(16) B’kuntrast, jekk in-nuqqas tal-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat jew interkonness ma jwaqqafx lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom, jew jekk il-konsumatur jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ kontenut jew servizz diġitali li ma jiffurmax parti minn kuntratt ta’ bejgħ ta’ oġġetti b’elementi diġitali, dak il-kuntratt jenħtieġ li ikun meqjus separat mill-kuntratt għal bejgħ tal-oġġetti, anki jekk il-bejjiegħ jaġixxi bħala intermedjarju ta’ dak it-tieni kuntratt mal-fornitur terz, u jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tagħha.
Pereżempju, jekk il-konsumatur iniżżel logħba fuq l-ismartphone tiegħu, il-kuntratt għall-provvista ta’ dik l-applikazzjoni tkun separata mill-kuntratt għall-bejgħ tal-ismartphone innifsu.
Jenħtieġ li din id-Direttiva għalhekk tapplika biss għall-kuntratt tal-bejgħ tal-ismartphone, filwaqt li l-provvista tal-applikazzjoni tal-logħob jenħtieġ taqa’ taħt id-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
Eżempju ieħor huwa fejn jiġi miftiehem b’mod espliċitu li l-konsumatur jixtri smartphone mingħajr sistema operattiva speċifika u l-konsumatur sussegwentement jikkonkludi kuntratt għall-provvista ta’ sistema operattiva minn parti terza.
F’tali każ, il-provvista tas-sistema operattiva li tinxtara separatament ma tifformax parti mill-kuntratt tal-bejgħ u għalhekk ma taqax fl-ambitu tad-Direttiva (UE) 2019/770, iżda tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770, jekk il-kondizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva jiġu ssodisfatti.
- = -
(18) Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġi nazzjonali sal-punt li l-kwistjonijiet ikkonċernati mhumiex irregolati minn din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-legalità tal-oġġetti, id-danni u aspetti ġenerali relatati mal-liġi kuntrattwali bħall-formazzjoni, il-validità, in-nullità jew l-effetti tal-kuntratti.
L-istess jenħtieġ li japplika b’relazzjoni mal-konsegwenzi tat-terminazzjoni tal-kuntratt u għal ċerti aspetti dwar it-tiswija u s-sostituzzjoni, li mhumiex irregolati f’din id-Direttiva.
Fir-regolamentazzjoni tad-drittijiet tal-partijiet biex iżommu t-twettiq tal-obbligi tagħhom jew parti minnhom sa ma l-parti l-oħra twettaq l-obbligi tagħha, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet dwar iż-żamma tal-ħlas tal-prezz mill-konsumatur.
Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jibqgħu liberi li jirregolaw id-dritt tal-konsumatur għal kumpens għad-danni mġarrba b’konsegwenza ta’ ksur ta’ din id-Direttiva min-naħa tal-bejjiegħ.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax ir-regoli nazzjonali li ma jikkonċernawx b’mod speċifiku l-kuntratti tal-konsumatur u li jipprovdu għal rimedji speċifiċi għal ċerti tipi ta’ difetti li ma kinux immanifestaw ruħhom fil-mument li ġie konkluż il-kuntratt tal-bejgħ, jiġifieri dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu jistabbilixxu regoli speċifiċi għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ għal kwalunkwe difett moħbi.
Jenħtieġ ukoll li din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet nazzjonali li jipprevedu rimedji mhux kuntrattwali għall-konsumatur, fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti, kontra persuni f’ħoloq preċedenti tal-katina ta-tranżazzjonijiet, pereżempju l-manifatturi, jew persuni oħra li jissodisfaw l-obbligi ta’ tali persuni.
- = -
(66) Id-Direttiva 1999/44/KE jenħtieġ li titħassar.
Jenħtieġ li d-data tat-tħassir tkun allinjata mad-data tat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva.
Sabiex jiġi żgurat li l-liġijiet, r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex l-Istati Membri jkunu konformi ma’ din id-Direttiva huma applikati b’mod uniformi għal kuntratti konklużi mid-data tat-traspożizzjoni ’l quddiem, jenħtieġ li din id-Direttiva ma tapplikax għal kuntratti konklużi qabel id-data tat-traspożizzjoni tagħha.
- = -
(71) Huwa xieraq li l-Kummissjoni tagħmel rieżami tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tagħha, inklużi b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji, l-oneru tal-provi anki fir-rigward ta’ oġġetti użati kif ukoll oġġetti mibjugħa f’irkanti pubbliċi u l-garanzija kummerċjali tal-produttur rigward id-durabbiltà.
Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll jekk l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u tad-Direttiva (UE) 2019/770 tiżgurax qafas legali konsistenti u koerenti fir-rigward tal-provvista ta’ kontenut jew servizzi diġitali u oġġetti b’elementi diġitali.
- = -
(72) Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 16, 38 u 47 tagħha,
- = -