(2) Jenħtieġ li l-liġi għall-ħarsien tal-konsumatur tiġi applikata b’mod effettiv fl-Unjoni kollha.
Madankollu, il-Kontroll tal-Idoneità komprensiv tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni fl-2016 u fl-2017 fil-qafas tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) ikkonkluda li l-effettività tal-liġi ta’ protezzjoni tal-konsumatur tal-Unjoni hija kompromessa minn nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni kemm fost il-kummerċjanti kif ukoll fost il-konsumaturi u li mezzi eżistenti ta’ rimedju jistgħu jiġu sfruttati aktar ta’ spiss.
- = -
(17) Il-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumaturi u l-kummerċjalizzazzjoni u l-evalwazzjoni parallela tad-Direttiva 2011/83/UE identifikaw ukoll numru ta’ oqsma fejn ir-regoli eżistenti tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jenħtieġ li jiġu mmodernizzati.
Fid-dawl tal-iżvilupp kontinwu tal-għodod diġitali, huwa meħtieġ l-aġġustament tal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
- = -
(40) Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE jinkludu l-għoti ta’ informazzjoni lill-konsumatur dwar il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant.
Il-konklużjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-liġi dwar il-konsumatur u l-kummerċjalizzazzjoni juru li dik l-informazzjoni hija l-aktar rilevanti fl-istadju prekuntrattwali, li huwa regolat mid-Direttiva 2011/83/UE.
Ir-rekwiżit li tiġi pprovduta dik l-informazzjoni fi stediniet għax-xiri fl-istadju ta’ reklamar taħt id-Direttiva 2005/29/KE għandu għalhekk jiħassar.
- = -
(51) L-Artikolu 16 tal-Karta jiggarantixxi l-libertà tal-intrapriża skont id-dritt tal-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiki nazzjonali.
Madankollu, il-kummerċjalizzazzjoni madwar l-Istati Membri ta’ oġġetti bħala identiċi meta fir-realtà jkunu differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew karatteristiċi li jistgħu jqarrqu bil-konsumaturi u jwassluhom biex jieħdu deċiżjoni tranżazzjonali li ma kinux jieħdu f’sitwazzjoni oħra.
- = -
(53) Madankollu, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni espliċita, l-esperjenza ta’ infurzar uriet li jista’ ma jkunx ċar għall-konsumaturi, kummerċjanti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti liema prattiki kummerċjali jistgħu jmorru kontra d-Direttiva 2005/29/KE.
Għalhekk, jenħtieġ li dik id-Direttiva tiġi emendata biex tiġi żgurata ċertezza legali kemm għall-kummerċjanti kif ukoll għall-awtoritajiet tal-infurzar billi tiġi indirizzata b’mod espliċitu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ oġġett bħala identiku għal oġġett ikkumerċjalizzat fi Stati Membri oħra, fejn dak l-oġġett ikun differenti b’mod sinifikanti fil-kompożizzjoni jew il-karatteristiċi.
Jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jivvalutaw u jindirizzaw fuq bażi ta’ każ b’każ tali prattiki skont id-Direttiva 2005/29/KE, kif emendata minn din id-Direttiva.
Fit-twettiq tal-valutazzjoni tagħha, l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tqis jekk tali differenzazzjoni tkunx faċilment identifikabbli mill-konsumaturi, id-dritt ta’ kummerċjant li jadatta għal oġġetti tal-istess marka fi swieq ġeografiċi differenti minħabba fatturi leġittimi u oġġettivi, bħal liġi nazzjonali, disponibbiltà jew l-istaġunalità tal-materja prima jew strateġiji volontarji bil-għan li jtejbu l-aċċess għal ikel tajjeb għas-saħħa u nutrittiv, kif ukoll id-dritt tal-kummerċjanti li joffru oġġetti tal-istess marka f’pakketti ta’ piż jew volum differenti fi swieq ġeografiċi differenti.
L-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jivvalutaw jekk tali differenzazzjoni hijiex faċilment identifikabbli mill-konsumaturi billi jħarsu lejn id-disponibbiltà u l-adegwatezza tal-informazzjoni.
Huwa importanti li l-konsumaturi jiġu infurmati dwar id-differenzazzjoni tal-oġġetti minħabba fatturi leġittimi u oġġettivi.
Il-kummerċjanti jenħtieġ li jkunu liberi li jipprovdu din l-informazzjoni b’modi differenti li jippermettu lill-konsumaturi jkollhom aċċess għall-informazzjoni meħtieġa.
Il-kummerċjanti jenħtieġ li ġeneralment jippreferu alternattivi għall-għoti ta’ informazzjoni fuq it-tikketta tal-oġġetti.
Ir-regoli settorjali rilevanti tal-Unjoni u r-regoli dwar il-moviment liberu tal-oġġetti jenħtieġ li jiġu rispettati.
- = -
(54) Filwaqt li bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju huwa mezz leġittimu ta’ bejgħ u stabbilit sew, bħal bejgħ fi stabbiliment kummerċjali tal-kummerċjant u bħall-bejgħ mill-bogħod, xi prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ bejgħ partikolarment aggressivi jew qarrieqa fil-kuntest ta’ żjarat f’dar ta’ konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali kif imsemmi fil-punt (8) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83/UE jistgħu jpoġġu lill-konsumaturi taħt pressjoni biex jixtru oġġetti jew servizzi li huma kieku ma kinux jixtru jew ma kinux jixtru bi prezzijiet eċċessivi, li spiss jinvolvu ħlas immedjat.
Tali prattiki spiss ikunu mmirati lejn anzjani jew konsumaturi vulnerabbli oħra.
Xi Stati Membri jqisu li dawk il-prattiċi mhumiex mixtieqa u jemmnu li huwa meħtieġ li ċerti forom u aspetti ta’ bejgħ lil hinn mill-post tan-negozju jiġu ristretti fis-sens tad-Direttiva 2011/83/UE, bħall-kummerċjalizzazzjoni aggressiva u qarrieqa jew il-bejgħ ta’ prodott fil-kuntest ta’ żjarat mhux mitluba fid-dar tal-konsumatur jew ta’ vjaġġi promozzjonali.
Fejn tali restrizzjonijiet jiġu adottati għal raġunijiet oħra minbarra l-protezzjoni tal-konsumatur, bħall-interess pubbliku jew rispett tal-ħajja privata tal-konsumaturi kif protett mill-Artikolu 7 tal-Karta, dawn jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2005/29/KE.
- = -