(7) Regoli armonizzati b'mod sħiħ tal-liġi kuntrattwali tal-konsumaturi fl-Istati Membri kollha jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, li joffru kontenut diġitali jew servizzi diġitali mal-Unjoni kollha.
Huma jkunu joffru lin-negozji ambjent stabbli tal-liġi kuntrattwali meta jipprovdu kontenut diġitali jew servizzi diġitali fi Stati Membri oħra.
Dawn ikunu jipprevjenu wkoll il-frammentazzjoni legali li altrimenti tirriżulta minn leġiżlazzjoni nazzjonali ġdida li tirregola speċifikament kontenut diġitali u servizzi diġitali.
- = -
(8) Il-konsumaturi jenħtieġ li jibbenefikaw minn drittijiet armonizzati b'mod sħiħ għall-provvista ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali li jipprovdu livell għoli ta' protezzjoni.
Huma jenħtieġ li jkollhom drittijiet obbligatorji ċari meta jirċievu kontenut diġitali jew servizzi diġitali jew jiksbu aċċess għalih minn kwalunkwe post fl-Unjoni.
Li wieħed ikollu tali drittijiet jenħtieġ li jżid il-fiduċja tagħhom fix-xiri ta' kontenut diġitali u servizzi diġitali.
Dan jenħtieġ li jikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tad-danni li qegħdin isofru bħalissa l-konsumaturi, minħabba li jkun hemm sett ta' drittijiet ċari li jagħtuhom iċ-ċans li jindirizzaw il-problemi li jiffaċċjaw bil-kontenut diġitali jew bis-servizzi diġitali.
- = -
(11) Din id-Direttiva jenħtieġ li tistabbilixxi regoli komuni dwar ċerti rekwiżiti li jikkonċernaw kuntratti bejn kummerċjanti u konsumaturi għall-provvista ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
Għal dan il-għan, jenħtieġ li jiġu armonizzati bis-sħiħ ir-regoli dwar il-konformità ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali makuntratt, rimedji f'każ ta' nuqqas ta' tali konformità jew nuqqas ta' provvista u l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta' dawk ir-rimedji, kif ukoll dwar il-modifika ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali.
Regoli kompletament armonizzati fir-rigward ta' xi elementi essenzjali tal-liġi tal-kuntratti mal-konsumaturi għandhom jagħmluha aktar faċli għan-negozji, speċjalment għall-SMEs, biex joffru l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra.
Permezz tal-armonizzazzjoni kompleta tar-regoli ewlenin, il-konsumaturi jibbenefikaw minn livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-benesseri.
L-Istati Membri huma preklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva milli jipprovdu għal kwalunkwe rekwiżit ulterjuri formali jew sostantiv.
Pereżempju, jenħtieġ li l-Istati Membri ma jipprevedux regoli dwar l-inverżjoni tal-oneru tal-provi li huma differenti minn dawk previsti f'din id-Direttiva, jew obbligu għall-konsumatur li jinnotifika lill-kummerċjant dwar nuqqas ta' konformità fi żmien perjodu speċifiku.
- = -
(44) Peress li l-kontenut u s-servizzi diġitali qegħdin kulma jmur dejjem jiżviluppaw, il-kummerċjanti jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti u funzjonijiet hekk kif dawn isiru disponibbli.
Jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b'rabta ma' jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx ġie aġġornat bil-mod li jkun ġie stipulat fil-kuntratt.
Jenħtieġ li n-nuqqas ta' provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew li ma jkunux kompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, peress li dak ikun ifisser li tali aġġornamenti ma jkunux twettqu bil-mod stipulat fil-kuntratt.
- = -