(44) Peress li l-kontenut u s-servizzi diġitali qegħdin kulma jmur dejjem jiżviluppaw, il-kummerċjanti jistgħu jaqblu mal-konsumaturi li jipprovdu aġġornamenti u funzjonijiet hekk kif dawn isiru disponibbli.
Jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, għalhekk, tiġi vvalutata wkoll b'rabta ma' jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunx ġie aġġornat bil-mod li jkun ġie stipulat fil-kuntratt.
Jenħtieġ li n-nuqqas ta' provvista ta’ aġġornamenti li kienu ġew miftiehma fil-kuntratt jitqies bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali.
Barra minn hekk, jenħtieġ li l-aġġornamenti difettużi jew li ma jkunux kompleti jitqiesu wkoll bħala nuqqas ta' konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, peress li dak ikun ifisser li tali aġġornamenti ma jkunux twettqu bil-mod stipulat fil-kuntratt.
- = -
(50) Huma u japplikaw ir-regoli ta' din id-Direttiva, il-kummerċjanti jenħtieġ li jużaw standards, speċifikazzjonijiet tekniċi miftuħa, prattiki tajba u kodiċijiet ta' kondotta, inkluż fir-rigward tal-format ta' data li komunement jintuża u li jkun jista' jinqara minn magna għall-irkupru ta' kontenut għajr data personali li ġiet ipprovduta jew maħluqa mill-konsumatur meta juża l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali, u inkluż fejn tidħol is-sigurtà tas-sistemi tal-informazzjoni u l-ambjenti diġitali, kemm jekk stabbilit fil-livell internazzjonali, kemm jekk fil-livell tal-Unjoni, u kemm jekk fil-livell ta' settur industrijali speċifiku.
F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni tista' titlob l-iżvilupp ta' standards internazzjonali u tal-Unjoni u t-tfassil ta' kodiċi ta' kondotta mill-assoċjazzjonijiet tal-kummerċ u organizzazzjonijiet oħrajn rappreżentattivi li jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva.
- = -
(56) Il-kontenut diġitali jew is-servizzi diġitali jista' jiġi pprovdut lill-konsumaturi permezz ta' att uniku ta' provvista, pereżempju meta l-konsumaturi jniżżlu ktieb elettroniku u jaħżnuh fuq l-apparat personali tagħhom.
Bl-istess mod, il-provvista tista' tikkonsisti f'sensiela ta' atti individwali bħal dawn, pereżempju meta l-konsumaturi jirċievu link biex iniżżlu ktieb elettroniku ġdid kull ġimgħa.
L-element distintiv ta' din il-kategorija ta' kontenut diġitali jew ta' servizz diġitali huwa l-fatt li l-konsumaturi minn dakinhar 'il quddiem għandhom il-possibbiltà li jkollhom aċċess għall-kontenut diġitali jew għas-servizz diġitali u jużawh b'mod indefinit.
F'tali każijiet, jenħtieġ li l-konformità tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali tiġi vvalutata fil-mument tal-provvista, u għalhekk jenħtieġ li l-kummerċjant ikun responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jeżisti fil-mument meta jsir l-att uniku ta' provvista jew meta jsir kull att ta' provvista individwali.
Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, il-kummerċjanti u l-konsumaturi jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu fuq perjodu minimu armonizzat li matulu l-kummerċjant jenħtieġ li jinżamm responsabbli għal nuqqas ta' konformità.
Fir-rigward ta' kuntratti li jipprevedu att uniku ta' provvista jew sensiela ta' atti individwali ta' provvista tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali, jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-kummerċjanti jkunu responsabbli għal mhux inqas minn sentejn mill-mument tal-provvista, jekk taħt il-liġi nazzjonali rispettiva tiegħu l-kummerċjant huwa responsabbli biss għal kwalunkwe nuqqas ta' konformità li jsir apparenti f'perjodu ta' żmien wara l-provvista.
- = -