l-użu tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-konsumatur f'konformità ma' din id-Direttiva jistgħu jirriżultaw minn limitazzjonijiet imposti mid-detentur tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali f'konformità mal-liġi dwar il-proprjetà intellettwali.
Tali restrizzjonijiet jistgħu jirriżultaw minn ftehim ta' liċenzja tal-utent finali li permezz tiegħu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali jiġi pprovdut lill-konsumatur.
Dan jista' jkun il-każ meta, pereżempju, ftehim dwar il-liċenzja tal-utent finali jipprojbixxi lill-konsumatur milli juża ċerti karatteristiċi relatati mal-funzjonalità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Tali restrizzjoni tista' tagħmel il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali bi ksur tar-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità stabbiliti f'din id-Direttiva, jekk kienet tikkonċerna karatteristiċi li normalment jinstabu f'kontenut diġitali jew f'servizzi diġitali tal-istess tip u li l-konsumatur jista' raġonevolment jistenna.
F'każijiet bħal dawn, il-konsumatur jenħtieġ li jkun jista' jitlob ir-rimedji pprovduti f’din id-Direttiva għan-nuqqas ta' konformità kontra l-kummerċjant li pprovda l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali.
Il-kummerċjant jenħtieġ li jkun jista' jevita biss tali responsabbiltà billi jissodisfa l-kundizzjonijiet għal deroga mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità kif stabbiliti f'din id-Direttiva, jiġifieri biss jekk il-kummerċjant speċifikament jinforma lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt li karatteristika partikolari tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali tiddevja mir-rekwiżiti oġġettivi għall-konformità, u l-konsumatur ikun aċċetta dik id-devjazzjoni espressament u separatament.
- = -