(4) Il-kummerċ elettroniku huwa motivatur ewlieni għat-tkabbir fis-suq intern.
madankollu l-potenzjal tiegħu għat-tkabbir għadu mhuwiex sfruttat b’mod sħiħ.
Sabiex tissaħħaħ il-kompetittività tal-Unjoni u jiżdied it-tkabbir, l-Unjoni hemm bżonn li taġixxi malajr u tinkoraġġixxi lill-atturi ekonomiċi sabiex jisfruttaw il-potenzjal sħiħ offrut mis-suq intern.
Il-potenzjal sħiħ tas-suq intern jista’ jiġi sfruttat biss jekk il-parteċipanti kollha fis-suq igawdu aċċess bla xkiel għall-bejgħ transfruntier ta’ oġġetti, inkluż fi tranżazzjonijiet ta’ kummerċ elettroniku.
Ir-regoli tal-liġi kuntrattwali li abbażi tagħhom il-parteċipanti fis-suq jikkonkludu t-tranżazzjonijiet huma fost il-fatturi ewlenin li jiddeterminaw id-deċiżjoni tan-negozji dwar jekk joffrux oġġetti bejn il-fruntieri jew le.
Dawk ir-regoli jinfluwenzaw ukoll ir-rieda tal-konsumaturi li jħaddnu u jafdaw dan it-tip ta’ xiri.
- = -
(22) Id-definizzjoni ta’ konsumatur jenħtieġ li tkopri l-persuni fiżiċi li jaġixxu barra l-kummerċ, in-negozju, is-sengħa jew il-professjoni tagħhom.
madankollu, jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu wkoll liberi li jiddeterminaw, f’każ ta’ kuntratti bi skop dupliċi, meta l-kuntratt ikun konkluż għal skopijiet li huma parzjalment fl-ambitu u parzjalment barra mill-ambitu tal-kummerċ ta’ persuna, u fejn l-iskop tal-kummerċ tant ikun limitat li ma jkunx predominanti fil-kuntest kumplessiv tal-kuntratt, jekk, u taħt liema kundizzjonijiet, dik il-persuna jenħtieġ li titqies bħala konsumatur ukoll.
- = -
(30) Minbarra aġġornamenti miftiehma kuntrattwalment, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi wkoll aġġornamenti, fosthom aġġornamenti tas-sigurtà, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti b’elementi diġitali jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-obbligu tal-bejjiegħ ikun limitat għall-aġġornamenti li huma meħtieġa biex tali oġġetti jżommu l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti oġġettivi u soġġettivi tal-konformità stabbiliti f’din id-Direttiva.
Sakemm il-partijiet ma jkunux ftehmu kuntrattwalment mod ieħor, jenħtieġ li l-bejjiegħ ma jkunx obbligat jipprovdi verżjonijiet aġġornati tal-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali tal-oġġetti jew li jtejjeb jew jestendi l-funzjonalitajiet tal-oġġetti apparti r-rekwiżiti relatati mal-konformità.
Jekk aġġornament ipprovdut mill-bejjiegħ jew minn parti terza li tipprovdi l-kontenut jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ jikkawża nuqqas ta’ konformità fl-oġġett b’elementi diġitali, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli biex l-oġġett jerġa’ jinġieb f’konformità.
Il-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ liberu li jagħżel jekk jinstallax l-aġġornamenti pprovduti.
Jekk il-konsumatur jiddeċiedi li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa għall-oġġetti b’elementi diġitali biex tinżamm il-konformità tagħhom, jenħtieġ li l-konsumatur, madankollu, ma jistenniex li tali oġġetti jibqgħu konformi.
Jenħtieġ li l-bejjiegħ jinforma lill-konsumatur li d-deċiżjoni tal-konsumatur li ma jinstallax l-aġġornamenti meħtieġa biex il-kontenut jew is-servizz diġitali jinżamm f’konformità, inklużi aġġornamenti tas-sigurtà, ser taffettwa r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-konformità ta’ dawk il-karatteristiċi tal-kontenut jew is-servizz diġitali li l-aġġornamenti rilevanti suppost li jżommu f’konformità.
Jenħtieġ li din id-Direttiva ma taffettwax l-obbligi li jiġu pprovduti l-aġġornamenti tas-sigurtà stabbiliti f’liġi oħra tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.
- = -
(31) Bħala prinċipju, fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali fejn il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporati fl-oġġetti, jew interkonnessi magħhom, ikunu pprovduti f’att ta’ provvista wieħed, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun responsabbli biss għan-nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument tal-konsenja.
madankollu, jenħtieġ li fl-obbligu li jingħataw aġġornamenti jirriflettu l-fatt li l-ambjent diġitali ta’ kwalunkwe oġġett bħal dan jinbidel kontinwament.
Għalhekk, l-aġġornamenti huma għodda meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jkunu jistgħu jiffunzjonaw bl-istess mod kif kienu fil-mument tal-konsenja.
Barra minn hekk, b’differenza minn oġġetti tradizzjonali, l-oġġetti b’elementi diġitali mhumiex kompletament separati mill-isfera tal-bejjiegħ peress li l-bejjiegħ, jew persuna terza li tipprovdi l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali taħt il-kuntratt tal-bejgħ, tista’ taġġorna l-oġġetti mill-bogħod, ġeneralment permezz tal-Internet.
Għalhekk, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali jkunu fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista, jenħtieġ li l-bejjiegħ ikun responsabbli li jipprovdi l-aġġornamenti meħtieġa biex l-oġġetti b’elementi diġitali jinżammu f’konformità fil-perjodu li l-konsumatur jista’ jistenna raġonevolment, anki jekk l-oġġetti kienu f’konformità fil-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li l-perjodu ta’ żmien li fih il-konsumatur jista’ raġonevolment jistenna li jirċievi aġġornamenti jiġi vvalutat abbażi tat-tip u l-iskop tal-oġġetti u l-elementi diġitali, u filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkustanzi u n-natura tal-kuntratt tal-bejgħ.
Konsumatur normalment jistenna li jirċievi aġġornamenti għal mhux inqas mit-tul ta’ żmien li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità, waqt li f’xi każijiet l-istennija raġonevoli tal-konsumatur tista’ testendi lil hinn minn dak il-perjodu, kif jista’ jkun il-każ partikolarment fir-rigward tal-aġġornamenti tas-sigurtà.
F’każijiet oħra, pereżempju fir-rigward ta’ oġġetti b’elementi diġitali li l-għan tagħhom huwa limitat fiż-żmien, l-obbligu tal-bejjiegħ li jipprovdi aġġornamenti normalment ikun limitat għal dak iż-żmien.
- = -
(37) Ċertezza legali akbar kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-bejjiegħa tirrikjedi indikazzjoni ċara taż-żmien meta jenħtieġ li tiġi vvalutata l-konformità.
Jenħtieġ li ż-żmien rilevanti sabiex tiġi vvalutata l-konformità tal-oġġetti jkun iż-żmien meta l-oġġetti jiġu kkonsenjati.
Jenħtieġ li dan japplika wkoll għal oġġetti li jinkorporaw kontenut jew servizz diġitali, jew ikunu interkonnessi miegħu, u fornuti permezz ta’ att uniku ta’ provvista.
madankollu, jekk il-kontenut jew is-servizz diġitali inkorporat fl-oġġetti, jew interkonness miegħu, ikun se jiġi fornut kontinwament tul perjodu ta’ żmien, jenħtieġ li ż-żmien rilevanti għall-iskop tal-istabbiliment tal-konformità ta’ dak l-element tal-kontenut jew is-servizz diġitali ma jkunx mument wieħed speċifiku fiż-żmien iżda pjuttost perjodu ta’ żmien, li jibda mill-mument tal-konsenja.
Jenħtieġ li, għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, dak il-perjodu ta’ żmien ikun daqs il-perjodu li matulu l-bejjiegħ ikun responsabbli għal nuqqas ta’ konformità.
- = -
(41) Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm ċertezza legali għall-bejjiegħa u l-fiduċja ġenerali tal-konsumaturi fix-xiri transfruntier, hemm bżonn li jiġi previst perjodu li fih il-konsumatur ikun intitolat għar-rimedji għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità eżistenti fil-mument rilevanti biex tiġi stabbilita l-konformità.
Peress li, meta implimentaw id-Direttiva 1999/44/KE, il-maġġoranza kbira tal-Istati Membri pprevedew perjodu ta’ sentejn, u fil-prattika dak il-perjodu huwa meqjus raġonevoli mill-parteċipanti fis-suq, jenħtieġ li dak il-perjodu jinżamm.
Jenħtieġ li l-istess perjodu japplika fil-każ ta’ oġġetti b’elementi diġitali.
madankollu, jekk il-kuntratt jipprevedi l-provvista kontinwa għal aktar minn sentejn, jenħtieġ li l-konsumatur ikollu d-dritt jitlob rimedju għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-kontenut jew is-servizz diġitali li jseħħ jew jimmanifesta ruħu fil-perjodu li matulu l-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali irid ikun fornut skont il-kuntratt.
Sabiex tiġi żgurata li jkun hemm l-flessibbiltà għall-Istati Membri biex iżidu l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-liġi nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu liberi li jipprevedu limiti ta’ żmien itwal għar-responsabbiltà tal-bejjiegħ minn dawk stipulati f’din id-Direttiva.
- = -
(43) Rigward ċerti aspetti, jista’ jiġi ġustifikat trattament differenti fir-rigward ta’ oġġetti użati.
Għalkemm perjodu ta’ responsabbiltà jew ta’ limitazzjoni ta’ sentejn jew aktar normalment jirrikonċilja l-interessi kemm tal-bejjiegħ u tal-konsumatur, dan jista’ ma jkunx il-każ fir-rigward ta’ oġġetti użati.
Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jippermettu lill-partijiet sabiex jaqblu fuq perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar għal dawn l-oġġetti.
Li din il-kwistjoni titħalla għal ftehim kuntrattwali bejn il-partijiet iżżid il-libertà kuntrattwali u tiżgura li l-konsumatur għandu jiġi infurmat kemm dwar in-natura tal-oġġett bħala oġġett użat u l-perjodu ta’ responsabbiltà jew limitazzjoni iqsar.
madankollu jenħtieġ li perjodu bħal dan miftiehem kuntrattwalment ma jkunx iqsar minn sena.
- = -
(63) Meta jitqies li l-bejjiegħ huwa responsabbli lejn il-konsumatur għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità tal-oġġetti li jirriżulta minn att jew ommissjoni tal-bejjiegħ jew ta’ parti terza, il-bejjiegħ jenħtieġ li jkun jista’ jfittex rimedji kontra l-persuna responsabbli f’ħoloq preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li tali rimedji jinkludu dawk għal nuqqas ta’ konformità li jirriżulta mill-ommissjoni ta’ aġġornament, inkluż aġġornament tas-sigurtà, li kien ikun meħtieġ biex l-oġġett b’elementi diġitali jinżamm f’konformità.
madankollu, din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prinċipju tal-libertà kuntrattwali bejn il-bejjiegħ u partijiet oħra fil-katina tat-tranżazzjonijiet.
Jenħtieġ li d-dettalji għall-eżerċizzju ta’ dak id-dritt, b’mod partikolari kontra min u kif għandhom jiġu segwiti dawn ir-rimedji u jekk ir-rimedji humiex ta’ natura obbligatorja, jingħataw mill-Istati Membri.
Il-kwistjoni dwar jekk il-konsumatur jistax ukoll jagħmel pretensjoni direttament kontra persuna fi stadju preċedenti tal-katina tat-tranżazzjonijiet jenħtieġ li ma tkunx regolata minn din id-Direttiva, ħlief f’każijiet fejn il-produttur joffri garanzija kummerċjali għall-oġġetti lill-konsumatur.
- = -