search


keyboard_tab Contratti di vendita di beni conformi 2019/0771 MT

BG CS DA DE EL EN ES ET FI FR GA HR HU IT LV LT MT NL PL PT RO SK SL SV print pdf

2019/0771 MT cercato: 'wkoll' . Output generated live by software developed by IusOnDemand srl
 

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-kuntratti ta’ bejgħ bejn konsumatur u bejjiegħ.

2.   Kuntratti bejn konsumatur u bejjiegħ għall-provvista ta’ oġġetti li jridu jiġu manifatturati jew prodotti għandhom jitqiesu wkoll bħala kuntratti ta’ bejgħ għall-iskop ta’ din id-Direttiva.

3.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti għall-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali. Madankollu, għandha tapplika għal kontenut jew servizzi diġitali li jkunu inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, fis-sens tal-punt (5)(b) tal-Artikolu 2, u li jiġu pprovduti mal-oġġetti skont il-kuntratt tal-bejgħ, irrispettivament minn jekk tali kontenut jew servizz diġitali jkunx fornut mill-bejjiegħ jew minn parti terza. F’każ ta’ dubju dwar jekk il-provvista ta’ kontenut diġitali inkorporat jew interkonness jew servizz diġitali inkorporat jew interkonness jifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ, il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali għandu jkun preżunt li jkun kopert mill-kuntratt tal-bejgħ.

4.   Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal:

(a)

kwalunkwe mezz tanġibbli li jservi esklużivament bħala trasportatur għall-kontenut diġitali; jew

(b)

kwalunkwe oġġett mibjugħ b’eżekuzzjoni jew bl-awtorità tal-liġi.

5.   L-Istati jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva kuntratti għall-bejgħ ta’:

(a)

oġġetti użata mibjugħa b’subbasta; u

(b)

annimali ħajjin.

Fil-każ imsemmi fil-punt (a), għandha titqiegħed faċilment għad-dispożizzjoni tal-konsumaturi informazzjoni ċara u komprensiva li d-drittijiet li joħorġu minn din id-Direttiva ma japplikawx.

6.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà li l-Istati Membri jirregolaw l-aspetti tal-liġi ġenerali dwar il-kuntratti, bħar-regoli dwar it-tfassil, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti, inklużi l-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ kuntratt, dment li dawn ma jkunux regolati f’din id-Direttiva, jew id-dritt għal kumpens għad-danni.

7.   Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-libertà tal-Istati Membri li jippermettu lill-konsumaturi jagħżlu rimedju speċifiku, jekk in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti jsir evidenti f’perjodu wara l-konsenja, li ma jaqbiżx it-30 jum. Barra minn hekk, din id-Direttiva m’ għandhiex taffettwa r-regoli nazzjonali mhux speċifiċi għal kuntratti tal-konsumatur li jipprovdu rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux jidhru fil-mument tal-għeluq tal-kuntratt tal-bejgħ.

Artikolu 10

Responsabbiltà tal-bejjiegħ

1.   Il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti mal-konsenja tal-oġġetti u li jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn minn dakinhar. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7(3), dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, li għalihom il-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi forniment kontinwu tal-kontenut jew is-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli wkoll għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fi żmien sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti b’elementi diġitali. Jekk il-kuntratt jipprevedi provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, il-bejjiegħ għandu jkun responsabbli għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut jew is-servizz diġitali jrid jiġi fornut skont il-kuntratt ta’ bejgħ.

3.   L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu limiti ta’ żmien itwal minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   Jekk, skont il-liġi nazzjonali, ir-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 ikunu wkoll soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien imsemmi f’dawk il-paragrafi.

5.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ limitazzjoni għar-rimedji previsti fl-Artikolu 13 biss. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali perjodu ta’ limitazzjoni jippermetti lill-konsumatur jeżerċita r-rimedji stabbiliti fl-Artikolu 13 għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li l-bejjiegħ ikun responsabbli għalih skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, u li jimmanifesta ruħu fil-perjodu ta’ żmien indikat f’dawk il-paragrafi.

6.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li, f’każ ta’ oġġetti użati, il-bejjiegħ u l-konsumatur jistgħu jaqblu ma’ termini kuntrattwali jew ftehimiet b’perjodi ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar minn dawk imsemmija fil-paragrafu 1, 2 u 5, sakemm tali perjodi iqsar ma għandhomx ikunu inqas minn sena.

Artikolu 11

Oneru tal-provi

1.   Kwalunkwe nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fi żmien sena mill-mument li fih ikunu ġew konsenjati l-oġġetti għandu jkun preżunt li kien jeżisti fil-mument tal-konsenja, sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor jew din il-preżunzjoni tkun inkompatibbli man-natura tal-oġġetti jew man-natura tan-nuqqas ta’ konformità. Dan il-paragrafu għandu japplika għal oġġetti b’elementi diġitali wkoll.

2.   Minflok il-perjodu ta’ sena stabbilit fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu perjodu ta’ sentejn mill-mument tal-konsenja tal-oġġetti.

3.   F’każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali meta l-kuntratt tal-bejgħ jipprevedi provvista kontinwa tal-kontenut diġitali jew tas-servizz diġitali fuq perjodu ta’ żmien, l-oneru tal-provi fir-rigward ta’ jekk il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali kienx konformi fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fl-Artikolu 10(2) għandu jkun fuq il-bejjiegħ għal nuqqas ta’ konformità li jimmanifesta ruħu fil-perjodu imsemmi f’dak l-Artikolu.


whereas









keyboard_arrow_down